1.
Mewt ġo Venezja hi l-iktar tradizzjoni
reċenti tiegħek. Kif u għaliex issa l-għażla tiegħek waqgħet fuq Thomas Mann?
Bħal Oscar Wilde u D.H. Lawrence, Thomas Mann
kien kittieb kbir u kontroversjali li, minħabba l-omosesswalità tiegħu, bħal
bosta awturi oħra, fittex li jeħodha kontra s-soċjetà dejqa u faċċjola ta’
żmienu, l-era Vittorjana u dik
immedjatament warajha, li ħakmet u fixklet lil kemm-il-kittieb bix-xkiel
ta’ ċensura mill-aktar stretta u oppressiva. Ironikament, dan qanqal aktar lil
dawn il-kittieba biex jirribellaw u, eventwalment, ‘iriegħxu dejjem aktar’ lill-istess
soċjetà bix-xogħlijiet ‘jaħarqu’ tagħhom li dejjem, b’xi mod, irnexxielhom
joħorġu u jippubblikaw xorta waħda! U għażilt lil Thomas Mann, u n-novella kbira tiegħu Mewt ġo Venezja (Der Tod in Venedig, 1912),
għax fiha, għad li forsi b’mod sottili,
l-awtur inissel mistoqsija enigmatika u intertestwali dwar jekk il-kontentut
tan-novella kienx dwar l-omosesswalità per
se inkella sempliċiment dwar sbuħija fiżika, fin-novella personifikata
fiż-żagħżugħ Pollakk Tadeusz, li bi ġmielu jġennen warajh lill-kittieb ta’ mezza età Gustav von Aschenbach waqt li
dan ikun fuq btala ta’ mistrieħ ġo Venezja... b’konsegwenzi traġiċi!
2.
Semmi tnejn jew tliet temi ewlenin fix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb.
Mann kien influwenzat ħafna b’dak li kien jiġri
madwaru, fl-ambitu ta’ familtu u tas-soċjetà ta’ żmienu, l-aktar fis-snin
tletin tas-seklu l-ieħor, u kien partikolarment imxabba’ bil-linja politika
awtokratika perikoluża li kien adotta Hitler li, eventwalment, wasslet
għat-tieni Gwerra Dinjija. Dawn it-temi jinħassu intensi u qawwijin
għall-aħħar, partikolarment fir-rumanzi Doktor
Faustus (1947) Lotte in Weimar (1939) u Joseph
and his Brothers (1943). Hawn ta’ min jgħid li Mann ingħata l-Premju Nobel
għal-Letteratura fl-1939.
3.
Min taħseb se jkunu l-qarrejja ta’ Mewt
ġo Venezja? X’tip ta’ feedback
kellu xogħol bħal dan barra minn xtutna?
Nemmen li l-qarrejja ta’ Mewt ġo Venezja se jkunu dawk li apprezzaw (ukoll) it-traduzzjonijiet
tiegħi ta’ Dante, Shaksepeare, Wilde, Voltaire u Lawrence. Dawn huma kittieba
kbar u xogħlijiethom jibqgħu għajn eterna ta’ isipirazzjoni dwar dak kollu li
jagħmel lill-bniedem denn tal-umanità tiegħu u ta’ xortih. Illum id-dinja
teknoloġika saret aljenanti, materjalista, u tbiegħdet qatigħ mill-ispiritwalità, u
għalhekk wieħed jagħmel tajjeb li jerġa’ jfittex (u jsib) lilu nnifsu u għerqu
f’dawn ix-xogħlijiet letterarji ġganteski u immortali. Mewt ġo Venezja kien minn dejjem rumanz magħruf u popolari
mad-dinja kollha. Iżda wara li fl-1971 ħareġ il-film Death in Venice, ta’ Luchino Visconti, b’Dirk Bogarde bħala von Aschenach u Bjorn
Andresen bħala Tadeusz, il-fama tan-novella splodiet, ħajr għas-suċċess enormi
li kellu l-film u, naturalment, wisq
aktar nies saru jafu biha.
4.
Kif ivarja Thomas Mann minn Dante, Shakespeare, Wilde, Lawrence, Voltaire u
kittieba oħrajn li inti għoġbok taqleb għall-Malti matul il-karriera twila
tiegħek, l-aktar meta tiġi biex taqleb mill-ilsien barrani għall-ilsien Malti?
Bħal kull bniedem, kull awtur huwa differenti
minn ieħor. Il-fattur komuni li jgħaqqadhom huwa l-umaniżu u l-ġenju tagħhom fil-gradi
kollha tiegħu. Kollha jirriflettu żmienhom, ġibdiethom, is-sesswalità, il-ferħ
u s-sofferenzi tagħhom. Jien bdejt bl-iebes mill-ewwel: Dante medjevali,
imbagħad Shakespeare, Wilde, Voltaire u Lawrence: awturi kbar fi żminijiet
differenti. U, biex setgħet tkun omoġenja u kredibbli, kull traduzzjoni bil-Malti li jien għamilt
kellha bilfors tikkumplimenta kemm lill-awtur kif ukoll iż-żmien li għex fih, u
saħansitra l-lingwaġġ li uża. B’danakollu kull xogħol li għamilt, l-ewwel
għarbiltu bl-akbar reqqa minn kull angolu, u mbagħad
bdejt ix-xogħol fuqu, meta kont assolutament konvint mill-ħakma tiegħi
fuq ix-xogħol in kwestjoni.
5.
Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb
u l-letteratura?
Lill-ġenerazzjoni żagħżugħa nagħtiha parir twarrab
aktar il-mobile minn idha u taqra
aktar u aktar. Illum adottajna l-kultura filistina li dak li hu qadim armih! Hu
x’inhu! F’kull fergħa ta’ arti! Żball traġiku! Siġra mingħajr għeruqha tmut, u
hekk tmut il-kultura meta wieħed iwarrab dak li eternament ipaxxi lir-ruħ. Kollu
minnu li l-aljenazzjoni (l-aktar għaż-żgħażagħ) illum hija kbira, u
t-tentazzjoni li wieħed jitkaxkar mal-kurrent hija kiefra daqskemm hi reali, u akbar.
Iżda r-ritorn lura lejn il-qari, lejn il-ktieb u l-letteratura għadhom jistgħu
jsalvahom mill-artifiċjalità li ddawwarhom, jiftħilhom toroq ġodda fil-milja
ta’ ħajjithom, u joffrilhom is-serenità u ferħ li toffri biss l-Arti vera!
No comments:
Post a Comment