L-Istorja ta’
pajjiżna hi wisq għal qalbi! Wara l-pubblikazzjoni ta’ żewġ rumanzi oħra (Is-Saltna li Jmiss u Emilia), ħassejt li l-perjodu
tal-Kavallieri wkoll għandu x’joffri bħala bażi għan-nisġa ta’ rumanzi storiċi.
Din id-darba għażilt storja bbażata fuq episodju li forsi ftit li xejn hu
magħruf magħna l-Maltin: il-Konfoffa tal-Ilsiera, ġrajja li seħħet fi żmien il-Gran
Mastru Pinto fl-1749. Kont ili ngħarbel kif ġrajja ftit li xejn magħrufa tista’
sservi bħala sfond b’saħħtu għal ġrajja fittizja iżda interessanti. Wara li
komplejt nirriċerka dan il-perjodu partikolari, u b’mod espliċitu dan
l-episodju, ħassejt li għandi l-ingredjenti kollha meħtieġa biex ninseġ
il-ġrajja tar-rumanz. U b’hekk nista’ ngħid li twieled ir-rumanz Aħmed – L-Ilsir li Jsir Eroj. Ġaladarba
r-riċerka inkun għamiltha kif suppost, dan jgħinni biex il-ġrajja rakkuntata
tinkiteb mingħajr skossi żejda. Dan ir-rumanz bdejt niktbu fl-2017 u temmejt
niktbu din is-sena stess (2018).
Ir-rumanz fih
diversi temi kuntrastanti. Pereżempju, insibu li Aħmed minn kmandant ta’ xini
Ottoman – x’aktarx wieħed mill-iktar imriekeb importanti tal-Imperu Ottoman
fis-seklu tmintax – kien spiċċa lsir taħt idejn il-Kavallieri. Naraw hawnhekk
is-sens ta’ rabja, ta’ frustrazzjoni u ta’ vendetta li fl-ewwel parti
tar-rumanz Aħmed kellu kontra l-Kavallieri. U lil dan, miskin, ma nagħtuhx
tort! Kellu karriera navali twila warajh, kellu bosta titli u unuri li ngħata
mis-Sultan Ottoman innifsu u kellu wkoll futur quddiemu għax kien għadu
żagħżugħ. Imma naraw tul ir-rumanz kif ir-rabja tinbidel għal sens ta’ paċi
fil-qalb u l-frustrazzjoni bil-mod tinbidel f’opportunitajiet ġodda fil-ħajja
ta’ Aħmed. Minħabba f’hekk il-vendetta ma tibqax tirrenja f’moħħ u qalb dan
l-ilsir. Anzi, bil-kuntrarju, naraw kif bil-mod il-mod Aħmed jispiċċa biex isir
eroj ta’ Malta u ħabib tal-Kavallieri. B’mod ironiku, min kien qabdu bħala lsir
u biddilu ħajtu ta’ taħt fuq, spiċċa sar l-ikbar alleat tiegħu.
Personalment
inħoss li dan ir-rumanz mhux biss huwa itwal minn Emilia u Is-Saltna li Jmiss,
iżda huwa wkoll aktar matur. Dan huwa t-tielet r-rumanz li qed nippubblika.
Nemmen li hemm aktar maturità fil-ħsieb, fil-lingwaġġ u l-espressjoni, kif ukoll
fil-mod kif tiżvolġi n-narattiva.
Ir-rumanzi
tiegħi huma mmirati għal kull min iħobb jaqra bil-Malti, l-ilsien sabiħ tagħna.
Inħoss li l-Malti li nuża la huwa sempliċi żżejjed u lanqas hu akkademiku.
Għaldaqstant, nemmen li r-rumanzi tiegħi jistgħu jinqraw mit-tfal,
miż-żgħażagħ, kif ukoll mill-adulti, minkejja l-livell ta’ edukazzjoni tagħhom.
Il-feedback li jkolli huwa
ġeneralment wieħed pożittiv, tant illi ż-żewġ rumanzi li ppubblikajt qabel
intagħżlu biex jinqraw anke fuq ir-radju, xi ħaġa li jiena tant apprezzajt.
Ħaġa oħra li jgħiduli hija kemm ikunu riċerkati r-rumanzi tiegħi. Irrid
nagħmilha ċara, iżda, li r-rumanzi tiegħi mhumiex kotba tal-Istorja. Għalkemm
dejjem nuża sfond storiku, il-ġrajja li nirrakkonta hija msejsa fuq ġrajjiet u
personaġġi storiċi mħallta ma’ oħrajn fittizji.
Kieku kelli nuża biss ġrajjiet u personaġġi storiċi nkun qed nillimita
ruħi ħafna fin-nisġa ta’ narattiva interessanti u dinamika.
Naħseb li din
hija taħlita ta’ diversi elementi. Irrid ngħid li l-istudji tiegħi
f’universitajiet differenti kienu dejjem fl-Arkeoloġija u l-Istorja. Iżda rrid
ngħid ukoll li meta dħalt l-Università ta’ Malta fl-1987 jien kont bdejt nistudja l-Malti,
lingwa li tant inħobb. Ir-rumanz, b’mod partikolari, huwa ġeneru ta’
letteratura li huwa għal qalbi wisq. Dejjem emmint li l-istudji fl-Arkeoloġija
u l-Istorja setgħu jservu bħala bażi tajba biex permezz tagħhom inkun nista’
nesperimenta bil-lingwa Maltija, u b’mod partikolari fil-letteratura Maltija.
Tant hu minnu li fit-tliet rumanzi li ppubblikajt diġà nagħmel diversi
referenzi indiretti għar-riċerka dottorali tiegħi, pereżempju meta niddeskrivi
d-djar, is-soċjetà Maltija f’epoki differenti, il-klassi soċjali, l-ekonomija, eċċ. Irrid
intenni wkoll li, għalkemm aktar tard (fl-1988) jien kont ħallejt l-istudji
tiegħi fil-Malti biex minflok nispeċjalizza fl-Arkeoloġija u l-Klassiċi, bqajt
dejjem ngħożż il-Malti u l-letteratura Maltija.
Il-messaġġ
tiegħi liż-żgħażagħ – anke bħala edukatur għal kważi 30 sena, huwa wieħed:
komplu għożżu l-qari, minkejja l-lingwa, minkejja t-tul u minkejja s-suġġett.
Il-qari huwa importanti għaliex mhux biss huwa passatemp u jgħinek tistrieħ u
tirrilassa, imma huwa wkoll għodda importanti li permezz tagħha titgħallem
ħafna affarijiet ġodda. Jgħinek ukoll tikteb u tesprimi ruħek aħjar. Il-qari
jservi wkoll ta’ arrikkiment fil-lessiku li nużaw fil-kitba, barra li jgħin
fil-grammatika ta’ lingwa partikolari. Hija skuża li wieħed jgħid li m’għandux
ħin jaqra. Fil-verità kieku kellna nikkontrollaw ftit aktar l-użu tal-midja soċjali, żgur nsibu
iktar ħin biex naqraw.
Inħeġġeġ ukoll
liż-żgħażagħ biex mhux biss ikomplu jaqraw, imma wkoll biex jiktbu u
jesperimentaw ruħhom bil-kitbiet innovattivi tagħhom.