Saturday, December 24, 2011

Christmas cards from my friends abroad

MILIED HIENI U SENA ĠDIDA MIMLIJA SLIEM, SAĦĦA U ISPIRAZZJONI LILL-ĦBIEB TIEGĦI F'MALTA U ANKI BARRA

HAPPY CHRISTMAS AND A HAPPY NEW YEAR FULL OF PEACE, HEALTH AND INSPIRATION TO ALL MY FRIENDS IN MALTA AND ABROAD

BUON NATALE E UN ANNO NUOVO PIENO DI PACE, SALUTE E ISPIRAZIONE A TUTTI I MIEI AMICI DI MALTA E ALL'ESTERO




From Agnes Lam u Anthony Tsui (Hong Kong)


From Jan van den Hoek (Holland)


From Paola Mara De Maestri (Italy)



From Zacharoula Gaitanaki (Greece)



From Zanneta Kalyva-Papaioannou (Greece)



From Nadia Cella Pop and Dragos (Romania)

Friday, December 23, 2011

IL-MILIED FIL-VERSI TA' POETI NISA MALTIN

KOMETA AD1
Lina Brockdorff

Min jaf kemm-il darba mis-setaħ ta’ dari
insammar għajnejja fil-baħħ ta’ hemm fuq;
bil-hena titfawwar din qalbi kull lejla,
u ħlewwet il-ġenna inħossni induq.

Snin twal ili ngħarrex bit-tama li nilmaħ
Kometa speċjali, din waħda mis-sbieħ;
dehret lis-slaten, warajha issaħħru
u terrqu tant mili mingħajr qatt mistrieħ.

Mid-dalma mexxiethom għal dija ġo grotta,
mill-ifjen palazzi ġo maqjel spiċċaw,
minn bnadi imbegħda tad-dinja iltaqgħu
fejn sabu Tarbija li dritt aduraw.


Mal-medda tas-sekli, mal-mixja taż-żmien
inbidlet il-ħajja, inbidlu in-nies.
Tgħallimna u kbirna u ksibna kull ġid
‘mma qalbna hi vojta, u qtajna il-jies.

Bil-għerf ta’ dan moħħna wasalna sal-qamar,
id-dinja kissirna, għargħarna fid-demm:
bla nsaqsu “X’irridu? Għaliex? U il-għala?”
L-imħabba warrabna f’dagħdigħa ta’ semm.

Kometa! Kometa! Għadek tiġġerra,
tittajjar f’mergħat ta’ kwiekeb dehbin?
Jaħasra li kieku terġa’ tidhrilna …
Sibilna, nitolbu, il-ħelu Bambin!

XUMANI
Amanda Busuttil


Sultan Tarbija
fil-kartoliniqed jippruvaw ippogguk
flok l-ittra X.Instema' kor ikanta:
"Glorja l-materjali
u ghall-poter tal-art".
Ha jdoqqu l-qniepen
tad-diskoteki f'nofs il-lejl,
ha jirbumbjaw il-knejjes
bil-lehen tat-tifel tal-priedka
qed jitkellem wahdu.
L-anglu li ghadda jinvista
lid-dinja tal-bnedmin,
sabha ffrizata silg zonqri
u tghidx kemm skantah
l-fenomenu tal-'global warming'
fl-enciklopedija li ra bhala rigal,
taht sigret il-Milied...

U REĠA’ ĠIE L-BAMBIN...
Rita Debono Muscat

U reġa’ ġie l-Bambin
U reġa’ ra tlellix ta’ deheb u ġugarelli
U beka f’nofs tifrik it-terremot
U tkexkex bl-isparar tal-ixkubetti.U reġa’ ġie l-Bambin
‘Ma dak li ġie għalihMa sabu mkien.

KAIN: U REĠA’ ĠIE L-BAMBIN
Rita Debono Muscat

U reġa’ ġie l-Bambin
U sab l-imħabba f’qalbi
U sab il-ferħ u l-hena fl-imsejknin
U reġa’ ġie l-Bambin
U mfisqi ġol-benniena
Sab lilek titbissimlu
Ckejken Kain
U f’ħarstek lemaħ tama
Tħeġġeġ fjammi
Fuklar isaħħan qlub
Bi mħabba univers
U telaq il-Bambin
Bla ħares lura
Bid-dmugħ f’għajnejh
Imma moħħu mistrieħ.

IL-MILIED
Lou Drofenik


Il-Milied
Bell-bird qanpiena
idoqq Tlikk tlokk
Kookaburra jidħaq
fil-għoli fuq zokk
Il-Milied.

Il-Milied
Qamħ u skalora
Li kibru fid-dlam
Pasturi tat-tafal
Xi nagħġa u ħmar
Il-Milied

Il- Milied
Baħar illellex
Taħt sema bħan-nir
Xemx tiżreġ bla ħniena
Fuq ramla bla qies
Il-Milied

Il-Milied
Tfal għand in-nanna
Rigali kemm trid
Dundjan u pudina
Ġelati u nbid.
Il-Milied


ALLA ĦARES ʼL ISFEL

Therese Pace


...u Alla ħares ʼl isfel
b’għajnejn jinfdu ʼl ġewwieni
qal, dal-ġens qed jistennieni

u kompla jifli d-dinja
fid-dlam raha imfisqija
irrid, qal, dawl u dija

u żied iħares ʼl isfel
ra gwerra toħloq straġi
u qal irrid il-paċi

ma rridx li dil-mibegħda,
das-semm lili jnessiha
l-imħabba nnissel fiha

ʼl Luċifru ra jissielet
għar-ruħ mid-dnub mifnija
u qal irridha għalija

u żied iħares ʼl isfel
raha tilheġ fit-tbatija
u qal irrid nifdiha

f’għar fqajjar ħa maxtura
ʼl Ġużeppi u ʼl Marija
u bagħat ʼl Ibnu tarbija.

Wednesday, December 21, 2011

Intervista ma' Hilary Spiteri



Hilary Spiteri llum huwa lecturer tal-Istorja tal-Arti fis-Sitt Klassi tal-Kulleġġ ta’ De La Salle. Huwa parti mill-grupp Footprints li jdoqq mużika tal-ġeneru Christian Rock. Huwa wkoll wieħed mill-artisti żgħażagħ kontemporanji u fotografu dilettant. Dan l-aħħar ħareġ il-ktieb tiegħu bl-isem ta’ Academic Artistic Training in Early British Malta. Għal iktar tagħrif wieħed jista’ jara s-sit: www.hilaryspiteri.com

L-Intervista:

1. X’inhu l-isfond tiegħek f’rabta mad-dinja tal-Arti?

Fil-prezent nista nghid li l-Arti tinvolvi parti sostanzjali minn hajti. Hija kemm il-professjoni tieghi kif ukoll il-passatemp tieghi. Fuq bazi personali jien involut artisitikament fi produzzjoni ta’ arti pittorika, muzika kif ukoll kitba.

2. Minn fejn bdiet l-idea li tippubblika xogħol bħal dan?

Din ir-ricerka taf il-bidu taghha meta kont ghadni student unversitarju. Infatti l-bicca l-kbira tar-ricerka saret ghall-Masters li jiena ghamilt fid-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Xi ftit snin wara li wettaqt b’success dan l-istudju, sibt hafna inkoraggiment minn kollegi u hbieb sabiex ngholli din ir-ricerka ghall-livell ta’ publikazzjoni. Minkejja li kienet triq twila u xi mdaqqiet b’hafna ostakoli, nista nghid li l-perseveranza wasslitni sabiex intemm dan il-progett li jaghti gieh lill-istorja ta’ art twelidi.

3. X’tittratta eżattament din il-pubblikazzjoni tiegħek? Kemm ħaditlek żmien biċċa xogħol bħal din?

Il-ktieb bit-titlu 'Academic Artistic Training in early British Malta', joffri studju dettaljat fuq il-pedagogija akkademika artistika li kienet offruta f’Malta fl-ewwel sittin sena tal-hakma kolonjali Ingliza (1800-1860). Dan il-ktieb huwa l-ewwel produzzjoni Maltija li tittratta b’mod dettaljat it-taghlim tal-arti fl-ewwel zminijet bikrija tal-Inglizi f’Malta.

Ir-ricerka li wettaqt tul dawn l-ahhar disa’ snin ma kinitx wahda facli. Grazzi ghall-appogg u l-ghajnuna li sibt minn ghalliema u kollegi, fosthom il-Professur Mario Buhagiar, Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Università ta’ Malta, u l-hidma kontinwa permezz ta’ ricerka f’dokumenti originali, kemm f’Malta kif ukoll f’pajjizi barra minn xtutna (Ruma u Londra), irrnexxieli nifformola stampa cara tal-istabbilimenti ewlenin f’Malta li kienu joffru mezzi didattici artisitci u min kienu l-ghalliema, studenti u artisti fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax.

4. Għal min hija mmirata l-aktar?

Din il-publikazzjoni hija wahda ta’ natura teknika. Ghaldaqstant inhoss li l-element viziv kif ukoll l-adattament tal-kitba jghinu sabiex din il-publikazzjoni sservi bhala passagg li jittratta l-aspetti artistiku, socjali u politiku f’Malta, fl-ewwel snin tal-hakma Ingliza.

5. Inħoss li element importanti ħafna f’din il-pubblikazzjoni huwa l-aspett viżiv. Xi tgħid dwar dan?

L-aspett viziv ta’ din il-publikazzjoni involva ammont sostanzjali ta’ energija u xoghol sabiex il-prodott ikun wiehed tal-oghla livell. It-tfassil u l-issettjar huwa wiehed ta’ natura semplici u diretta sabiex jagevola lill-qarrej. Min-naha l-ohra, huwa ta’ min japprezza r-rikkezza fotografika tax-xoghlijiet artisitici li toffri din il-publikazzjoni. Kull dettal gie evalwat sabiex il-qarrej ikollu pprovuduta gwida viziva parallela mal-kontenut.

6. X’inhi l-importanza ewlenija ta’ ktieb bħal dan?

Dan il-ktieb jiftah tieqa fuq aspetti interessanti fuq il-perjodu Ingliz ta’ Malta fejn ftit li xejn gie apprezzat u ricerkat. Dan il-ktieb joffri nisga ta’ avvenimenti artistici li sehhew f’Malta u li mmodifikaw l-identita taghna bhala poplu.

7. Żgur li Malta qed terġa’ titqiegħed fuq quddiem bi proġett bħal dan. Xi tgħid dwar hekk?

Malta kellha x-xorti li ghaddiet minn taht l-idejn ta’ diversi hakkiema li ddominaw b’supremazija fl-ibhra tal-Ewropa. Tajjeb li wiehed josserva li meta Malta saret kolonja Ingliza, hija saret parti minn dominju kbir li bla ebda dubju halla impatt qawwi u pożittiv fuq livell amministrattiv u edukattiv. Din il-publikazzjoni titfa’ dawl fuq dan il-progress u kif Malta zammet pari passu mal-medda taz-zmien.

8. Xi tgħid dwar it-tagħlim tal-Arti fl-iskejjel Maltin illum? Għamilna pass lura jew ’il quddiem? X’jista’ jsir għall-aħjar?

L-arti fl-iskejjel Maltin hadet spinta ’l quddiem. Min-naha l-ohra nahseb li fadal hafna xi jsir sabiex l-istudenti taghna jingħataw formazzjoni artistika kompluta. Personalment inhoss li n-nuqqas ta’ rizorsi presenti fl-iskejjel kif ukoll in-nuqqas ta’ rikonixximent tad-dixxiplina artisitka fuq livell terzjarju qed jillimitaw dan is-suggett.

9. Inti kif tirrikonċilja x-xogħol tiegħek ta’ għalliem, l-attività kreattiva tiegħek bħala artist u proġetti ambiżżjużi u ta’ natura akkademika bħal dan il-ktieb tiegħek?

L-attività artisitka, il-professjoni tieghi u n-natura akkademika jinvolvu hafna hin u hsieb u ghalqadstant mhux daqshekk facli sabiex wiehed jilhaq kompromess. Min-naha l-ohra nhoss li din hija nisga fejn ghandek elementi differenti li jikkumplimentaw lil xulxin u jaghmlu l-affarijiet aktar interessanti. Dan iservi ta’ stimulu sabiex navvanza aktar ’il quddiem bil-progetti tieghi li ghaldaqstant iservu ta’ kontribut ghas-socjetà li naghmel parti minnha.

Ara wkoll il-videos fil-links: http://hilaryspiteri.blogspot.com/2011/12/hilary-spiteri-featured-on-meander-re.html u http://hilaryspiteri.blogspot.com/2011/11/hilary-spiteri-featured-on-pbs-re.html

Intervista ta' Patrick Sammut

Intervistat Dr. Victor Sammut mill-Awstralja



L-intervistat (xellug), Dr. Victor Sammut, mal-intervistatur (lemin), Patrick Sammut

BIJOGRAFIJA QASIRA:

Dr. Victor Sammut huwa l-President attwali tal-Grupp Letteratura Maltija li twaqqaf 33 sena ilu. Il-post fejn jiltaqgħu huwa f’Parkville, fl-Awstralja. Dan il-Grupp jorganizza lejliet Maltin ta’ natura mużiko-lettararja, fejn il-kitbiet li jinqraw waqt l-okkażjoni jinġabru wkoll fi ktejjeb bħala tifkira. Illum ftit żgħażagħ huma interessati fil-GLM, anki għax hemmhekk il-Malti huwa lingwa sekondarja. Dr. Victor Sammut huwa wieħed mill-kittieba Maltin li jgħixu l-Awstralja. Bħala professjoni huwa tabib li juża l-Malti mal-pazjenti Maltin. Huwa telaq minn Malta fl-1987. Ħadem 3 snin fi klinika tal-Gvern biex wara fetaħ il-klinika privata tiegħu. Illum għandu 66 sena u jixtieq li xi ħadd joħodlu postu fil-klinika. Fil-poeżija tiegħu x-xjenza tinfluwenzah ħafna, imma juża kliem sempliċi u xejn ikkumplikat. Bil-poeżiji tiegħu huwa jipprova jgħallem u anki jferraħ. Għandu wkoll xi kitbiet ta’ natura spiritwali. Dr. Victor Sammut jiġi regolarment Malta biex jiltaqa’ ma’ ħbiebu tobba, oħrajn mużewmin u bosta oħrajn li kienu l-iskola flimkien.


L-INTERVISTA:

1. Kif tiddeskrivi ruħek bħala bniedem? Kif tgħaddi jum tipiku fil-preżent?

Jiena bniedem sempliċi ħafna, jiġifieri kemm nista’ naħrab il-komplikazzjonijiet fil-ħajja. Kuntent nagħmel dmiri mill-aħjar li nista’, u ngħix ħajja kwieta mal-familja. Inqum kmieni fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu u noħroġ nagħmel viżta jew tnejn fid-djar tal-pazjenti, u nisma’ quddiesa. Imbagħad nibda x-xogħol tal-klinika fid-disgħa ta’ filgħodu. Bejn is-siegħa u s-sagħtejn ta’ wara nofs in-nhar immur niekol, nistrieħ ftit, u nerġa’ nibda l-klinika fit-tlieta biex nispiċċa bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija. Madwar darbtejn fil-gimgħa bejn is-sitta u nofs u d-disgħa ta’ filgħaxija ġie li jkolli laqgħa ta’ aġġornament fil-mediċina, u mbagħad nispiċċa l-jum tax-xogħol billi nagħlaq xi files jew nikteb xi informazzjoni dwar il-pazjenti li nkun rajt matul il-jum. Naturalment ta’ sikwit indum sa tard bil-lejl għax ikun hemm xi emails u xi ittri li jridu jintwieġbu. Ġeneralment immur norqod għal xi l-ħdax ta’ bil-lejl. Nhar ta’ Sibt naħdem nofs ta’ nhar filgħodu, u wara nofs in-nhar nagħmel xi viżti u wara mmur il-quddies ta’ filgħaxija fejn inkanta fil-kor tal-parroċċa. Il-Ħadd filgħodu nisma’ l-quddiesa tat-tmienja, li tkun bil-Malti u li fiha wkoll immexxi l-kant, u nservi ta’ ministru tat-tqarbin. Meta nsib ħin inħobb naqra bil-Malti u bl-Ingliż, u nikteb xi proża jew poeżija skond l-ispirazzjoni jew it-tqanqil tal-muża.

2. X’tiftakar mill-jiem tat-tfulija u żgħożija tiegħek f’Malta?

Jiena kont it-tieni fost ħamest itfal, u missieri kien isiefer ħafna fir-Royal Navy, għalhekk trabbejt viċin ħafna ta’ ommi, u niftaħar ingħid li kont l-iktar qrib lejha fost ħuti. Niftakarha tqum kmieni biex tħejjilna l-kolazzjon għal filgħodu u l-lunch għall-iskola, u rabbietna b’għożża kbira fil-biża’ t’Alla. Minn dejjem kont inħobb nistudja, u kont inħobb neżerċita l-memorja tiegħi, kemm fl-iskola, fejn dejjem ksibt marki tajbin, u anki fil-“MUSEUM”, fejn kont nieħu pjaċir nikkwota l-passi mill-iskrittura, mill-qaddisin, u mil-“leħen il-Maħbub”. Kien fil-“MUSEUM” li bdejt nikteb bil-Malti, b’ħafna żbalji fl-ortografija għall-ewwel. Minn dejjem kont inħobb l-ilsien Malti għax huwa lsien art twelidi, u kont insewwed qalbi li fil-Kulleġġ San Alwiġi, fejn qattajt seba’ snin, ma konniex nistgħu nitkellmu bil-Malti għax riduna nitħarrġu bl-Ingliż. Madankollu kien f’dan il-kulleġġ, taħt it-tmexxija tal-mibki Dun Frans Ċamilleri, li jien tgħallimt kif nikteb il-Malti bis-sens. Kien ukoll f’dan il-kulleġġ fejn kibret fija l-imħabba lejn ix-xjenza u lejn il-kant. Meta kelli ħmistax-il sena kont qed intella’ u nniżżel x’se nagħmel b’ħajti, u kien il-mibki Fr. Emvin Busuttil S.J. li mexxieni spiritwalment u għeni nagħżel bejn is-saċerdozju u l–mediċina. Bil-parir tiegħu, għaraft li ma kontx imsejjaħ biex inkun tabib tar-ruħ, u għalhekk għażilt li nkun tabib tal-ġisem.
Ta’ żagħżugħ kont fil-“MUSEUM” sakemm għalaqt is-sebgħa u għoxrin sena, u għalhekk ma kontx immur dances u ma kontx infittex it-tfajliet, imma kont inħobb naqra u nistudja, nilgħab iċ-ċess, u l-ikbar hobby tiegħi dak iż-żmien kien l-Astronomija. Kont inqatta’ ljieli sħah inħares lejn il-qamar u l-pjaneti u n-nebulae bit-teleskopju li kont bnejt jien stess, u anki kont membru attiv tal-Għaqda tal-Astronomija.

3. Meta bdiet il-ġibda tiegħek lejn il-kitba? Lejn liema ġeneru letterarju inti l-iktar miġbud meta tiġi biex tikteb? Għaliex?

Naħseb li l-ġibda lejn il-kitba nħolqot fija meta kont għadni tifel ta’ xi tnax-il sena mmur il-MUSEUM, kif diġà għidt, u kompliet titrawwem fija fil-kulleġġ San Alwiġi fejn kont nieħu gost nikteb il-kompożizzjonijiet. Kont ukoll bdejt nikteb xi poeżiji ta’ età żgħira, forsi meta kelli madwar ħmistax-il sena. Billi kont inħobb il-kant, speċjalment il-kant tal-quddiesa tal-Ħadd u l-kant tal-Milied, kont inħobb ir-rittmu u t-tqabbil li kont insib fil-poeżija, u anki ktibt xi poeżiji li setgħu jitkantaw fuq il-mużika ta’ kant popolari.

4. Meta ġietek l-idea li temigra lejn l-Awstrajla? Għaliex? Liema bidliet ħassejt l-aktar għall-ewwel?

Jiena qatt ma kelli ħsieb li nemigra, u li ma kienx l-istrajk tat-tobba li kellna Malta mill-1977 sa l-1987 ma kontx niġi l-Awstralja. Wara sitt snin strike marti kienet bdiet tħeġġiġni biex nitilqu u mmorru l-Kanada fejn għandha żewġ ħutha joqogħdu, imma jien żammejt sod u għidtilha li m’għandix inħalli ‘l pajjiżi minħabba strike tat–tobba. Madankollu kont inħossni ninqaras bl-ikrah minn dak li kien qed jiġri madwarna. L-inkwiet, id-dwejjaq u l-mibegħda kienu jinħassu kullimkien. Kulħadd nervuż u mdejjaq, u x-xogħol privat dejjem jonqos billi l-gvern fetaħ il–polyclinics b’xejn għal kulħadd. Kont bdejt ngħallem l-iskola biex nista’ ngħajjex il-familja tiegħi. Meta mbagħad, f’Settembru 1984 (is-sena Orwelljana) kien hemm l-istraġi fil-kurja u fil-qrati, u kellna ngħallmu t-tagħlim tal-iskola fid-djar privati, ħassejt xi ħaġa ċċedi ġo fija, u għamilt riżoluzzjoni li mmur l-Awstralja. Kelli diżappuntamanet kbir meta qaluli mill-“Australian High Commission” li għalxejn nipprova nemigra, għax l-Awstralja ma jridux tobba, imma bqajt nirsisti biex immur, u fl-1986 ġejt l-Awstralja għal xahar, u wara ħafna tkixxif irnexxieli nsib sponsor: Kumpanija tal-Computers li xtaqu joħolqu programm għat-tobba. Dawn għamluli employment nomination jiġifieri applikazzjoni biex jistgħu jimpjegaw xi ħadd minn barra l-pajjiż, għax dak iż-żmien kien hawn nuqqas ta’ programmaturi tal-computers. Bis-saħħa ta’ din in-nominazzjoni rnexxieli nasal l-Awstralja bħala immigrant bil-familja tiegħi, u wara tliet snin studju u l-eżamiijet tal-“Australian Medical Council” irnexxieli nikseb ir-registrazzjoni lokali fil-mediċina.

Għall-ewwel kien hemm diversi tibdiliet li kelli nagħmel kemm fil-ħsieb u kemm fl-għemil. Għalkemm aħna l-Maltin nikellmu tajjeb bl-Ingliż, l-Ingliż fl-Awstralja għandu ħoss differenti u anki vokabularju għalih. Meta tkun marid jgħidu li inti “crook”, kull min tara jissejjaħ “mate” (pronunzjata “mite”), flok “good morning” jgħidu “Good day” (pronunzjata “good die”). Kull mara hija “Sheila”, min ikollu d-deni jgħid li huwa “burning up”, jekk hu mdardar “I feel sick”, jekk se jirremetti “I feel like puking”, jekk ikollu d-dijarea “I have the runs”, u ħafna espressjonijiet u kliem oħrajn li trid iż-żmien biex tidrahom. Hawn ħafna Maltin madwarna, u kotra kbira ta’ Għawdxin, tant li tgħallimt ukoll ħafna espressjonijiet u kliem bil-Għawdxi li qatt ma kont nitgħallimhom kieku bqajt Malta.

5. L-Awstralja kif tinfluwenzak fil-kitbiet tiegħek? U Malta?

Nista’ ngħid li iktar ktibt kemm ili l-Awstralja milli meta kont għadni Malta. F’Malta l-iktar li kont nikteb kien ikun bħala preparament għal xi diskors li kont nagħmel, daqqa fuq suġġetti mediċi u drabi oħra fuq suġġetti spiritwali. Nista’ ngħid li dak iż-żmien iktar kont orjentat lejn id-diskors milli lejn il-kitba. Trid tiftakar li jien għamilt żmien twil, daqqa ta’ għoxrin sena, ngħallem ix-xjenza fl-iskejjel sekondari ta’ Malta, u dan kont nagħmlu waq li kont naħdem ta’ tabib fil-prattika privata, u għalhekk ma kienx ikolli ħafna ħin biex nikteb – dejjem sejjer minn ħaġa għal oħra. Fl-Awstralja l-ħajja nbidlet. Ix-xogħol tal-mediċina jieħu l-ġurnata kollha, u ma għandix ħin biex immur ngħallem fl-iskejjel. Għalhekk intfajt iktar fuq il-kitba u mhux fuq id-diskorsi. Barra minn hekk, meta sirt membru tal-MLG-GLM kelli iktar inċentivi biex nikteb Nista’ ngħid li dawn l-aħħar għaxar snin kienu l-iktar produttivi tiegħi.

6. Inti tabib. Kif tirrikonċilja x-xogħol ta’ tabib ma’ dak tal-poeżija?

B’diffikultà kbira. Jiena naħdem mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija, u ta’ sikwit inkompli x-xogħol tal-kitba wara dan il-ħin, kultant sa l-għaxra jew il-ħdax ta’ bil-lejl. Ikolli naħtaf xi ftit ħin ‘l hawn u ‘l hinn biex nikteb xi ħaġa, kultant fil-għaxija, u kultant fil-weekend jew f’xi jum ta’ btala. Il-kitba tal-poeżija titlob l-ispirazzjoni u l-muża, u ma ssirx kif ġieb u laħaq. Meta tiġi xi idea f’rasi, inkun fejn inkun, inħarbex xi ħaġa malajr fid-djarju tiegħi, u mbagħad fil-ftit ħin liberu li jkolli, inkompli nikteb dak li jkun għaddej minn moħħi. Importanti li nkompli nsus wara dik l-idea jew ispirazzjoni kemm jista’ jkun malajr, għax jekk ma nagħmilx hekk għandna mnejn ittir għal dejjem u qatt ma terġa’ tiġi lura. Kultant ix-xogħol tiegħi ikun l-istess ispirazzjoni, bħal per eżempju fil-poeżija u proża M’għandix ħin, u fil-poezija Għandi swimming pool id-dar, fejn nesprimi l-frustrazzjoni tiegħi dwar id-diffikultà li nibbilanċja x-xogħol professjonali, il-ħajja tal-familja, u ż-żmien tal-mistrieħ. Anki biex nikteb din il-kitba ta’ issa kelli nara kif nisraq il-ħin u kelli nqassamha f’diversi partijiet għax it-tul li fiha jirrikjedi ħafna żmien.

7. Qatt ħsibt biex fil-klinika fejn taħdem twaħħal kitbiet minn tiegħek f’notiċe board jew tagħmilhom disponibbli fi ktejbiet għall-pazjenti tiegħek biex jaqrawhom waqt li jkunu qed jistennew? Hawn tidħol l-idea tal-poeżija bħala waqt ta’ serħan mill-problemi ta’ kuljum. Xi tgħid dwar dan?

Qed togħġobni din l-idea, u qatt m’għaddiet minn rasi, forsi għax in-nies li jattendu mhumiex kollha Maltin. Imma naħseb li nista’ nibda nagħmilha, għax madwar sebgħin fil-mija mill-pazjenti huma Maltin u ħafna jħobbu jaqraw bil-Malti. Naf li meta jisimgħu xi kitbiet minn tiegħi fuq ir-radju jiġu jgħiduli kemm ħadu pjaċir bihom. Għalhekk naħseb li żgur jilqgħuhom jekk jaraw kitbiet minn tiegħi fejn jistgħu isibuhom.

8. Naf li l-versi tiegħek fihom tagħlima u xi drabi anki tbissima. Mela bħall-mediċina l-poeżija sservi biex ittejjeb il-pożizzjoni ta’ dak li jkun. Xi tgħid dwar dan?

Dan tassew minnu. Naf li meta t-tabib juri li għandu aspetti oħra f’ħajtu barra l-mediċina, in-nies isiru japprezzawh iktar. Bħal ma għidt hawn fuq, il-pazjenti jieħdu pjaċir jisimgħu qari minn tiegħi fuq ir-radju, u anki jiġu jgħiduli kemm ħadu pjaċir jisimgħu il-quddies meta nkun inkanta fil-kor. Għalhekk naħseb li jagħmel tajjeb it-tabib li juri interessi oħra f’ħajtu barra mill-mediċina. B’hekk ukoll ikun iservi ta’ eżempju tajjeb għall-poplu biex kull min għandu xi talent jużah għall-gid tal-komunità.

9. Dwar liema temi tikteb u liema forom metriċi u prosodiċi tippreferi tħaddem? Għaliex? Xi tgħid dwar il-lingwa li tħaddem fil-kitbiet tiegħek?

It-temi li nikteb dwarhom huma varji – jiddependi dejjem minn xi ħaġa li tolqotni, xi idea li tiġini, xi ispirazzjoni, jew xi ġrajja li tiġri u li nkun nixtieq infakkarha bil-kitba, bħal per eżempju meta nikteb dwar xi żjara li nagħmel, jew xi tagħlima li nixtieq ngħaddi lil ħaddiehor, jew xi ċajta jew ġrajja umoristika li tista’ tferraħ lil ħaddieħor.
Inħobb inżomm ir-ritmu fil-poeżija, biex tinstema’ b’mod li togħġob il-widna, u kemm jista’ jkun nuża versi mqabbla li narahom jintogħġbu iżjed u jiġu milqugħin aħjar mill-membri tal-komunità. L-iktar vers li nuża huwa l-vers tat-tmienja, li narah vers ferrieħi u ħafif biex jinqara, u vers li jintogħġob ħafna. Kemm nista’ nuża lingwa popolari u li tiftiehem minn kulħadd. Wara kollox, l-ikbar u l-ewwel skop tal-kittieb għandu jkun li l-qarrej jifhem dak li jara miktub mingħajr ma joqgħod iħabbel rasu wisq biex jifhem x’ried ifisser il-kittieb. Għalija l-arti għandha tkun espressjoni ta’ sbuħija li jista’ japprezzaha kulħadd, u mhux biss dak li għamel studju speċjali.

10. Hemm kittieba jew poeti Maltin jew barranin li b’xi mod ħallew marka fuq il-kitbiet tiegħek?

Niftakarni naqra r-rumanz Inez Farruġ ta’ A.M. Caruana meta kont nistudja għall-matrikola tal-Malti. Il-Malti tiegħu impressjonani u ħajjarni biex nikteb Malti tajjeb. Dan kien iż-żmien li kont qed nistudja l-Malti taħt it-tmexxija tal-mibki Dun Frans Camilleri, li kellu sistema ħelwa u sempliċi biex tgħin l-ortografija Maltija, li għadni niftakar u nuża sal-lum. Imbagħad hemm kittieba oħra li nammira ħafna, fosthom Dun Karm Psaila, l-avukat Ġorġ Zammit, li niftakru jgħallem San Alwiġi, u Manwel Nikolas Borg, u oħrajn.

11. Int u l-GLM fl-Awstralja. Kemm għandha membri llum? Hemm żgħażagħ fiha? Liema huma l-attivitajiet ewlenin tagħha? Għandha organu tagħha li bih twassal aħbarijiet u ħwejjeġ relatati lil min hu interessat?

Għandna madwar erbgħin membru. Sfortunatament żgħażagħ m’ għandniex. L-attivitajiet huma li niltaqgħu darba fix-xahar fejn kulħadd iġib xi materjal tiegħu jew ta' ħaddiehor biex jaqrah. Darba fis-sena jkollna Lejla-Mużiko Letterarja, għalkemm dan l-aħħar sirna nagħmluha wara nofsinhar biex dawk li jiġu mill-bogħod ma jkollhomx isuqu distanzi twal fid-dlam. Minn żmien għal ieħor nagħmlu Programm Letterarju speċjali bħalma kellna fit-tifkira tal-Isqof Joseph Grech u ta’ Dun Ġorġ Preca. Fil-Milied nagħmlu festin għall-membri, u ġieli nagħmlu laqgħat oħra bal barbecues għall-membri.
Għandna Folju t'Aħbarijiet li joħrog darba fix-xahar fejn fih ikun hemm aħbarijiet li għandhom x'jaqsmu mal-letteratura kemm fl-Awstralja u kemm f'Malta li l-editur jirċievi minn żmien għal żmien.

12. Kemm għandkom kuntatt mal-kittieba u għaqdiet tal-Malti f’Malta? X’jista’ jsir f’dan ir-rigward?

L-editur tal-Folju għandu kuntatt kontinwu ma' kittieba u għaqdiet Maltin bħalma huma l- Għaqda Poeti Maltin, il-Kunsill tal-Ilsien Malti u Poeżija Plus fil-każ ta' għaqdiet, u bħala kittieba spiss jagħmel kuntatt ma’ Patrick Sammut, Sergio Grech, Prof. Oliver Friggieri, Charles Coleiro u ħafna oħrajn.

13. Inħoss li meta tiġi biex tinkiteb Storja tal-Poeżija bil-Malti serja intom il-poeti Maltin fl-Awstralja għandu jkollkom taqsima apposta għalikom. Xi tgħid dwar dan?

Mhix idea ħażina, madankollu naħseb li tajjeb ikun hemm taqsima għall-poeti u kittieba emigranti madwar id-dinja, mhux fl-Awstralja biss.

14. Kif taħseb li tvarja l-poeżija li qed tiktbu intom minn dik li qed tinkiteb Malta?

Naħseb li l-kittieba Maltin fl-Awstralja jikbtu dwar Malta spiss, u b’nostalġija kbira. Jiftakru fi tfulithom f’Malta u joħolmu dwar dawk iż-żminijiet. Jiktbu wkoll dwar suġġetti li jaraw madwarhom: il-kobor tal-pajjiż, il-wesgħat kbar bil-ħaxix u s-siġar, il- ħajja fl-Awstralja, it-tbatija li batew sakemm rabbew għeruq ġodda f’pajjiż ġdid u kbir, u wkoll dwar suġġetti spiritwali u intellettwali.

15. Min huma skond inti l-kittieba Maltin ewlenin (proża u poeżija) tal-lum fl-Awstralja?

Kellna u għandna bosta kittieba Maltin li għamlu isem fil-kitba hawnhekk. Fost dawk li qed niftakar hemm Manwel Nicholas Borg, John Buttigieg, Joe Saliba, Manwel Casha, Fredu Cachia, Lou Drofenik, u Manwel Cassar.

16. Xi tgħid dwar il-Maltin li jagħżlu li jiktbu u jippubblikaw bl-Ingliż?

Ngħid għalija nieħu gost nikteb bil-Malti għax il-Malti huwa lsien art twelidi, u fih ċerta ħlewwa li ma ssibhiex fl-Ingliż. Madankollu, nifhem għaliex hawn kittieba Maltin li jagħżlu li jiktbu bl-Ingliż. Malta hija żgħira, u meta tqabbel mal-miljuni ta’ nies li jiktellmu u jaqraw bl-Ingliż, il ftit mijiet ta’ eluf ta’ Maltin f’Malta u fid-dinja kolla huma bil-kemm jidhru ħdejn dak in-numru kbir ta’ oħrajn. Għalhekk forsi min jikteb bl-Ingliż jista’ jkollu dan il-ħsieb, jiġifieri li l-kitba tiegħu tista’ tinqara minn numru ikbar ta’ nies, u bħallikieku jkollu udjenza ħafna ikbar. Ma jistax jonqos ukoll li fost il-kittieba Maltin emigranti aktarx li hemm ħafna li m’għadhomx jitkellmu bil-Malti, jew li jħossuhom iktar fluwenti meta jiktbu bl-Ingliż.

17. Għandek pjanijiet biex tippubblika xi xogħol minn tiegħek fil-ġejjieni? Liema?

Ili ħafna naħseb biex nippublika l-kitbiet tiegħi f’forma ta’ antoloġija jew sensiela ta’ kitbiet. Bħalma qed tara miż-żmien li ħadt biex inwieġeb għall-mistoqsijiet tiegħek, huwa ż-żmien qasir li żammni lura. Imma nittama li dalwaqt nasal biex nilħaq dan il-għan. Kieku kelli nsib tabib ieħor jew oħra biex jieħdu parti mix-xogħol tiegħi, ikolli iktar żmien biex niddedika għall-kitba u għall-pubblikazzjoni. Bħalma taf, parti mir-raġuni li ġejt Malta f’Ġunju kienet biex insib tabib ħalli jiġi hawn jieħu x-xogħol tiegħi, imma s’issa għadni ma sibt lil ħadd.

Patrick Sammut

POEŻIJI TA' VICTOR SAMMUT:

L-IMSIDA NBIDLET

Mort għal btala f’art twelidi;
Ftit iktar minn ġimagħtejn.
Mort ma’ marti għal Diċembru
U għand ommha qgħadna t-tnejn.

Il-kunjata mill-iMsida,
Raħal ta’ mill-eqdem nett;
Minn qabel il-kavallieri:
Għalhekk mhux post taż-żuffjett.

La semmejt il-kavallieri
Li f’Malta qattgħu tant snin;
Ma ninsewx illi fl-iMsida
Ħallew l-Għajn tal-ħasselin.

Dan il-Għajn ġo wied l-iMsida
Hemm jinsab ippreservat;
Għad fih l-ilma, ċar u ġieri:
Ħasra li ma jużah ħadd!

Fiż-żmien bgħid in-nisa kienu
Jaħslu f’dak l-ilma salmastru:
Jogħorku, jagħasru, waqt li jgħannu
It-tifħir minn tal-Gran Mastru.

Ftit ‘il hemm, knisja qadima
Dedikata ghall-Kunċizzjoni;
Għalkemm żghira, spiss tintuża:
Qrar, quddies, benedizzjoni.

Hemm il-knisja parrokkjali:
Darba kienet fuq il-baħar;
Issa l-moll mexxewh ‘il barra
Sabiex kabbru l-art ‘ir-raħal.

Bini ġdid tela’ bir-radam:
Il-qadim qiegħed jiġġarraf.
Hemm triq wiesgħa flok il-pompa
Fejn il-petrol kien jissarraf.

F’kelma waħda, raħal ċkejken
Issa kiber, żdied, u far:
Żdiedu l-bini u l-vetturi,
Żdiedu t-toroq, nies u djar.

Baqa’ biss problema waħda
Li narawha spiss, kull sena;
Baqgħet tiġri bla ma tonqos
Iktar ma’ r-rahal jinbena.

Meta tagħmel ħalba xita
Fis ifuru l-ilmijiet
Min-Naxxar u Birkirkara
U tal-Mosta in-naħiet.

Għalhekk rajt l-iMsida nbidlet,
Iżda baqa’ t-tifkiriet:
Baqa’ l-Għajn u l-Knisja ż-żgħira
U l-għargħar ta’ triq il-wied.


TERRORIŻMU

Kemm-il darba smajna l-għajta –
Noqtlu f’isem Alla l-Kbir -
Nagħmlu gwerra, mewt lill-għadu,
Neqirdu kemm żghir, kemm kbir.

Noħolqu gwerra qaddisa………
Imma din kontradizzjoni -
Ir-raġuni ma tridx forza,
Ma trid ebda konvinzjoni.

“Ħobb lil Alla qabel kollox”
Hekk għallimna il-Mulej
Dan kien l-ewwel amar tiegħu
L-ewwel wieħed minn fost tnejn.

Imbaħhad qal “it-tieni jixbhu,
ħobb lil għajrek bħalek sewwa,
Ukoll l-għadu, ħobbu u qimu
Istmah dejjem bħal ta’ ġewwa”.

Mela kif jazzarda l-bniedem
Fl-isem t’Alla u bla ħsieb xejn,
Jeqred eluf ta’ nnoċenti
Fosthom trabi ta’ l-idejn?

Alla żgur ma jridx mibegħda,
Irid maħfra u mhux tpattija
Mel’ għaliex inqabbżu ‘l Alla
Għaliex din l-ipokrisija?

Lilu ngħidu, biex jaħfrilna
Kull filgħodu fit-talb tagħna,
U jekk naħfru ‘l min hu ħati
Hekk huwa wkoll jagħmel magħna.

Il-kelmiet “gwerra qaddisa”
Huma farsa fl-espressjoni
Il-qdusija ġġib l-imħabba
Mhux il-qtil u d-distruzzjoni.

U t-theddid, kliem ta’ vendetta,
M’għandhomx post fir-reliġjon
Iktar u iktar meta ġejja
Mill-mexxejja tan-nazzjon.

Mexxej tali li jinqeda
Bl-isem t’Alla biss għall-ħsara
Tilef għaqlu u tilef rasu
Ħlief vendetta mhuwiex jara.

Dan mhuwiex ekonomista
Mhux nażista jew faxxista
Lanqas sempliċi razzista…..
Dan jissejjaħ - TERRORISTA.

Friday, December 16, 2011

Poesia di Buon Natale da Amerigo Iannacone


Ritorna il Natale


Ritorna il Natale
ancora vale il messaggio
il viaggio di un Bimbo
che porta amore.
Nel cuore di ognuno
germogli un seme
di speranza
cresca e invigorisca
l’esile filo dell’amore
il coraggio
contro la violenza
senza esitazioni
la fermezza
della bontà.
Non guerra ma pace
non armi ma aratri
non odio ma amore.

Amerigo Iannacone

Revenas Kristnasko

Revenas Kristnasko
ankoraŭ valoras la mesaĝo
la vojaĝo de infano,
kiu portas amon.
En la koro de ĉiu
ĝermu espera
semo
kresku kaj fortikigu
la subtila fadeno de l’ amo
la kuraĝo
kontraŭ la perforto
sen hezito
la firmeco
de boneco.
Ne milito sed paco
ne armiloj sed plugiloj
ne malamo sed amo.

Amerigo

Thursday, December 01, 2011

Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija 2011



It-tliet membri tal-Ġurija (Anton Grasso, George Falzon u Joe Borg) flimkien mas-Segretarju, Charles Magro, u l-President, Alfred Massa, tal-Għaqda Poeti Maltin.

LEJLA  TA’  PREMJAZZJONI
     Il-Konkors Nazzjonali ta’ Poe\ija organizzat mill-G]aqda Poeti Maltin [ie fi tmiemu waqt Lejla ta’ Premjazzjoni li saret il-Ħamis, 1 ta’ Diċembru 2011, fis-sala tas-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-Belt. Din tmexxiet mis-Segretarju, Charles Magro.
     F’diskors fil-bidu taċ-ċerimonja l-President tal-Għaqda, Alfred Massa qal li sa mit-twaqqif tagħha         fl-1975, l-Għ.P.M. mill-ewwel ħasbet biex tibda torganizza diversi attivitajiet ħalli tqajjem kuxjenza pubblika favor il-poeżija f’pajjiżna. Fost dawn l-attivitajiet kien hemm il-Konkors ta’ Poeżija li kellu jibda jsir kull sena. U hekk sar u hekk nittama li jibqa’ jsir. Għax dan il-Konkors qed jgħin lil ħafna poeżiji li jkunu ilhom is-snin maqfulin fil-kxaxen tal-individwi li jkunu nisġuhom.
     Kull sena dan il-Konkors ġibed lejh numru konsiderevoli ta’ parteċipanti kemm poeti stabbiliti kif ukoll oħrajn prinċipjanti. L-aktar meta dan infetaħ għall-poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan; bl-enfasi, naturalment, dejjem tkun fuq il-Malti. Imbagħad il-kelliem irringrazzja lil kulmin ħa sehem fl-organizzazzjoni tal-Konkors u feraħ lill-parteċipanti kollha, rebbieħa u mhumiex.
     Wara l-Ġurija qrat ir-Rapport tagħha. Intqal li fuq nota ġenerali l-konkors kien wieħed ta’ livell tajjeb ħafna. Saru wkoll suġġerimenti lil dawk li għadhom tarjin fin-nisġa tal-versi biex jaqraw aktar poeżiji kemm ta’ poeti Maltin kif ukoll ta’ poeti barranin.
     Imbagħad inqraw il-poeżiji rebbieħa u tqassmu l-Premjijiet mill-President tal-Għ.P.M., Alfred Massa.    Ir-riżultat kien dan li ġej:

TAQSIMA MALTI:
1. Flaxbekk ta’ Stefano Farrugia (rebbieħ ukoll tal-Premju Buontempo);
2. Lil R ta’ Keith Azzopardi;
3. Meta l-Aħħar Xemgħa ta’ Jane Micallef.

TAQSIMA INGLIŻ:
1. The Physician ta’ Kristina Miggiani;
2. Those few moments in time ta’ Raymond Grech.

TAQSIMA TALJAN:
1. Sotto il legno crocifisso nella mia stanza ta’ Mario Attard;
2. Da capo ta’ Christine Farrugia.

Issemmew b'ġieħ poeżiji mit-tliet taqsimiet, din id-darba ta' Therese Pace, Robert Zammit, Therese Vella, Stefano Farrugia, Kevin Tanti, Keith Azzopardi u Robert Gatt.


Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011, flimkien mal-President, 
Alfred Massa.

Sunday, November 20, 2011

Poem for Universal Children's Day

Poet Dr. T. Ashok Chakravarthy from Hyderabad, India, has wrote this poem fot the International Children's Day:

Saturday, November 12, 2011

A poem by Teresinka Pereira


11-11-11

There are still

waves on the sea

blue in the sky

hope in our destiny

and silence in the rock.

We go on living

and dying

as always.


TERESINKA PEREIRA

Monday, October 31, 2011

Żewġ poeti Maltin fost l-imsemmijin b'ġieħ fil-Premju Internazzjonali tal-Poeżija NOSSIDE 2011

Il-Premju Internazzjonali tal-Poeżija NOSSIDE huwa Konkors miftuħ għall-ilsna kollha tad-dinja. Il-President u Fundatur tal-Premju huwa l-Prof. Pasquale Amato. Il-Premju jkun miftuħ bejn Marzu u Ġunju ta' kull sena. Ftit ilu għadhom kemm ħarġu r-riżultati għas-sena 2011, li tiġi s-27 edizzjoni ta' dan il-Premju prestiġġjuż.

Din is-sena pparteċipaw mat-360 poeta minn 64 stati differenti, mill-ħames kontinenti. Fost dawn kien hemm ukoll 4 poeti Maltin, tlieta minnhom minn Malta u ieħor mill-Victoria, fl-Awstralja. Minn dawn l-erba' poeti, 2 ġew ippremjati b'Menzjoni, biex b'hekk huma intitolati għal Ċertifikat u l-poeżija tagħhom tiġi nkluża fl-Antoloġija li toħroġ kull sena u li fiha jiġu nklużi l-poeżiji rebbieħa kollha ta' din l-edizzjoni.

Iż-żewġ poeti rebbieħa huma Jane Micallef bil-poeżija Mediterranju 2011, u l-poeta minn Victoria, fl-Awstralja, Manwel Cassar, bil-poeżija Attwalita'. It-tnejn huma poeti membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Minn hawn nifirħilhom. Fi kliem l-istess Prof. Amato, 2 rebbieħa minn 4 parteċipanti hija ekwivalenti għal rebħa. Lista sħiħa tar-rebbieħa kollha ta' din l-edizzjoni tinsab f'dan il-link: http://www.nosside.org/pdf/Premiati2011/TheAwardedoftheXXVIIthNossideWorldPoetryPrize.pdf

Il-Lejla tal-Premjazzjoni se ssir fil-25 ta' Novembru li ġej, f'Reġġio Kalabrija, fil-5 p.m., fil-Palazzo Campanella, sede tal-Kunsill Reġjonali tal-Kalabrija. Tkun lejla li fiha jattendu poeti, ambaxxaturi u delegati minn pajjiżi tad-dinja kollha. Tkun is-serata li ttemm il-vjaġġ tan-Nosside 2011 li beda fil-Ħavana (Kuba), u kompla fi bliet oħra bħal New York (USA), Valletta (Malta), Torino, Roma u Katanja (Italia), Brussell u Liegi (Belġju), Maputo (Możambik), San José di Rio Preto e San Paolo (Brażil), u Buenos Aires (Arġentina).

Sunday, October 30, 2011

Premio Mondiale di Poesia Nosside 2011 sempre più planetario.

Vincitore Assoluto GIANNICOLA CECCAROSSI e Vincitori OLGA ANADILIA CÁRDENAS per la poesia scritta, MIMMO MARTINO per la poesia in musica (Canzone)

e GEMMA VIGÓN DIAZ-FAEZ per la poesia in Video.

7 MENZIONATI SPECIALI, 11 MENZIONATI STRAORDINARI, MENZIONATI PARTICOLARI e MENZIONATI

Il 25 novembre Grande Evento Finale a Reggio Calabria nel Palazzo Campanella

L’italiano Giannicola Ceccarossi, nato a Torino e residente a Roma, con la poesia “Solo i ricordi appassiscono”, è il Vincitore Assoluto del XXVII Premio Mondiale di Poesia Nosside 2011, unico concorso globale aperto a tutte le lingue e ad ogni forma di comunicazione, organizzato dal Centro Studi Bosio di Reggio Calabria sotto l’egida dell’Unesco. Lo affiancano 3 Vincitori: per la Poesia Scritta la cilena Olga Anadilia Cárdenas di Curaco de Vélez con Soy cría del mestizaje obligado”; per la Poesia in Musica l’italiano Mimmo Martino di Reggio Calabria, leader del Gruppo Musicale “I Mattanza”, con la canzone Il corso delle cose”; per la Poesia in Video la spagnola Gemma Vigón Diaz-Faez di Oviedo con Tengo las manos vacías”.

Ne ha dato l’annuncio il Presidente Fondatore del Premio Pasquale Amato, che ha comunicato anche gli altri premiati tra i 360 concorrenti di 64 Stati in 61 Lingue: 7 Menzionati Speciali, 11 Menzionati Straordinari, 23 Menzionati Particolari e 55 Menzionati, in rappresentanza di 36 Stati di tutti i continenti e di lingue.

Amato ha così commentato questi eccezionali risultati: “il Premio Nosside, nonostante abbia dovuto affrontare crescenti difficoltà economiche, è riuscito nel 2011 a superare sé stesso. Ha difatti continuato la sua espansione verso una dimensione sempre più planetaria grazie al sostegno di aziende, associazioni, movimenti e singoli in Italia e all’estero e all’impegno della rete sempre più estesa di collaboratori volontari in ogni parte del mondo. I risultati del lavoro della Giuria Internazionale, anch’essa su base volontaria, ne hanno dato la più visibile testimonianza. Dai brillanti esiti del 2011 scaturiranno sicuramente nuovi Partners associativi e aziendali e singoli Donatori e Sostenitori che con le loro erogazioni volontarie si affiancheranno a quelli che hanno sinora consentito il nostro cammino straordinario”.

La Giuria Internazionale è stata composta da Membri Interni - il Presidente Giuseppe Amoroso (Italia), Rosamaria Malafarina (Italia) e la Segreteria italiana (Angela Arcudi e Franco Fortunio) - e Membri Esterni - Teresa Maria Albano (Montenegro), Giuseppe Cardello - Musica (Italia), Mukul Dahal (Nepal), Flora De Paoli Faria (Brasile), Rocco Franco (Italia), Adriana Iozzi (Brasile), Paolo Minuto - Video (Italia), Patricia Peterle (Brasile), Daniela Raimondi (Gran Bretagna), Angelo Rizzi (Francia), Antonio Rossi (Italia) e Nicola Sgro - Musica (Italia). Segretaria Generale Mariela Johnson Salfrán (Cuba), Segretaria Brasile Rosalie Gallo (Brasile).

La dimensione planetaria e multimediale è stata evidenziata anche dagli altri riconoscimenti. I Menzionati Speciali provengono dall’Europa (l’italiano Carmelo Consoli di Catania e residente a Firenze, con “Questo vivere triste”, la russa Tatiana Daniliyants di Mosca con la poesia in video “and a ship passes”, l’albanese Ilir Hisenay di Valona con “Silenzi/Heshtje” e la spagnola Cristina Ruberte-París di Saragozza con la poesia in video “Memoria”); dalle Americhe (la cubana Mirelys Correoso Calzadilla di La Habana con “Golpe de otoño”); dall’Africa (la mozambicana Natercia Alexandre Chicane Mabumo di Maputo con la poesia in video sonhos verdes”); e dall’Asia (Nabin Kumar Chhetri del Nepal, con la poesia “memory”).

I Menzionati Straordinari rappresentano l’Europa e l’America Latina, e in particolare i tre Stati da cui arrivano più partecipazioni: l’Europa, con Patrizia Azzani di Bologna e residente a Saronno (“Estetica del silenzio”), Giovanni Caso di Siano-Salerno (“anima e corpo insieme splenderanno”), Giovanni Longo di Reggio Calabria (“VI-La sentinella”), Anna Cristina Serra di Cagliari (su dolu de is arrosas / Il dolore delle rose”), Dulce Marques Guarda di Lisbona (“Voltar a ti”) e il bosniaco Radomir Mitric di Sipovo (eskapade / escapade”) e l’America Latina - Ledys Luzardo Lorenzo dell’Avana-Cuba (“Desde mi ventana”) e Jorge Luis Matos Ortega di Santiago de Cuba (“Soy Cuba, soy Caribe…”), Adilson Cordeiro di Pirapora-Brasilia (“Vertentes do idioma”); la costaricana Yamilka Noa Justiz con la poesia in video “Insomnio” e Kathya Rodríguez di Ciudad Panama (“La india dormida”).

I Menzionati Particolari sono così suddivisi: 12 dell’Europa - gli italiani Emilia Fragomeni (Siderno-RC, residente a Genova), Paolo Lacava (Reggio Calabria, residente a Fabriano-Ancona), Marisa Provenzano (Catanzaro), Teresa Riccobono (Palermo), Mauro Rossi (Brescia), Silvia Scali (Pisa, residente a Bologna), Giuseppe Vetromile (Napoli); Sylvie Forveille-Nugue (St.Berthevin-Francia), Stanka Gjuric (Video, Zagabria-Croazia), Elena Nezhentseva (Kharkov-Ucraina), Gordana Stojanovska (Bitola-Macedonia) e Marya Svetkina (Gomel-Bielorussia)-; 7 delle Americhe - da Cuba Oneida María González-Molleda Casal (La Habana), Diorkys Osa Peralo (La Habana), Mariana Enriqueta Pérez Pérez (Canzone–Santa Clara), José Aquiles Virellez Rodríguez (Santiago); dal Brasile Mariza Baur (San Paolo) e Armida Crocillo Madi (Caserta, res. a Mirasso-San Paolo); Ana María Caliyuri (Tandil-Argentina), Suad Marcos Frech (Managua-Nicaragua) e Julia Salem (Stati Uniti) - dell’Africa (Izidine Jaime di Maputo-Mozambico), e dell’Oceania (il poeta aborigeno Lionel Fogarty di Koolunga-Australia),

Completano i riconoscimenti i 55 Menzionati, tra cui 10 italiani; 8 di Cuba; 8 del Brasile; 4 del Mozambico; 2 per ciascuno di Argentina, Romania e Spagna; 1 per ciascuno di Angola, Australia, Camerun, Capo Verde, Cile, Cina, Colombia, Francia, Giappone, Libano, Macedonia, Malta, Montenegro, Paraguay, Perù, Portogallo, Porto Rico, Svezia e Tunisia.

Il Grande Evento Finale si svolgerà Venerdì 25 novembre a Reggio Calabria alle cinque della sera nel Palazzo Campanella, sede del Consiglio Regionale della Calabria. Si concluderà così l’avvincente “Viaggio” 2011, che ha coinvolto città di più continenti: L’Avana (Cuba), New York (USA), La Valletta (Malta), Torino, Roma e Catania (Italia), Bruxelles e Liegi (Belgio), Maputo (Mozambico), San José di Rio Preto e San Paolo (Brasile), Buenos Aires (Argentina).

Saturday, October 22, 2011

UNEASY RITUALS - Recensjoni ta' Alfred Massa


ĠABRA TA’ PROŻA B’DIFFERENZA

(Patrick Sammut: UNEASY RITUALS. Ġabra ta’ Proża. Traduzzjoni ta’ Alfred Palma. FiveStar Printing Press Ltd., Qormi 2011. pp. 94)

-----------------------------------

Fil-mixja letterarja ma jistax jonqos li minn żmien għal żmien iseħħ ċertu tibdil f’kull sens. Għax il-letteratura l-kittieba jżommuha ħajja permezz ta’ kitbiethom; u kull ħaġa ħajja maż-żmien tinbidel u tiżviluppa.

Hekk ġara lill-fergħat kollha tal-Kitba Maltija wara r-rivoluzzjoni kulturali tas-sittinijiet; anki jekk uħud mill-kittieba għażlu ( u għadhom jagħżlu) li ma jimxux ma’ dan it-tibdil. Hija ħaġa ċerta li l-kittieba lokali, hekk imsejħa moderniiddakkru minn dawk Amerikani u Ewropej.

Il-ktieb Uneasy Rituals jaqa’ f’din il-kategorija. Patrick Sammut, wieħed mill-aħjar awturi kontemporanji ma baqax lura milli jimxi maż-żmien. Dan ifisser, li filwaqt li fl-imgħoddi kienet tingħata importanza lis-sentiment, illum mill-qalb il-kittieb tela’ għall-moħħ u l-intellett sar jibbrilla f’kull aspett letterarju.

Din il-Ġabra tħaddan 15-il silta ta’ proża jew storja. Qed nikteb dan għax fil-fehma tiegħi uħud mill-kitbiet għandhom xeħta ta’ stejjer, oħrajn ta’ esejs (saġġi). Fihom il-ħsieb jirrenja fuq l-azzjoni. L-attur ewlieni huwa dejjem l-awtur innifsu. Daqqa jġarrab nostalġija għall-passat u daqqa jistħajlu jiġri warajh u jdallamlu ħsibijietu.

Dawn il-kitbiet ifakkruni f’poeti bħal Karmenu Vassallo u George Zammit li t-tnejn donnhom xtaqu jinqatgħu mis-soċjetaÏ ta’ madwarhom u jfittxu s-solitudni u l-kwiet ħalli jgawdu ġmiel in-natura u jgħixu fid-dinja li dejjem ħolmu dwarha. Hekk jagħmel Sammut. Sikwit jirrepeti x-xewqa tiegħu li jgħix f’dinja għalih għax is-soċjetaÏ ta’llum tilfet kull sens ta’ moralitaÏ u saret wisq egoċentrika (The Sea Undos The Knots).

Il-kittieb-ħassieb spiss jipprova jqabbel il-passat mal-preżent. Jippreferi l-ħajja sempliċi tal-imgħoddi. Jippreferi l-għelieqi jħaddru, l-arja pura, il-ħsejjes naturali, il-merħliet fit-toroq, il-karettuni miġbuda mill-bgħula. Min-naħa l-oħra, il-ħajja moderna mimlija storbju ta’ radjijiet b’leħen għoli, bil-ġiri sfrenat, bl-artifiċjalitaÏ u bl-egoiżmu jdejquh u jinnervjawh.

Ma jonqsux ċerti mistoqsijiet dwar l-eżistenza umana (Moments) li għalihom il-bniedem qatt ma jsib tweġibiet sodisfaċenti. Il-qerda tal-ambjent ukoll issib post f’dawn il-kitbiet (A New Horizon) u ma tonqosx anqas tbeżbiża lill-poplu tagħna għat-traskuraġni li naraw fit-toroq, fil-pjazez u fl-isqaqien ta’ pajjiżna. Sammut jinqeda b’ħarġa fil-Buskett (A Moment of Rest at Buskett) biex iwassal dan il-messaġġ. Għax il-kittieb huwa profeta bid-dmir li jwassal messaġġ siewi lill-qarrej; jurih l-iżbalji tiegħu bil-għan li jirranġahom.

Tliet kitbiet interessanti huma Imnarja Knocks Off The Lid, A Trip to Egypt u A Day Out . Tal-ewwel hija deskrizzjoni ta’ dak li jsir fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl ġewwa l-Buskett, f’tat-tieni l-awtur itina rakkont dettaljat ta’ mawra li għamel fil-Kajr u tal-ħajja tal-poplu Eġizzjan ta’ qabel ir-rivoluzzjoni ta’ dan l-aħħar. Imbagħad niltaqgħu ma’ A Day Out fejn il-kittieb jikteb dwar ħarġa ta’ sagħtejn li għamel f’xi belt Taljana fejn rikeb karozza, tram u metrou l-bqija mexa biex seta’ josserva u jiddeskrivi dak li ra quddiemu.

Sammut sikwit jinħass solitarju; kollox idejqu u spiss jintilef fi ħsibijietu. Darkness and Light turi t-taqtigħa interna li tgħaddi minn moħħ l-awtur meta jsib ruħu f’sitwazzjonijiet imbarazzanti li biex itihom aktar ħajja jinkwadrahom f’matempati qliel.

Kitba li tista’ tħawwad xi mħuħ hija A Crime fejn il-kittieb ilaqqagħna ma’ karattru konfuż u mitluf fi ħsibijiet tal-biża’ li għalkemm jara jdejh imċappsin bid-demm ma jasalx biex jiftakar x’delitt kien ikkommetta - jekk wara kollox kien ikkommetta! Fi stejjer simili Sammut iħobb idaħħal l-għeja u l-irqad; tal-ewwel turi l-istat dgħajjef mentali tal-karattru, tat-tieni tikxef li l-unika triq ta’ serħan, xi drabi hija dik tal-irqad.

Patrick Sammut jgħid fid-Daħla li dawn il-kitbiet oriġinarjament kitibhom fid-disgħinijiet u kitibhom bil-Malti; aktar tard għaddiehom lil Alfred Palma biex jittraduċihom fl-Ilsien Ingliż. Nistqarr li jien ma qrajthomx fl-oriġinal għalhekk ma nistax nikkummenta dwar it-traduzzjoni tagħhom, imma meta naf kemm hu bravu Palma bħala traduttur u l-ħakma li għandu tal-lingwa Ingliża, nista’ nserraħ rasi li wettaq biċċa xogħol tal-ogħla livell.

Uneasy Rituals għandu żewġ daħliet kritiċi, waħda ta’ Mario Azzopardi u l-oħra ta’ Charles Flores. Huwa mżewwaq ukoll b’għadd ta’ fotografiji li jikkumplimentaw il-kitbiet ta’ Sammut. Il-fotografija hija tal-artist u għalliem żagħżugħ Hilary Spiteri, il-persuna li ħadet ħsieb ukoll il-preżentazzjoni tal-ktieb.

ALFRED MASSA

Kummenti oħra –

Maurice Mifsud Bonnici:

Li qrajt s'issa iffaxxinani speċjalment l-esej MOMENTS. Dawn l-esejs tiegħek moderni ma tridx taqrahom bil-għaġla għax ma tifhem xejn minħabba l-karattru tagħhom vegranti li jaqbeż kultant minn suġġett għal ieħor fl-istess nifs. Il-ħsibijiet tiegħek tagħmilhom jinfirxu fuq taqsima wiesgħa u profonda b'lessiku varjat b'tifsira tgħin tifsira oħra warajha. Ma nistax ngħid li l-qari ta' dal-ktieb huwa eżerċizzju ħafif . Għalkemm huwa mżejjen b'vokabularju rikk għall-aħħar, kultant tqil ukoll, il-ħsibijiet li dawn iġorru ma jrrikonċiljawx malajr mal-ħsibijeit tiegħek li jsegwuwhom. L-Awtur iġorrok ġo toroq li ma tafhomx, kultant mudlama, kultant jgħammxulek għajnejk, u meta tibda tifhem karattru u ssir tħobbu f'daqqa waħda jisparixxi u jidhol ħsieb ieħor, mhux bilfors karattru ieħor, floku, u dil-melee taqtagħlek nifsek għax dan l-istil ta' kitba jagħtik li taqra u tkompli taqra biex tispokri x'ġej ġdid. Mhux ta' b’xejn semmejtu UNEASY RITUALS.

Iż-żewġ daħliet ta' dawk iż-żewġ awturi rinomati --- Mario Azzopardi u Charles Flores - komplew żejnujlek dal-ktieb li mhux ta' stil komuni hawn Malta. Azzopardi sab fiex jimraħ sewwa u Flores qaxxar il-karattru tiegħek ta' awtur/poeta/kritiku aktar milli jafek kulħadd...

Nifraħlek tal-pubblikazzjoni li jixirqilha tinqara minn min iħobb jaqra u min irid jitgħallem kif jinkitbu esejs moderni .

KUMMENT LINA BROCKDORFF

Fl-aħħar sibt ħin biex naqra dak il-ktieb li inti gentilment tajnti, Uneasy Rituals, u la darba bdejtu ma ridtx inħallih minn idi qabel ma spiċċajtu. Prosit, għġgobni tassew. Bi stil oriġinali li fih kull ritratt jgħinek biex tidħol fl-atmosfera ta' dak li ser taqra. L-istil tas-saġġi huwa ferm għal qalbi, u allura kważi aktar nintilef naqra saġġ minn novella, basta jkun miktub tajjeb, iżomm mas-suġġett u ma jkunx repetittiv. Terġa', drabi ma' xi saggi tiegħek issib ukoll imsensla storja ta' xi karattru Malti. M'hemmx għalfejn ngħidlek li l-Ingliż li għamel Alfred Palma huwa mill-isbaħ u aktarx li l-kitba tiegħek tal-Malti ma tilfet xejn minnha. Bravu!