Fost dawn tal-aħħar insibu l-ambjent naturali li f’dawn l-aħħar deċennji qala’ fuq wiċċu mhux ftit. Daqqa wara l-oħra, ġerħa wara l-oħra, manipulazzjoni kontinwa tal-ftit art naturali u mhix mittiefsa li kien fadlilna – u li llum naqset qatigħ! – f’isem il-progress, jew aħjar f’ġieħ il-profitti personali ta’ wħud, persentaġġ verament żgħir mill-popolazzjoni Maltija – li ta’ kuljum jaraw kif se jisfruttaw l-art naturali ta’ madwarna biex ikomplu jħaxxnu bwiethom.
U dan kollu qed iseħħ fi żmien meta għandna mexxejja li b’wiċċhom minn quddiem jiftaħru li għaddejja battalja sħiħa favur il-konservazzjoni tal-ftit ambjent naturali li fadlilna fi gżiritna. Dan kollu qed iseħħ fi żmien meta l-industrija tal-bini għadha għaddejja bl-addoċċ minkejja li eluf kbar ta’ djar jinsabu battala, minkejja li mijiet ta’ fabbriki f’żoni diġà żviluppati f’rabta mal-industrija jinsabu abbandunati. Dan kollu qed iseħħ meta lil uliedna fl-iskejjel, fil-gazzetti, fuq it-televiżjoni qed intambrulhom biex jibżgħu dejjem iktar għall-ambjent naturali li żgur fuq din il-gżira ċkejkna, anzi nitfa, mhu abbundanti xejn. Dan qiegħed iseħħ fuq gżira li minkejja li hi tant ċkejkna, xorta waħda għad hawn tfal u żgħażagħ li rari raw il-kampanja, biċċa raba’ saqwi, masġar, l-irdumijiet u l-bqija.
Lura għar-rwol tal-kittieb. L-istudent tal-Malti jaf li sa mill-ewwel nofs tas-seklu għoxrin kien hemm bosta kittieba u poeti li kitbu favur l-ambjent naturali. Saħansitra poeti bħal Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo, Rużar Briffa, Mary Mejlak, Ġorġ Pisani, Ġorġ Zammit u ħemel ieħor ta’ kittieba ma beżgħux jiktbu dwar l-isbuħija tal-widien, tax-xagħri, tal-għoljiet, tal-irdumijiet, imma anki tal-baħar li jdawwar il-ġżejjer tagħna. Imbagħad kien u għad hemm poeti aktar qrib tagħna
Illum ftit huma dawk il-kittieba li verament għandhom il-kuraġġ isemmgħu leħinhom, juru wiċċhom fil-pubbliku, fuq il-mezzi tax-xandir, biex jiġġieldu din il-kruċjata kontra min għandu l-poter, is-setgħa, kontra min għandu l-flus li bihom jista’ letteralment jibni triq fil-baħar, triq li tgħaddi saħansitra min-nofs ta’ raba’, xagħri u l-bqija. Fost dawn insemmi lil Paul P. Borġ. Dan huwa kittieb li sa minn tfulitu kellu u għad għandu rabta partikulari imma b’saħħitha ma’ post uniku fil-gżejjer tagħna, SELMUN. Paul P. Borġ mhuwiex wieħed li twieled il-bieraħ, fetaħ għajnejh ftit jiem ilu għall-problemi li ilhom u qed jolqtu liż-żona ta’ Selmun. Hu l-awtur ta’ bosta kotba, fosthom rumanzi, novelli, kitbiet ta’ natura etnografika, imma kollha pubblikazzjonijiet fejn tema ewlenija hija l-ambjent naturali u l-imħabba illimitata lejn dan il-wirt li ħallewlna ta’ qabilna u li b’wiċċ tost aħna tal-preżent qed nisirquh lil ta’ warajna f’isem il-profitt personali. Paul P. Borġ huwa anki l-awtur ta’ tliet pubblikazzjonijiet bħalma huma Selmun u l-Inħawi (Buġelli, 1989); Selmun – A Story of Love (1996); u issa wkoll ta’Quest for Identity – the mellieħa experience (Kunsill Lokali Mellieħa, 2010). Huma kollha pubblikazzjonijiet li saru wara riċerka kbira li damet snin sħaħ u swiet sagrifiċċji enormi lill-istess kittieb.
L-imħabba ta’ Paul P. Borġ lejn Selmun ma twelditx il-bieraħ, imma għandha l-għeruq tagħha li tmur lura sekli sħaħ. Paul P. Borġ fil-kitbiet tiegħu ma jleħħinx biss leħnu, imma jqajjem mill-imwiet l-antenati tagħna li b’tant sagrifiċċju ħabbew, ħadmu, u beżgħu għall-art li għexu minnha, kielu minnha għal sekli sħaħ. Illum bħal insejna li l-flus mhumiex kollox. Insejna li l-ġid materjali, id-djar, il-fabbriki, il-karozzi, il-vilel, il-ħwejjeġ chic li nilbsu, il-kuntatti ma’ nies ta’ influwenza (kuntratturi, politikanti, mhux politiċi, avukati u l-bqija) mhumiex kollox. Insejna li dan kollu jgħaddi. Insejna li aktar kemm qed jgħaddi ż-żmien aktar uliedna qed jitbiegħdu mill-art, mill-arja safja, mill-ħlejjaq li jgħixu fin-natura, mill-ħsejjes, mill-irwejjaħ, mill-ilwien naturali. Insejna dan kollu u minflok qed insiru poplu aktar aggressiv, maħkum min-nervi u mir-rabja, poplu li ma jafx x’inhu serħan il-moħħ, armonija man-natura li xi darba rajna l-bidu tagħna minnha.
Lura għal Paul P. Borġ u l-kittieb. Paul P. Borġ mhux kittieb novell li ddeċieda jikteb biex jifraħ jara xogħlu jew ismu ppubblikat fil-paġni ta’ xi gazzetti lokali. Paul P. Borġ għadu kif ingħata l-Premio Gianfranco Merli per l’Ambiente mill-Assoċjazzjoni nazzjonali Taljana għall-protezzjoni tal-ambjent, il-Movimento Azzurro. Dan hu premju li jingħata kull sena lil għaqdiet jew individwi li jiddistingwu rwieħhom bix-xogħol tagħhom biex jipproteġu l-ambjent u l-wirt nazzjonali kemm naturali kif ukoll kulturali. Borġ ġie rikonoxxut għall-ħidma tiegħu b’risq il-konservazzjoni u d-difiża tal-ġmiel naturali tal-ambjent tal-gżejjer Maltin. L-awtur Malti ġie wkoll imfaħħar għax-xogħol etnografiku tiegħu biex ma jintilfux u ma jintesewx snajja’ qodma u tradizzjonijiet popolari li jagħtu identità lill-Maltin. Ġie wkoll individwat l-aħħar xogħol ta’ riċerka li wettaq Borġ ippubblikat fil-ktieb Quest for Identity – the mellieħa experience maħruġ mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’Settembru li għadda. L-għoti tal-premjijiet sar waqt ċerimonja fis-sala tal-konferenzi tal-Kamra tad-Deputati, f’Ruma nhar il-Ħamis 9 ta’ Diċembru waqt Convegno Internazionale Sulle Acque organizzat mill-Movimento Azzurro u mill-Ministeru tal-Ambjent tal-Art u tal-Baħar tal-Gvern Taljan.
Mela hawnhekk m’għandniex kittieb tal-isem li għadu fil-bidu tal-karriera tiegħu. Għandna kittieb li ilu jiddenunċja l-qirda tal-ambjent sa mis-snin tmenin (anki mis-snin sebgħin permezz tal-kitba tan-novella) kemm b’artikli fil-gazzetti, intervisti fuq il-mezzi tax-xandir u anki pubblikazzjonijiet kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Insemmi wkoll ir-rumanz Dal-Lejl Ġie Alla (Buġelli, 1986) u r-rumanzett Minn fuq għal isfel (imniedi miż-Żgħażagħ Ħbieb in-Natura fl-okażjoni ta’ Jum id-Dinja 1991 u ddedikat lil kull min jaħdem għall-ħarsien tal-ambjent Malti, u li ħareġ fl-1991). Għandna kittieb li huwa rrispettat u mgħolli m’ogħla s-sema barra minn xtutna bħala difensur tal-ambjent naturali, imma mhedded fl-istess art twelidna. Nistaqsi, fejn huwa r-rispett lejn il-kittieb? Nistaqsi, meta l-poplu Malti se jibda jirrispetta verament lill-kittieb veru? U hawn m’iniex nirreferi għal dak ir-“rispett” li xi wħud urew lejn ċerti kittieba għax imsieken ippużaw ta’ vittmi taċ-ċensura wara li l-pinna tagħhom ħammġet l-istess isem tal-letteratura, u dan f’isem il-libertà tal-espressjoni u l-imħabba lejn l-arti! Hawn qed nirreferi għall-kittieb li verament għandu għal qalbu Art Twelidna, kittieb li mhux l-ewwel darba ġġieled kontra u għadu jiġġieled kontra burraxki maħluqa minn nies ta’ bla ebda rispett lejn dak li fil-fatt mhux tagħhom, imma wirt ta’ poplu sħiħ.
F’dawn l-aħħar snin qed isir ħafna diskors dwar il-qalba għall-enerġija alternattiva. U qed naraw b’għajnejna li saru passi ’l quddiem anki f’pajjiżna billi numru ta’ Maltin diġà qed jisfruttaw l-enerġija tax-xemx u tar-riħ. Għad hemm ħafna iktar x’isir f’settur bħal dan, l-aktar fi gżejjer bħal tagħna li huma mifqugħin bix-xemx u bir-riħ matul staġuni differenti. Parallelament ittieħdu diġà bosta inizzjattivi biex jiġu rkuprati widien, meded sħaħ ta’ xagħri u kampanja u l-bqija, imma mill-ġdid dan qatt m’hu biżżejjed. Xi wħud diġà fehmu li l-ġejjieni tal-ekonomja Maltija qiegħed fit-turiżmu, mhux biss fl-industrija u fis-servizzi. Il-gżejjer Maltin, minkejja l-isfreġju li diġà għaddew minnu, għadhom meqjusa bħala ġawhar fil-Mediterran minn bosta barranin, aktar milli minna l-Maltin. Il-ftit kampanja li fadlilna rridu nibżgħu għaliha bis-saħħa kollha li għandna. U jekk għandha tiġi sfruttata, ħalliha f’idejn min għandu għal qalbu l-ambjent naturali. It-turist, imma anki l-istess Malti u Għawdxi, irid spazji nodfa, miftuħa, bla mittiefsa mill-progress fint u mniġġes. Il-bniedem irid spazji fejn ikun jista’ jaħrab u jistrieħ mill-għeluq tal-bliet, tat-toroq traffikużi u tal-uffiċini. Hemm mijiet ta’ mogħdijiet, ħemel ta’ kappelli, irziezet abbandunati, giren, ħitan tas-sejjieħ, siti ta’ importanza ambjentali, arkeoloġika, etnografika u storika li jistgħu jiġu rranġati u rkuprati (flimkien ma’ dawk li diġà ġew restawrati minn persuni u entitajiet verament ġenwini u mhux mikluba għall-flus) u mqegħdin fuq il-mappa għall-Malti, għall-Għawdxi u għall-barrani biex jiskopri, iġarrab u jgawdi. Dan jista’ jkun għajn ta’ dħul finanzjarju għal ekonomija bħal tagħna li dejjem qed tfittex għejun ta’ dħul friski, ġodda u nodfa. Ninsew għal darba l-industrija tal-kostruzzjoni li bħal raxx jew pesta li jattakka l-ġisem qed teqred bil-mod il-mod – imma mhux daqshekk bil-mod! – il-ftit żoni naturali li għad fadlilna.
Minn hawnhekk nistieden lil kull min għandu għal qalbu l-ambjent naturali jżur regolarment il-kampanja Maltija u regolarment jaħrab ftit mill-għeluq tal-bliet konkrit tagħna. Minn hawnhekk nistieden lil kull min għandu għal qalbu l-ambjent naturali jasal wasla sa żoni mill-isbaħ bħalma huma Selmun u jgawdi l-isbuħija naturali li joffru postijiet bħal dawn. Ladarba jkun hemm, nistieden lil dak li jkun jagħti wkoll daqqa t’għajn lejn dawk il-karatteristiċi li jistgħu qed itebbgħu lil din l-isbuħija naturali. Minn hawnhekk nistieden lil kull min jaf jaqra u jikteb, lil kull min għandu għajnejn biex jara, jikteb imqar ittra, jew rakkont żgħir, jew ħsieb, jew poeżija, u jibgħatha lill-gazzetta li jaqra, jippubblikaha fuq il-blog jew is-sit virtwali tiegħu. U dan kollu biex ilkoll nippruvaw inkabbru l-kuxjenza favur il-konservazzjoni tal-wirt naturali li jafu joffru l-Gżejjer tagħna, wirt li jekk ma nibżgħux għalih se jgħib dalwaqt. Imbagħad għalxejn nibku u ninfaxxaw rasna. Imbagħad id-destin tagħna jkun wieħed ta’ theżżiż tas-snien, ta’ disperazzjoni totali, li l-ebda munita jew lussu materjali ma joħroġna minnha!
Għal min għandu għal qalbu n-natura jista’ jaqra L-ANOLOĠIJA TAN-NATURA – POEŻIJA U PROŻA, miġbura minn Mario Azzopardi u Oliver Friggieri, Segretarjat għall-Ambjent, Malta, 1995
Ara l-link: http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11129
VERSI TAN-NATURA
ĦITAN TAS-SEJJIEĦ ta’ Marjanu Vella
Sar il-miraklu tal-konkrit. Iħokku
għoddhom mas-sħab id-djar ta’ ġo l-ibliet;
qsari fit-twieqi, dagħwa kontra s-seħer
ta’ linji dritti jiġru paralleli.
Kaxxa ħdejn kaxxa, saret kaxxa kbira
irqiqa w twila mnażżgħa mill-frugħat
ta’ xogħ’l maħdum bl-iskarpellin waqt ħolma
ta’ frott u ward u anġli żgħar jittajru.
Sar il-miraklu tal-konkrit. Kemm saħħa
jaħbu l-ħitan misluta ħelu ħelu,
u s-soqfa biċċa waħda bla xejn travi,
bi xbieki tal-ħadid, jifilħu d-dinja!
U tidħak, tidħak, tara qed tintaġar
il-ġebla bajda-krema ser tinqasam
biex issir djar botnin bla sens ta’ “figure”
-qirda tas-saħħa mbierka tal-bennejja.
Sar il-miraklu tal-konkrit. Il-ġebla
titħalla biss biex tifred ftit għelieqi
b’ħitan imbewqa tas-sejjieħ li jagħżlu
pulzier minn ieħor ta’ ħamrija għajjiena.
Minkejja dan, it-Trejqa tal-Mistrieħ
bejn żewġ ħitan titkennen tas-sejjieħ.
TRADIMENT ta’ Victor Fenech
Fil-vilel imferrxin fuq żaqq l-għelieqi nara ġrieħi r-Redentur sidru
spulpjat. Naġġara bil-lexxun sawru l-kuruna/kaħħala sammru msiemer
fil-ħamrija flok is-siġar li xettluna.
Faċli tibqa’ ħalqek sieket tħares biss: ’mma min jgħożż lil art
twelidu għandu dmir li jgħolli leħnu quddiem Alla li biss Sidu.
It-trombi ta’ Ġeriku jidħlu jżarżru f’nofs il-kant ta’ l-innu-talba tan-
nazzjon, waqt li n-nawsja mal-kustilji tifrex dlielha dielja niexfa, moħħna
tinfed bħal berrina sa therrina.
Jekk jista’ jkun, Missier, tħallix dal-kalċi jgħaddi mingħalina
(madankollu naf: li jridu huma jsir mhux li rrid jiena).
ĦALLINI NIBKI JA MULEJ ta’ Paul P. Borg
Xħin nara l-blat meqrud għalxej’
itfagħli tgergir mgħaddab f’fommi
ja Mulej.
Xħin nara t-tajr maqtul għalxej’
itfagħli theżżiż qalil fi snieni
ja Mulej.
U twaqqafnix.
Agħtini l-ħeġġa f’qalbi
u biddel ħsiebi f’kliemi
ja Mulej.
Xħin nara ’l hija għaddej
Qisu m’hu jiġri xej’
itfagħli bikja f’qalbi
ja Mulej...
ADDIO SIĠAR ta’ Patrick Sammut
Hawn fid-dar taz-zija Iris
hemm bitħa kollha qsari
fin-nofs ħajt li jifridha
minn dak li kien xi darba
ġnien mill-ikbar.
Illum ir-riħ qed jonfoħ
bħal bosta drabi qabel
iżda le nisma’ tħaxwix il-weraq,
il-friegħi jitħarrku ma’ kull żiffa,
le nisma’ tpespis l-għasafar.
Illum kulma nisma’ hu biss
tvenvin ir-riħ ħafif fil-bogħod,
u fil-qrib
l-ilħna jirbombjaw tal-ħaddiema ħawtiela
isammru u jisserraw f’dak il-ħondoq
li xi darba
kien ġnien mimli ħamrija ħamranija
tfawwar il-ħajja
u l-ħoss tat-traffiku mgħaġġel nervuż
iwerden mit-triq ta’ wara.
Illum flok il-friegħi ferriħija
driegħ il-krejn tiela’ u nieżel
flok il-lewż il-bajla tas-siment
flok il-għana l-qrid tal-magna. . .
F’dal-waqt ta’ diqa u nostalġija
nistħajjel siġret il-lewż
li bħal daż-żmien tilbes kienet
l-abjad-vjola ċar,
l-għasafar ipespsu għal darb’oħra.
Nistħajjel lili tfajjel jixxabbat mal-ħajt
b’mitt tiċpisa żebgħa
iħares ġewwa l-ġnien bieb miftuħ
fuq dinja msaġġra mill-isbaħ.
U niftakar minnufih li minn dan kollu
xejn ma baqa’ ħlief iħirsa. . .
Minkejja kollox hemm fuq fis-sema
is-sħab ikompli jterraq f’mixjietu
bla fixkla.