Il-Milied reġa’ wasal u bħalma jiġri kull sena bosta jinħakmu mit-toqol ta’ ħsibijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ispirtu veru li għandu jaħkem f’daż-żmien. Ħafna ħallihom jiġġerrew minn ħanut għall-ieħor ħalli jaraw x’jistgħu jixtru lil dak u lill-ieħor. Tara l-vetrini mimlijin b’kull prodott, minn inbejjed sa fwiħat, minn ħwejjeġ sa affarijiet għad-dar, minn ħelu u ċikkulatini sa bosta tentufijiet oħra li lanqas biss jgħaddu minn moħħna. It-tfal m’għadhomx jixtiequ rigali sempliċi, imma moħħhom f’aġġeġġi moderni bħall-kompjuters, mowbajls, u bosta logħob elettroniku ieħor li tbiegħed kompletament mill-maxtura fqira fejn twieled il-Bambin.Minkejja dan kollu l-Milied għal għadd ta’ individwi, fosthom il-poeti, jiġi wkoll biex lil dak li jkun jistiednu ħalli jirrifletti. U dan għamluh kemm poeti li llum m’għadhomx magħna bal Dun Karm Psaila, Ġorġ Pisani, George Zammit, u parti Ġużè Delia, kif ukoll poeti li għadhom magħna sal-ġurnata tal-lum bħal Alfred Massa, Maurice Mifsud Bonnici, Paul Saliba, Pawlu Aquilina, Alfred Palma, patri Wistin Attard, Charles Bezzina, numru ta’ membri tal-Għaqda Poeti Maltin hawn preżenti u anki poeti Maltin emigrati bħal Joe Saliba.
Hemm poeti li jispiraw ruħhom mill-Presepju tradizzjonali bħall-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila, fi Presepju ta’ Tfuliti fejn jiddeskrivi hekk il-presepju:
“Daqsxejn ta’ grotta u xi ngħajġiet mal-plajja,
erba’ tibniet u fuqhom Bambin ċkejken,
San Ġużepp u l-Madonna, baqra u ħmara:
dan il-presepju ta’ tfuliti, msejken.”
Ġesù ċkejken jerġa’ jidher f’Il-Presepju u s-Salib: anki hawnhekk Dun Karm jorbot il-presepju ma’ kunċetti bħal hena, tjubija u tfulija, mela innoċenza.
Il-presepju jerġa’ jidher f’Il-Presepju ta’ Tfuliti li Joe Saliba kiteb fl-1959, u li ilu jgħix fl-Awstralja għal snin twal.
Presepju, Milied u tfulija jintrabtu flimkien anki għax kollha kemm huma jagħtu l-idea ta’ innoċenza, safa, imma anki hena u sliem. Permezz tal-kelma Saliba jirnexxilu jiddeskrivi dawk il-presepji li llum naraw imxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollha, tradizzjoni li s’issa għadha maħbuba anki mill-Maltin u Għawdxin tal-lum. Kemm din l-imħabba u tradizzjoni jibqgħu jiddependi biss minna u minn kemm inressqu lil uliedna lejn ħwejjeġ sbieħ bħal dawn.
It-twelid ta’ Ġesù jissemma wkoll f’Susanna - Leġġenda tal-Milied, ta’ patri Ġużè Delia f’versi bħal:
“Immorru sa Betlem, immorru naraw
diċ-ċkejkna tarbija li l-anġlu ħabbrilna.
Hu tana s-sinjali biex nistgħu nagħrfuh,
qalilna: f’maxtura ġo għar issibuh,
imfisqi ġo ħrieqi fqajrin!”
Anki Ġorġ Pisani jittratta dan is-suġġett f’Il-Għanja tal-Milied, fejn jikteb vrus bħal dawn:
Ġo grotta ċkejkna ċkejkna,
Għamara tal-fqajrin,
Tfajjel sabiħ tas-Sema
B’idejh it-tnejn ċkejknin”.
Kif wieħed jinnota mill-versi ta’ dawn il-poeti, kunċett ewlieni marbut mal-figura ta’ Ġesù Bambin huwa dak tal-faqar, bħalma jidher ukoll fil-versi kontemporanji miktubin minn Paul Saliba f’L-Għanja tal-Bilbla fil-Lejl tal-Milied:
Lil daqsxejn ta’ Tarbija
Imwielda minn Marija
U mqiegħda ġo maxtura
F’għar fqajjar tal-Lhudija.”
Il-Milied huwa ewlieni wkoll fil-versi tal-poeti kontemporanji. Lil Ġesù Bambin parti Wistin Attard ma jridx joffrilu s-soltu rigali, imma minflok joffrilu qalbu stess. Hekk jikteb f’Il-Presepju ta’ Toninu:
“Nagħtik liċ-ċkejkna qalbi
Ħa tħobbok lejl u nhar;
Din l-egħżeż ħaġa l’għandi,
M’iniex se nsib aħjar.
Fuq in-naħa l-oħra, f’Il-Lejla tal-Milied Pawlu Aquilina jfakkarna wkoll fil-klima li s-soltu jġib miegħu żmien bħal dan:
“Il-lejla tal-Milied...
Għaddejja barra
żiffa li xxoqq il-għadam,
kiesħa, bla ħoss, bla qawwa
imma li tidħol minn ġox-xquq tat-twieqi...”
Alfred Palma għandu żewġ poeżiji marbuta mal-Milied: Noel u Milied Ieħor. Palma jorbot żmien il-Milied mal-hena tat-tfulija għaliex it-tnejn huma żminijiet ta’ seħer u ferħ. II-Milied inissel f’qalb Palma tama mill-ġdid. Salv Sammut jorbot it-tema Milied mas-safar bħal f’poeżiji bħal Il-kunċert tal-Milied f’Castello Sao Jorge u Għanjiet tal-Milied li kiteb fil-Portugall.
Hemm imbagħad poeti li jorbtu t-tema Milied ma’ tema soċjali. Dan jagħmlu Alfred Massa fil-poeżija Kewkba Sbejħa fejn jistqarr li l-Milied tal-lum m’għadux bħal dari u li “dalma sfiqa/ kollha diqa/ ...waqgħet hawn madwari”, u li “l-ġulbiena naraha sfaret,/ in-Narċis ma jarmix fwieħa/ u l-presepju bla Bambin”. Anki s-siġra tal-Milied għal Massa “illum tniggeż,/ tilfet ġmielha/ għax għarwiena.” U dan kollu żgur li jirrifletti l-istat li fiha tinsab id-dinja tal-lum bil-gwerer, ir-razziżmu, il-mibegħda u l-firdiet li jeżistu fost parti mdaqqsa mill-bnedmin. Xi ħaġa simili jagħmel Raymond Grech fil-poeżija Milied taż-żagarelli fejn ifakkarna li mhux kollox ward u żahar, imma jeżistu wkoll l-abort, id-droga, il-mewt li taħsad bla mistennija. It-tifsira tal-Milied saret waħda superfiċjali, artifiċjali, għalhekk “Milied taż-żigarelli”. Tlifna t-triq it-tajba u spiċċajna aħna stess klandestini.
Maurice Mifsud Bonnici fil-poeżija Christmas, 1977 jikteb dwar il-gwerra, l-ostilitajiet bejn il-bnedmin u l-feruti fil-kampijiet tal-battalja. Lil ibnu jiktiblu hekk:
“Here, my dear son,
I bought you from town, this armoured car
for holy Christmas of peace on earth;
but I could not find a toy of peace.
Its gun turns a whole circle on its turret
to reach the four corners of the globe
and fires with flint.”
Anki Carmel G. Cauchi fil-poeżija Nitħasseb jistaqsi jekk hix id-dinja li nqalbet ta’ taħt fuq, jekk jekk hux huwa li baqa’ b’mentalità antikwata u b’hekk qed jara d-dinja ta’ taħt fuq. Dik tal-lum hija dinja li warrbet il-figura ta’ Kristu tarbija u ħaddnet minflok l-alla tal-progress fejn dak li qabel kien mejus żbaljat illum sar tajjeb u aċċettat bla ma ħadd jazzarda jlissen kelma ta’ protesta.
Il-poeta Għawdxi Charles Bezzina għandu l-poeżija Il-Presepju u s-Salib, titlu li kien użah anki l-poeta nazzjonali f’poeżija li dehret fl-1934. Hawn Bezzina jikteb l-ewwel dwar tifkiriet tfulitu, tifkiriet mimlija ferħ u hena, fosthom dik tal-presepju, biex aktar tard jibdel ix-xbieha tal-presepju ma’ dik tas-salib - ladarba meta jikber il-bniedem jintlaqat bla ma jrid minn bosta nkwiet, tbatija u problemi - biex jispiċċa l-poeżija tiegħu hekk:
“Flok quddiemi hemm presepju
flok il-ħlewwa tal-Bambin,
hemm illum salib bi Kristu
b’dirgħajh beraħ miftuħin.”
Il-Milied għandu fuq kollox ifakkarna li dan huwa żmien ta’ ġabra u riflessjoni. Dan hu dak li jagħmlu l-poeti permezz tal-versi tagħhom: ifakkruna li għandna nieqfu ftit mill-ġirja sfrenata ta’ kuljum u nerġgħu għal ftit lura għall-oriġini, mela lura għall-idea ta’ Milied hieni u sielem.
Patrick Sammut