Monday, November 01, 2021

INTERVISTA MA’ RITA SALIBA DWAR MITT KELMA, Midsea Books, 2020


 X’ħajrek biex tibda tikteb ukoll f’dan l-istil?

Kienet inizjattiva ta’ Dr Ġorġ Mallia li ħajritni nibda nimraħ f’dal-ġeneru. Saret sejħa lill-awturi biex jissottomettu stejjer qosra ħafna, ta’ madwar mitejn kelma għall-paġna fuq facebook, Għidli Mitejn. Kien żmien li minħabba xi impennji ma kontx qed nikteb wisq u dħalt għal din l-isfida. Għedt lili nnifsi li jekk xejn dan jista’ jservini ta’ eżerċizzju, iżda hekk kif lestejt l-ewwel storja bdew ġejjin ideat għal stejjer oħra, li jiġru fi ftit kliem. Nista’ ngħid li dan il-ġeneru ħakimni.

 

Il-qosor ta’ dawn il-mikro-rakkonti żgur li mhux dgħjufija jew żvantaġġ. Minflok bħal jistieden lill-qarreja għal iktar riflessjoni. Xi tgħid dwar dan?

L-istejjer madwarna qed jiġru l-ħin kollu u malajr; aħbar taslilna fuq mobile, fil-qosor iżda xejn ma jnaqqas mill-effettività tagħha. Fi ftit kliem qed taslilna ġrajja li qed isseħħ jew seħħet, tħallina naħsbu jekk it-traġedja setgħetx tiġi evitata, jekk kienx hemm vittmi jew kemm kien hemm vittmi … Storja qasira tista’ tkun b’saħħitha ħafna.

 

Liema huma l-esperjenzi li tikteb l-iktar dwarhom f’dawn il-flashes narrattivi?

Huma stejjer mill-ħajja, ta’ karattri, ta’ min qed ibati jew iħoss in-nuqqas ta’ xi ħadd għażiż. Mhux biss imma ħafna drabi poġġejt lili nnifsi minflok ħaddieħor; ħassejt l-ansjetà ta’ kieku x’nagħmel meta ninqabad f’sitwazzjoni li rrid nieħu deċiżjoni. F’oħrajn inbixt lill-qarrej biex jasal għal tmiem mod ieħor.

 

Toħodna wkoll fi spazji differenti. Bħal kollha jintrabtu mal-karattri u s-sitwazzjoni li tikteb dwarhom. X’taħseb?

Storja tista’ titrawwam fl-ispazji fejn ngħixu jew fejn inqattgħu parti kbira mill-ġurnata. Minn postok tista’ tiltaqa’ ma’ diffikultà jew sitwazzjoni mhix tas-soltu. Kull karattru se jirreaġġixxi bil-mod tiegħu fis-sitwazzjoni li jinqabad fiha. U kull karattru għandu l-kumplessità u l-umanità tiegħu. Ġieli anke aħna nissorprendu lilna nfusna meta niġu għal deċiżjoni delikata. L-istejjer iġegħluna nnemmsu f’ħajjet ħaddieħor iżda ħafna drabi nkunu qed naqraw l-istorja tagħna stess.

 

Dawn ir-rakkonti qosra huma kollha marbutin mar-realtà jew hemm uħud li huma frott il-ħolm u l-fantasija?

Ħafna minn dawn l-istejjer huma xprunati minn ideat li jolqtuni f’ħakka t’għajn, ftit huma bbażati fuq realtajiet li qed niltaqgħu magħhom u parti kbira huma frott l-immaġinazzjoni.

 

Għal min huma mmirati kitbiet bħal dawn, u għaliex mhux in-novella jew ir-rumanz?

Nazzarda ngħid li huma rakkonti għal min ma jħobbx jaqra jew min m’għandux ħin jaqra kitba fit-tul.

 

Hemm min jaħseb li l-kitba tal-mikro-rakkont hi faċli. Kif tirreaġizza għal dan?

Il-mikrorakkont mhu xejn faċli. Trid twassal ġrajja fi ftit kliem, tirrakkonta storja kompluta billi tekonomizza; tagħżel il-kliem u kull kelma għandha postha, xejn nieqes u xejn żejjed. Fl-istess ħin xorta użajt espressjonijiet idjomatiċi għax inħoss li lill-qarrej għandi nirrispettah. M’iniex qed ngħaddilu fatt iżda ġrajja rakkontata ... fil-qosor.


Inti tikteb ukoll minn punti di vista differenti. Liema huma dawn u għaliex tagħmel dan?

Naħseb li kull min jikteb josserva ħafna; kif iġibu ruħhom ta’ madwaru. Ippruvajt nidħol fiż-żarbun ta’ ħaddieħor - ta’ kieku x’nagħmel, kif inġib ruħi ma’ karattru ieħor li forsi ma tantx naqbel miegħu. Meta nikteb b’vuċi ta’ ħaddieħor nesperjenza ċerta libertà, li qed nidħol ġo storja li mhix tiegħi iżda li qed ingawdi minnha xorta waħda.

 

Huma wkoll kitbiet bi tmiem sospiż jew li jħalli lill-qarrej jhewden. Jistgħu jkunu dawn bidu għal kitbiet ħafna itwal, jew stedina biex anki l-qarrejja joħolqu ir-rakkonti oriġinali tagħhom?

Ħafna stejjer għandhom tmiem miftuħ għall-possibiltajiet. Inħobb ninbex lill-qarrej, inħallih jasal għall-konklużjonijiet tiegħu jew jibni l-karattru ‘tiegħu’, iva. Jien stess bħala qarrejja nħobb nibqa’ newhden fuq xi ktieb li qrajt, infittex tmiem ieħor u nistaqsi li kieku … Dawn il-mikrostejjer ma niktibhomx bl-iskop li jwassluni biex nikteb storja itwal. Inkun diġà ddeċidejt u ppjanajajt li se nikteb storja fil-qosor u nagħlaqha.

 

Nuqqasijiet u vantaġġi ta’ stil narrattiv bħal dan, kemm mill-perspettiva ta’ min qed jikteb kif ukoll ta’ min qed jaqra?

Jista’ jkun li kitba daqstant qasira ma tolqotx udjenza wiesgħa. Tista’ wkoll tħalli lill-qarrej xott mill-informazzjoni. Hawn qarrejja li jixtiequ jsiru jafuh il-karattru; it-tul tal-mikrostejjer ma jippermettix wisq deskrizzjoni fit-tul. Il-vantaġġi huma bosta fid-dinja mgħaġġla tal-lum. Tista’ taqra mikrostorja minn fuq il-pala ta’ idek. Hemm ukoll l-użu tal-kelma li trid tkun eżatta u f’kuntest. Tgħallimt inħalli barra dak li hu żejjed. Fuq kollox għeni nikteb mitt storja li kull waħda seħħet f’mitt kelma.