Thursday, June 27, 2013

Intervista ma' TREVOR ŻAHRA


1.               Trevor Żahra u l-letteratura għat-tfal. Dan jimplika mill-inqas żewġ affarijiet: l-imħabba għat-tfal u n-namra mal-kitba għat-tfal. Minn fejn joriġinaw dawn iż-żewġ imħabbiet?

Forsi aktar minn imħabba għat-tfal, inħoss li  għandi mħabba għat-tfulija. Kollox ma’ kollox naħseb li kelli tfulija ferrieħa ħafna.  Kont inħossni maħbub mill-familja u mill-qraba tiegħi.  Illum nirrealizza kemm  kont ngħix f’ambjent ikkulurit: id-dar tan-nanna u z-zija fejn kont inqatta’ jiem sħaħ, l-istejjer li kienu jirrakkontawli, il-ġardina qisha l-ġnien tal-Eden u l-kamra tal-imbarazz.  Imbagħad kien hemm id-dar t’ommi, il-ġnien kbir li kellna, il-librerija vasta fl-istudju ta’ missieri, iz-zijiet u l-kuġini ġejjin u sejrin għandna.  Dawn kollha għaġnuni, ispirawni u sabu ruħhom fil-kitba tiegħi.

2.         Matul il-karriera twila tiegħek bħala kittieb inti ktibt novelli, rumanzi, poeżiji u
       drammi. X’inhu s-sabiħ ta’ dawn il-ġeneri ta’ kitba?

F’kull ġeneru nsib xi ħaġa li tiġbidni u proprju għalhekk jiena naqbeż minn ġeneru għal ieħor.  Inħoss li meta, ngħidu aħna, min-novella ndur għall-poeżija, jew mir-rumanz indur għad-dramm, ikun qed niċċarġja l-batteriji mill-ġdid.  Inħobb inġib tixbiha mal-ikel: anki l-aktar ikel favorit tiegħek, jekk tieklu kuljum ixebbgħek. U hekk inħares lejn il-ġeneri letterarji: inkun nixtieq induq it-togħmiet differenti li joffruli.  Iżda minkejja dan kollu, tul dawn  l-aħħar snin inammrajt bil-kbir man-novella.  L-istil konċiż tagħha, l-ekonomija ta-kelma, il-pinzellati ħfief iżda sodu jkunu jeħtieġu l-karattri, inħosshom jaqblu mat-temperament tiegħi.

3.         Xi tgħid dwar il-ġeneru tal-awtobijografija?

Inħoss li ħafna awtobijografiji jbatu mill-istil.  Xi drabi jiġri li għalkemm il-persuna kkonċernata jista’ jkollha ħajja mill-aktar interessanti u unika, ma tkunx imħarrġa fl-arti tal-kitba u allura tipproduċi xogħol stilistikament medjokri.  Ma jfissirx li għax inti arkitett mill-aqwa, inti wkoll kittieb. Fi kliem ieħor, awtobijografija tajba, tkun  verament tajba, mhux għax tkun miktuba minn politiku magħruf, filmstar ċelebri jew footballer-stilla ... imma meta tkun artistika u kreattiva.  Barra minn Malta, il-biċċa l-kbira tal-awtobijografiji jgħaddu għand editur jew shadow writer, sabiex dan jieħdu f’idejh l-ewwel draft tal-awtobijografu u jittrasformaha f’kitba interessanti.

4.     Liema minn dawn it-tip ta’ kotba jintlaqgħu l-aħjar mill-qarrejja?

B’mod ġenerali, l-aktar li jimxu huma r-rumanzi; iżda minn ftit lil hawn osservajt li n-novella qed taqbad ritmu ġmielu.  Fl-istil tal-ħajja tal-lum, x’aktarx wieħed qed iħossu komdu jaqbad jaqra biċċa xogħol ta’ ftit paġni u jlestiha malajr.

5.     Minn fejn jitwieldu l-karattri li niltaqgħu magħhom f’kitbietek? Liema huma l-iktar għal qalbek?

Jiena nikteb ħafna fuq karattru li niltaqa’ magħhom ta’ kuljum, jew fuq oħrajn li fi tfulitu jkunu ħallew fuqi l-impronta tagħhom.  B’danakolu jiena qatt ma nagħmel “copy & paste” imma nieħu elementi partikolari minn diversi karattri u nagħġinhom f’karattru ġdid.  B’hekk inħoss li l-karattru jkun aktar oriġinali, interessanti ... jew bizarr.

6.     X’jagħmel karattru tajjeb?

Meta l-kittieb ikun qed jimmudella l-karattri tiegħu, jeħtieġ ikun jiskopri x’tip ta’ vuċi jkollhom, kif jimxi, kif iċaqelqu jdejhom; jiskopri l-passat tagħhom, x’tip ta’ familja għexu fiha, f’liema post ..eċċ; anki jekk dan kollu ma jkunx se jidħol fl-istorja. Xorta waħda l-kittieb jeħtieġ ikollu komoxxenza ta’ dan.    B’hekk, meta l-qarrej jiltaqa’ ma’ dawn il-karattri, iħoss li huma tridimensjonali ... ħajjin.  Jiena nemmen li rakkont jimxi ’l quddiem aktar bis-saħħa tal-karattri milli tal-plott.

7.     Spiss il-kittieb isostni li jasal żmien meta ċerti karattri bħal jieħdu rajhom f’idejhom u jsiru indipendenti mill-istess awtur. Qatt ġara lilek dan?

Iva, dan x’aktarx ikun kollu frott tal-preparazzjoni sfiqa li jkun għamel il-kittieb; ta’ kemm ikun daħal fil-fond tal-karattri tiegħu.  Kemm-il darba ġrali li f’ħalq il-karattri nibda nqiegħed kliem li ma nkunx  fassaltu qabel.  Nibda nħoss li dak il-karattru partikolali hekk ikun jeħtieġ jgħid; jew karattru li suppost kellu jkun sekondarju, bil-mod il-mod tant nibda tant insibu interessanti li nibda nżattu wisq aktar milli nkun ippjanajt; donnu ħa r-riedni f’idejh u qed jiddettali hu xi jridni nagħmel bih.


8.     Kemm hija importanti r-rabta bejn il-karattri u l-ambjent li fih jitqiegħdu fil-kitbiet tiegħek?

Meta aktar ’il fuq semmejt li waqt l-ippjanar tal-karattri tajjeb li nistudaw ukoll il-post fejh għexu, kont qed nirreferi wkoll għar-rabta tagħhom mal-ambjent fejn trabbew.  Tifel li għex u trabba mal-port x’aktarx ikollu viżjoni tal-ħajja differenti minn wieħed li trabba fi flett il-Gżira; u min, ngħidu aħna għex tfuliti kollha l-Awstralja se jkollu viżjoni differeti minn dak li għex Malta u missieru kien mekkanik, jew għalliem jew bennej.  Barra minn hekk, l-ambjent li nitrabbew fih mhuwiex biss dak fiżiku imma jinkludi wkoll il-karattri li niltaqgħu magħhom.  Min trabba mal-port s e jiltaqa’ ma’ karattri differenti minn dawk li jiltaqa’ magħhom min jitrabba s-Swieqi.

9.     Kemm huma importanti l-aspetti morali, didattiku u soċjali f’kitbietek? Kieku kellek tqiegħed dawn it-tliet aspetti f’ġerarkija kif tikklassifikahom fil-kitbiet tiegħek?

L-aspett didattiku nħoss li m’għandux postu fil-letteratura.  Din mhix qiegħda hemm biex tiddetta jew timponi, imma biss biex tipprovoka l-ħsieb.  L-aspett morali nħoss li għandu jkun aktar issuġġerit bl-aktar mod sottili, milli mistqarr. 
Issa hawnehkk irrid niddistingwi bejn kitba għat-tfal u kitba għall-adulti.  Dik għat-tfal inħoss li għandu jkollha valuri morali f’posthom. Jiġifieri jiena qatt ma jgħaddili minn moħħi li nikteb xogħol għat-tfal li fih jiena nigglorifika l-moħqrija jew fejn il-ħażin jiġi ppremjat.  Iżda meta nikteb għall-kbar nista’ nuża dawn l-istrateġiji biex nasal fejn inkun nixtieq.  L-adulti għandhom l-għodod biex janalaizzaw dak li ngħid, ma jaqblux miegħi u jikkonfrontawni.  Iżda t-tfal x’aktarx jieħdu bħala vanġelu dak kollu li jaqraw.
L-aspett soċjali huwa għal qalbi ħafna, iżda ma rridx aġendi premeditati.  Nippreferi li dan jidħol ħelu ħelu bis-saħħa tal-plott u tal-kartattri.

10.  X’differenzi jeżistu bejn il-kitba għat-tfal, dik għall-adolexxenti u dik għall-adulti? Semmi xi eżempji mill-kotba tiegħek.

Bosta drabi, id-differenza tkun aktar waħda teknika u stilistika milli tematika.  Nemmen li għat-tfal tista’ titkellem fuq kollox:  fuq is-sess, ir-reliġjon, ir-razziżmu, il-mewt, l-inġustizzja soċjali ... kollox.  Il-ktiieb irid isib il-mod u l-istrateġiji adattati kif jitkellem dwar dawn it-temi.  Naħseb li l-kitba għall-adolexxenti hija l-aktar diffiċli.  Il-kittieb jeħtieġ li mhux biss jifhem id-dinja tagħhom, iżda wkoll jitgħallem il-vokabularju tagħhom; vokabularju li jinbidel malajr.  Din toffri sfida oħra lill-ktiieb, għax vokabularju li llum ikun mill-aktar attwali u moda, wara ftit taż-żmien jista’ jibda jinħass qadim u antikwat u l-effett fuq il-qarrej ikun proprju l-maqlub ta’ dak li jkun ħadem għalih il-kittieb.  Iż-żewġ kotba tiegħi Sfidi u Sħab, l-uniċi rakkonti li ktibthom apposta għall-adolexxenti, kienu tnejn mill-aktar li sibt diffiċli,

11.  Xi tgħid dwar il-ġeneru tal-poeżija? Naf li int għamilt mill-aħjar biex tqarribha aktar lejn il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Kif għamilt dan?

L-imħabba tiegħi lejn il-letteratura bdiet proprju mill-poeżja; mill-kitbiet ta’ Ġananton Vassallo u Dwardu Cachia li nannti kienet taf bl-amment.  L-ewwel tentattivi tiegħi fil-kitba kienu taqbiliet.  Fi tfuliti niftakarni naqra l-poeżiji ta’ Dun Karm, Pisani u Buttigieg u nieħu gost bihom bla ma nifhimhom; nissaħħar wara l-ħoss tal-kelma, tar-ritmu u r-rima.  Meta bdejt ngħallem il-Malti kont ninkedd meta narani kostrett nagħti lit-tfal poeżija li ma nkitbitx għalihom; li mhumiex mid-dinja tagħhom u li ħtija t’hekk x’aktar it-tfal se jitilgħu jobogħdu l-poeżija.  Meta mbagħad bdejt naqra dak li kien qed jinkiteb lil hinn minn xtutna minn kittieb bħal Roger Mc Gough, Michael Rose, Carol Ann Duffy, Colin Mc  Naughton u John Foster, bdejt ninduna kemm il-poeżija għat-tfal tista’ tkun għajn ta’ divertiment.   Bdejt nipprova nikteb poeżiji ferrieħa u umoristiċi u nara dawn kif se jintlaqgħu mit-tfal.  U l-feedback li rċevejt kien veramnet inkoraġġanti.  It-tfal iriduha l-ooeżija u jħobbuha ... kemm-il darba jħossuha tabilħaqq tagħhom.

12.  X’inhu r-rwol tiegħek fi ħdan Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb?

Jiena membru bħall-oħrajn kollha, u minkejja li jiena viċi-president b’għandix xi xogħol aktar jew ogħla minn sħabi.  Ħdimna kif stajtna fil-limitazzjonijiet kbar li kellna.  Ta’ min wieħed jagħmilha ċara li l-Kunsill m’għandux vot speċifikament għalih; għandu biss vot apposta għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u vot ieħor għall-Fiera. L-inizjattivi l-oħra kollha li mbarka fuqhom il-Kunsill (bħall-kampanja “Ħu ktieb miegħek ħdejn il-baħar” u l-oħra “Aqra ktieb qabel torqod” irnexxielu jagħmilhom bis-saħħa tal-sponsors li sab.  Hekk ukoll nistgħu ngħidu għas-seminars li orgaizzai u l-pubbikazzjonijiet li ħriġna.  Naf li hemm ħafna  aktar x’jista’ jsir u ċertament qatt ma konna perfetti f’dak li għamilna; imma aħna grupp ta’ nies li naħdmu bil-qalb u b’ħafna entużjażmu.


13.  Kemm hu importanti li awtur ikollu l-websajt tiegħu?

Illum ikollok timxi maż-żminijiet.  Ngħid għalija, is-sit elettroniku tiegħi nsibu komdu ħafna meta nircievi talbiet mit-tfal għal għajnuna fil-proġetti li jkollhom.  Mis-sit elettroniku tiegħi jkunu jistgħu jsibu u jniżżlu l-informazzjoni kollha li jkunu jeħtieġu.  Illum hemm ukoll il-facebook, it-twitter u mezzi oħra simili li permezz tagħhom l-awtur ikun jista’ jsemma’ leħnu u jippubbliċizza kitbietu.  Dawn huma kollha għodod li nagħmlu tajjeb nużawhom, għax il-poplu jeħtieġ jisma’ l-vuċi u l-opinjoni tal-awtur, vuċi li bosta drabi tintradam fost l-għagħa tal-politiċi u tal-midja.






Wednesday, June 26, 2013

L-Għaqda Poeti Maltin u l-Laqgħa tas-Sibt, 6 ta’ Lulju


Billi din is-sena Rużar Briffa qed ikun imfakkar fil-50 sena minn mewtu, l-Għaqda Poeti Maltin ħasbet biex matul il-laqgħa tal-ewwel Sibt tax-xahar li jmiss, jiġifieri fis-6 ta’ Lulju, ikun iddedikat ftit ħin għal dan il-poeta mill-Belt Valletta. 

Dr. Carmel Mallia se jaqra esej bil-Malti bl-isem, "Il-Poeżija tat-Tbatija f'Rużar Briffa b'referenza għall-poeta Franċiż  Alfred de Vigny." Dan l-istess studju se jkun ippubblikat fi ktejjeb ta' 24 paġna u se jkun għall-bejgħ waqt din il-laqgħa li ssir f’Dar l-Emigrant – ħdejn dħul il-Ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq – bejn l-10am u 12pm. Il-ktejjeb se jinbigħ għall-prezz ta’ €3 u l-qligħ imur għall-Għaqda Poeti Maltin. 

Il-ktejjeb dwar Rużar Briffa se jkun b'xi stampi, jagħti l-karatteristiċi tal-poeżija tat-tbatija ta' Rużar Briffa u fih Dr. Mallia jqabbel xi punti li ħareġ ma' xi karatteristiċi tal-poeta Franċiż Alfred de Vigny (1797-1863). 

Dan l-esej oriġinarjament inkiteb bl-Esperanto mill-istess Dr. Karmenu Mallia u deher flimkien ma' esejs ta' awturi esperantisti oħra fil-'Festlibro de A al B/por Andre' Albault', ippubblikat mill-Edition Iltis, Franza. 

Kulħadd huwa mistieden. Se jkun hemm ukoll ħin biex dawk preżenti jaqraw kemm poeżiji ta’ Rużar Briffa kif ukoll versi tagħhom stess.