Thursday, May 27, 2010

Poezija minn Graz


Inpassi fi Graz, Awstrija
(1 ta’ April 2010)


Inħobb inpassi waħdi xi mindaqqiet
naħrab ’il bogħod minnkom ilkoll
biex biss wara ftit waqtiet
insibni nterraq toroq għariba
u nfittixkom b’ħerqa tqila
f’kull rokna u fuq kull bankina,
u xbihetkom jiġru w’rajja f’kull kartolina
li nilmaħ fil-ħwienet tat-turisti, imdendlin.

Inħobb inpassi waħdi xi mindaqqiet
’il bogħod mis-sħana tagħkom
biex biss ftit waqtiet wara
nsibni nissemma ilsna barranija
mlissna minn folla li mhix tiegħi
u nħossha kiesħa ferm dil-kumpanija.

Inħobb inpassi waħdi xi mindaqqiet
’il bogħod minn dawl għajnejkom
biex biss mumenti wara
insibni nfittex wiċċkom fil-vetrini
sa ftit ilu mlewna
imm’issa mdallma, mitfija,
u b’insistenza nħares lura
fil-post fejn ħallejtkom l-aħħar.

Inħoss il-ħsejjes ta’ madwari ta’ dil-belt għanja
jagħfsu fuq widnejja
u bħal nitlef kull għelm ta’ interess
mingħajrkom xejn m’hu l-istess,
u matul il-ħeffa tiegħi nħares ’l hinn u ’l hawn
u kull leħen nistħajjel li hu tagħkom.

Ħsibijieti fikom jinbidlu fi trammijiet
iħaffu wieħed wara l-ieħor bla mistrieħ
u nifhem li dal-waqtiet ta’ waħdi
bżonnjużi daqs in-nifs għalija
bla ma wisq itulu
għax mitluf f’dil-ġemgħa barranija
nerġa’ nsib lili nnifsi
nifhem kemm intom għalija
egħżeż mit-teżori materjali.
Intom it-toroq, l-isqaqien, il-bini u l-funtani
li fosthom ta’ kuljum jiena ngħix u nintilef
u bla ma naf anki jekk naf sew
huma l-veri msieraħ u spazji tiegħi
li fihom inħossni ħaj u maħbub tassew.

B’hekk riġlejja bla sabar jieħdu rajhom f’idhom
u jsuquni mill-ġdid għall-post
fejn konna l-aħħar flimkien
ħarsti terġa’ tixgħel ħuġġieġa
widnejja jieqfu dritti
malli t-tlieta nilmaħkom f’daqqa
titbissmu henjin
ħalli nerġgħu npassu l-ispazji
ta’ dil-belt għariba lkoll flimkien.

Monday, May 24, 2010

Intervista ma' Rigu Bovingdon mill-Awstralja


Rigu Bovingdon twieled Ħ’Attard fl-1942 u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju tal-Arċisqof il-Furjana. Huwa emigra lejn l-Awstralja fl-età ta’ 16-il sena, fl-1958, u kompla l-istudji tiegħu fl-Awstralja. Ħadem bħala Infermier Psikjatriku Reġistrat, b’diploma fl-Amministrazzjoni tal-Infermiera, u aktar tard bħala uffiċjal tal-amministrazzjoni. Lura f’Malta attenda l-Università fejn iggradwa B.A. Hons fil-Malti. Huwa wkoll xandar u ġurnalist kwalifikat imħarreġ min-network tal-iSpecial Broadcasting Services ta’ Sydney, u għalliem part-time tal-ilsna. Kien l-ewwel wieħed li ta lezzjonijiet tal-Malti fl-Awstralja sa mill-1966, ko-fundatur tal-Fairfield Melita Drama Company, u tas-Society of Writers of Maltese f’Sydney. Beda wkoll il-mużika pop fost il-Maltin fl-Awstralja billi kkompona u rrikordja kanzunetta bil-Malti fl-1974. Bovingdon ippromwova l-ilsien, il-letteratura u l-kultura Maltija f’bosta imkejjen fl-Awstralja permezz ta’ lekċers u billi organizza bosta seminars. Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti. Fl-1999 kien ewlieni fit-twaqqif tal-Iskola tal-Ilsien Malti fi NSW, u kien ukoll l-ewwel surmast tagħha. Huwa ppubblika u editja l-ewwel ġurnal letterarju Malti, Ix-Xefaq, u għal xi snin kien l-editur letterarju tal-ġurnal Malti f’Melbourne, The Voice of Malta. Fl-2006 Rigu Bovingdon irċieva l-Premju Kulturali mill-Assoċjazzjoni Kulturali Maltija ta’ Sydney fi NSW.


1. X’inhi r-relazzjoni ta’ Rigu Bovingdon u l-Awstralja llum? Xi tfisser Malta għal min jinsab fil-pożizzjoni tiegħek?

Mal-Awstralja jiena nħossni nidentifika b’wieħed minn uliedha. Ili noqgħod Sydney 51 sena. Uliedi t-tnejn imweldin hemm u hekk ukoll ulied uliedi. Marti Maltija mill-Gżira u jiena minn Ħ’Attard. Bħala identità mal-Awstralja jiena Awstraljan ta’ oriġini Anglo-Maltija, għaliex il-pa kien Ingliż. Ma kienx jaf l-inqas kelma bil-Malti.
Fil-qagħda soċjoloġika tiegħi, skond l-isfond konċiż li tajtek hawn, meta nżur lil Malta, nerġa’ lura lejn il-ġuf simboliku. Nieħu l-ħajja mill-ġdid. Voldieri nitreġġa’ lura lejn jiem tfuliti sal-età ta’ 16-il sena; l-età li emigrajt jew inftamt mill-maħbuba Malta tiegħi. Bħala spjega aktar ċara, ta’ min ikun jaf li, minkejja l-isfond Anglo-Malti tiegħi, ftit li xejn qatt ħassejtni affinit mal-Ingilterra. Ħajti ġo Malta għextha bħal kull tifel Malti li jitrabba f’ambjenza rustika, rurali bħali. Jekk iċċempel lil xi stazzjon lokali tar-radju u titlobhom idoqqulek il-kanzunetta tiegħi “Tfuliti f’Malta”, għandek issib ħafna minn ħajti f’Malta qabel sifirt.

2. F’liema attivitajiet jew għaqdiet jew inizzjattivi inti impenjat fil-preżent?

Fil-komunità Maltija Sydneyana jiena membru tal-Għaqda Kulturali Maltija ta’ N.S.W. Barra minn hekk, kull nhar ta’ Erbgħa nagħti nofs ta’ nhar lill-Maltese Herald nikkoreġilhom l-ortografija, voluntarju. Nikteb regolari fiha u spiss nikteb ukoll fil-ġurnali ta’ Malta. Nikkontribwixxi artikli (monografiji) akkademiċi dwar il-Malti internazzjonalment. Nikkritika (mhux immaqdar taf) il-lingwa, il-letteratura, soċjalment u politikament (mhux partiġġjan iżda f’sens ta’ politija).
Fl-imgħoddi, mill-1965, mindu żżewwiġt Maltija, impenjajt ruħi fil-fond mal-komunità Maltija Awstraljana. Fl-1968 ftaħt l-ewwel klassijiet tal-Malti fl-Awstralja (u probabilment l-ewwel fid-dinja barra minn Malta). Fl-1972 sirt l-ewwel Malti fl-Awstralja li tajt u għaddejt fil-Lingwa u Letteratura Maltija – Livell Avvanzat minn Oxford bħala awtodidatta. Għamilt xi snin attiv fil-palk Malti. Fl-1990 (?) irbaħt il-Premju Francis Ebejer – kitba għall-palk. Fl-1968, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Professuri Ġużè Aquilina u Ġużè Galea, sirt Membru tal-Akkademja tal-Malti b’riżq ħidmieti għall-Malti fl-Awstralja. Fiż-żmien kont ukoll membru tal-Australian Writers Fellowship, tad-Dante Alighieri Society u tal-Arabic Society of Sydney University u wkoll tal-Macquarie Dictionary Society u xi oħrajn ukoll.

3. Fil-belt fejn tgħix, il-Maltin, u komunitajiet oħra, jieħdu interess fil-letteratura?

Fil-preżent hemm ċertu qawmien fil-qari Malti imma iżjed awdjofoniku, mir-radju. Ħwejjeġ intellettwali m’humiex l-għażla preferita tal-ebda soċjetà umana – mhux tal-Maltin biss.

4. Min huma l-kittieba Maltin fl-Awstralja llum? X’taħseb dwarhom u x’qed jinkiteb minnhom?

Kieku kont qed inħejji xi test kritiku kont inkun aktar komdu nikkummenta fid-dettal. Ngħidlek biss li hemm numru ta’ kittieba Maltin Awstraljani. L-aktar sinifikanti fosthom ingħodd lil Joe Saliba, Joe Axiaq u Manwel Casha. Hemm tnejn oħrajn li kitbu bl-Ingliż. Dawn huma Lou Drofenik u Agostino Borg. Ix-xogħlijiet tiegħi jitkellmu għalihom infushom.

5. Xi tgħid dwar il-programmi radjufoniċi u anki l-ġurnali tal-Maltin fl-Awstralja?

L-uniku ġurnal bil-Malti fl-Awstralja li għadu jeżisti wara kważi ħamsin sena kontinwi huwa The Maltese Herald. Hemm imbagħad għadd ta’ fuljetti u programmi ta’ diversi għaqdiet f’Sydney, Melbourne, Adelaide, Brisbane, Wollongong u Morwell. Rigward programmi tar-radju, li minnhom hemm numru kbir madwar l-Awstralja kollha, dawn ivarjaw fil-livell tal-materjal. Jiddependi x’udjenza tkun immirata. Il-programmi tal-SBS (Special Broadcasting Services) tal-Gvern Federali, madwar l-Awstralja huma ta’ livell tajjeb fuq skala populista.

Fir-ritratt Rigu Bovingdon jidher qed jaqra xi poeziji minn tieghu waqt Lejla ta' Poezija li saret fl-Istituto Italiano di Cultura, nhar is-7 ta' Mejju 2010, imtellgha mill-Ghaqda Poeti Maltin.

6. Liema hija l-belt li tgħix fiha? Iddeskrivi t-tajjeb u l-ħażin tagħha.

Noqgħod ġewwa Sydney f’lokal jismu Merrylands. Il-popolazzjoni hija mħallta ġmielha etnikament. It-tajjeb tiegħu hu li ssib taħlita (għażla) kbira fil-varjetà ta’ oġġetti (ikel, ħwejjeġ, divertiment). Mil-lat negattiv m’hemmx differenzi kbar bejn poplu mħallat u ieħor omoġenju. Il-bniedem dejjem huwa bniedem.

7. Xi tgħid dwar ir-relazzjoni bejn il-kittieba Maltin fl-Awstralja u dawk f’Malta? Hemm rabta ta’ xi tip?

Ma nafx li teżisti xi relazzjoni ġenwina min-naħa ta’ Malta lejna. Ġeneralment aħna injorati. Anki jiena li rnexxieli ninfed ċerti strati soċjetali Maltin. Għajr l-Università ta’ Malta, min fost l-Għaqdiet qatt stedinni nindirizzahom fid-diversi żjajjar tiegħi f’Art Twelidi?
Le, ma nafx li hemm xi rabta profonda bejn il-kittieba Maltin tal-Awstralja u dawk ta’ Malta.

8. Naf li Rigu Bovingdon huwa interessat sewwa fl-istudju u fl-iżvilupp tal-ilsien Malti. Xi tgħid dwar dan? Liema huma dawk l-affarijiet li tikkunsidra pożittivi u dawk li jdarrsuk f’qasam bħal dan illum?

Bħala l-pijunier tat-tixrid tal-lingwa tagħna ġo l-Awstralja u fl-isfond ta’ erba’ deċenni u aktar ta’ ħidma kontinwa, jiena sorpriż u ddiżappuntat li l-awtoritajiet Maltin, jiġifieri l-Gvern u l-Oppiżizzjoni qegħdin jippermettu lill-Kunsill Nazzjonali tal-Malti jħawwad kif irid hu. Dan il-Kunsill offenda u weġġa’ bosta ħassieba u kittieba serji u rinomati. Jiena nipproponi bojkott kontrieh. Diżubbidjenza ċivili! Xejn inqas. Imissu l-Gvern jissospendih, jirrevoka l-liġi li waqqfitu u jirrikostituzzjonalizza lill-Akkademja tal-Malti.
Il-Malti bħala l-lingwa tan-Nazzjon tagħna hi proprjetà ta’ kulħadd. ĦADD m’għandu monopolju fuqu. Ninsab diżgustat ukoll li l-gazzetti Maltin ma pprotestawx.
Veru li l-Malti ħa passi kbar ’il quddiem imma mhux bil-ħila tal-Kunsill. Il-Malti tant huwa prezzjuż u fl-istess ħin delikat li jmissna nnaqqsulu r-regoli mhux noħonquh biż-żieda ta’ regolamentazzjonijiet superfluwi.


9. X’laqtek f’Malta matul din l-aktar żjara reċenti tiegħek fuq il-gżira? X’kienu l-impenji tiegħek matul il-perijodu li għaddejt hawn Malta?

Ġejt hawn Malta bosta drabi Patrick. Xejn m’għadu jgħaġġibni. Is-soċjetà Maltija, il-Maltin iridu jikkurawha mhux aħna li ngħixu f’ambjenza differenti għal kollox minn t’hawn.
Ġejt din id-darba fuq stedina tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bħala “keynote speaker” tal-Konvenzjoni tal-Maltin li jgħixu Barra 2010. Is-suġġett tiegħi kien “L-Edukazzjoni: Ankra fl-Identità ta’ Poplu”. Aċċennajt fuq il-valur u s-sinifikat tal-lingwa Maltija fostna l-Maltin.

10. Fil-qosor liema huma l-pubblikazzjonijiet fejn dehru l-kitbiet tiegħek?

Huma dawn: Journal of Maltese Studies (darbtejn); Journal of Mediterranean Studies (Ġunju 2010); Milla wa Milla, University of Melbourne; Il-Malti (Akkademja tal-Malti); The Maltese Language of Australia: Maltraljan...; Lingwa u Lingwistika (MATSEC u Klabb Kotba Maltin); Current Issues in Language Planning (UK & USA); Multilingual Matters (UK); Linguistics Dept, Payap University, Thailand; Bullettin Linguistique (Sorbonne); Language (USA); Lancaster University (UK); u oħrajn fl-Italja, Spanja, Ċina, Russja, eċċ.

11. Għid xi ħaġa fil-qosor dwar proġetti u pjanijiet futuri tiegħek.

Pjanijiet għall-futur ma tantx għandi għajr li forsi nippubblika antoloġija ta’ bijografiji ta’ Maltin li ħallew il-marka tagħhom fl-Awstralja. Fil-preżent għandi serje ta’ programmi fuq ir-radju dwar l-istorja u nisel il-Malti li nispera għad niżviluppahom fi ktieb. Għandi xi żewġ reċensjonijiet x’inħejji li jinkludu l-filosofija Maltija u l-letteratura. U nittama li għad nikteb xi ħaġa aktar aġġornata dwar il-Kantilena.


Patrick Sammut, Mejju 2010.


Xi poeżiji ta’ Rigu Bovingdon:

Sant Anton

Sigrieti antiki li fi skietkom tostru ja siġriet;
li minn tfuliti nafkom, sentinelli tal-ġrajjiet;
ħemdin f’dal-ġnien li ’l bosta kbarat wennes
u lili.
Min jaf? Min jaf?

Waqt l’intom, mar-riħ tiżżeffnu,
tippassiġġa l-kotra hienja
u l-għajta taż-żmenijiet,
li jiena ma nifhemx,
issemmgħu.

Ja sedja tal-poter, mistur fi sliemek!
Jien nibqa’ niġi nżurek
sa ma fija jissokta
f’armonija r-ritmu
u ma’ sigrietek u siġrietek nishar,
jiemi magħdudin.


Bejn Ħaltejn

Miġbud minn hawn! Miġbud minn hemm!
’Il fejn se ndur? Fejn sa nintemm?
Fuq mewġa mgħolli, mgħolli nżiġġ
biex nogħdos nerġ’ għall-qiegħ mill-wiċċ.
Issa ninbaram, oħra nintrema.
Għaġbi fl-inkwina tal-ħajja nħema.
Bejja ħalla w oħra, il-kiwi jibried.
Ġenni ingħaġen fl-inkwina li xwiet.
Mar-riħ jittajjar, dan ħsiebi ewlien.
W hekk fl-ideal intir jiena qalbien.
Leħen ta’ Malti x’imkien fis-smewwiet
jidwi jinstema’ igħanni l-ħlewwiet;
ħlewwiet ta’ ħajja li kienet fiż-żmien.
Għebu fil-ħerba tal-lum il-għajxien.
Instema’ l-eku ta’ l-għajta bejn tnejn,
“baqa’ jissara, miġbud bejn ħaltejn”.

Sydney



Ħrabtek f’mument glorjuż
’mma b’hemm il-bniedem
ma nisharx imnikket.
Serenità fittixt
mill-għagħa
tal-kotra fiergħa
u pandemonju sibt
in-naħa l-oħra,
mingħajr rażan.

Sydney tas-sliem!
Belt tar-riflessjoni,
fl-isbaħ jiem tiegħek.
Ruħ Bennelong
ma’ l-isbaħ marsa tħuf,
għajjiena mit-tensjoni
ta’ ġensija.