Għasfur mill-bejta
ttajjar
jimraħ baxx baxx
mirżuħ
ifittex loqma ikel
għaż-żgħar
l'għandu bil-ġuħ.
Waqt li kien qed
jittajjar
fuq l-għolja
tal-kalvarju
l-għasfur straħ
fuq il-għuda
Qalbu sewda
nikkieta
ra nies iebsa madwaru
raġel mitluq għal
mejjet
qegħdin jiġbduh minn xagħru.
Salbuh ma’ salib
aħrax
imsiemer kbar
f’idejh
mara tibki u
tolfoq
mixħuta taħt
riġlejh.
Mislub rasu
baxxuta
mitluqa fuq
spallejh
qalbu l-għasfur
ingħafset
imbikkem resaq
lejh.
Staqsieh kif jista’
jgħinu
għalxiex bi swat
battewk
naħlef li qabel
nitlaq
niġbidlek ftit
mix-xewk.
Ma’ xewka twila ssielet
minfuda kienet hemm
ġibidha bit-tbatija
sidru ċappas bid-demm.
Ġesu` dawwar ftit wiċċu
sabiex irroddlu ħajr
u b’leħen miksur qallu
maltemp ġej, mur malajr.
Sider l-għasfur imxarrab
tad-demm kellu xi qtar
sellimlu qabel telaq
dlonk lejn il-bejta tar.
Lura wasal fil-bejta
iż-żgħar sabhom miblula
sidirhom kollu aħmar
bid-demm qaddis maħsula.
Iż-żgħar qallhom x’kien ġara
tassew ġrajja tal-waħx
għajnejh bid-dmugħ mimlija
ifisser ma jiflaħx.
Għat-tlieta beda jberraq
ta' ragħad qawwi l-ħoss
maħnuq 'l missier għajjat
żejjen lill-pitirross.
Mis-sema waqgħet dalma
lill-għasfur bgħatt tislija
ħniena wettaqt ma’ ibni
tebgħa nagħtik middija.
Ramon Psaila