Sunday, May 26, 2013

IKOMPLU L-LAQGĦAT MILL-GĦAQDA POETI MALTIN
Il-membri tal-Għ.P.M. reġgħu ltaqgħu f’Dar l-Emigrant l-ewwel Sibt ta’ Mejju bejn l-10 am u 12pm, fejn qraw poeżiji minn tagħhom. 
Okkażjoni oħra kienet dik li seħħet ukoll fl-4 ta’ Mejju, imma filgħaxija, din id-darba f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Hawn ukoll inqraw għadd ta’ poeżiji mill-membri. L-Għ.P.M. ippreżentat ukoll għadd ta’ kotba ppubblikati mill-membri tagħha kemm lill-Kunsill Lokali kif ukoll lill-Iskola Primarja tal-lokal. 
Nhar is-Sibt, 18 ta’ Mejju, l-Għ.P.M. organizzat ikla għall-membri tagħha f’ristorant f’Ħal Qormi

L-istess Għaqda tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fl-24 ta’ Mejju fir-Razzett tal-Markiż, fil-Mosta, f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-President, Charles Magro, stieden biex dawk preżenti jisimgħu sewwa, jiflu u japprezzaw kull poeżija li kienet se tinqara, anki għax kull wieħed u waħda minn dawk preżenti setgħu jitgħallmu minn ħaddieħor. Waqt is-serata l-poeta Malti minn Sydney, l-Awstralja, ippreżenta lill-Għaqda numru ta’ kopji tal-ġabra ta’ ħajku tiegħu Qwiel minn Fomm l-Imġarrab (2010).  Louis Vassallo ppreżenta kopji tal-ktieb Infakkru l-Passat—Niċċelebraw il-Ġejjieni li jfakkar it-30 anniversarju tal-Għaqda Filantropika Talent Mosti, li tagħha Vassallo hu viċi-President. Il-parti mużikali din id-darba ġiet ipprovduta mill-kitarrist bravu Ray Ellul li daqq siltiet tal-Beatles.