Fis-sena 1994, bint Giovanni Curmi, Ileana,
kitbet hekk f’artiklu għar-rivista tal-Għaqda Poeti Maltin, “VERSI”: “Fraħt
meta Alfred Massa talabni nikteb xi ħaġa għal ‘Versi’ fuq Giovanni Curmi,
poeta. Fraħt mhux biss għax Giovanni Curmi missieri u dejjem nieħu gost meta xi
ħadd jitlobni xi tagħrif dwaru imma anki għax wara għoxrin sena minn mewtu hawn
ġenerazzjoni sħiħa, jekk mhux tnejn, li taf ftit li xejn dwaru u din hi
okkażjoni tajba ħafna biex isiru jafuh – u forsi jitħajru jaqraw xogħlijietu.”
Illum, 39 sena wara mewtu, jiena wkoll xtaqt nikteb xi ħaġa dwar dan
il-kittieb, intellettwali u edukatur li ddedika tant enerġija lil dak li kien
iħobb, l-aktar il-letteratura u l-lingwa Taljana, imma anki lil pajjiżu. U dan
qed nagħmlu anki wara li ltqajt wiċċ imb wiċċ ma’ bintu Ileana, bniedma
simpatiċissima u li lesta tkompli bl-aqwa mod ma’ min ikun irid jitkellem dwar
missierha u r-relazzjoni tagħha miegħu.
L-10 ta’ Jannar ifakkar fid-data tat-twelid
ta’ wieħed mill-kittieba Maltin ewlenin, l-aktar fejn jidħlu l-letteratura u
l-ilsien Taljan: Giovanni Curmi. Huwa twieled fis-sena 1900. Kien it-tieni iben
u r-raba’ wild minn ħames ulied ta’ ġenituri tal-klassi l-għolja u ta’ twemmin
reliġjuż profond. Missieru, ukoll Giovanni, kien studja fl-Ingilterra u ngħaqad
mas-Servizz Ċivili meta ġie lura Malta. Ommu, Lucy Caruana, kienet bint
l-arkeologu magħruf, A.A. Caruana, Direttur tal-Iskejjel, tal-Mużew u
tal-Biblijoteka, u Rettur tal-Università. Ta’ 22
sena Giovanni Curmi, l-iben, kien diġà ggradwa
bħala avukat mill-Università ta’ Malta.
Minkejja dan huwa qatt ma pprattika l-Liġi, u minflok ipprefera jgħallem
it-Taljan (kien jagħti lezzjonijiet privati fil-Latin ukoll) u jikteb b’dan
l-ilsien ta’ Dante. Kien matul is-snin tiegħu fl-Università meta Giovanni Curmi student ipparteċipa fl-istrajk
tal-istudenti u fil-ġlied tas-“Sette Giugno” (1919). Kien wieħed minn dawn
l-istudenti li ġabru l-flus għall-familji tal-vittmi ta’ dan l-episodju ikrah.
Kien ukoll membru tal-Giovine Malta,
klabb ta’ natura soċjali u kulturali. Hawn kien sar jaf ħabib kbir tiegħu,
Vincenzo Frendo-Azopardi, li bħalu qatt ma ħadem bħala avukat minkejja li
ġġradja hekk, u kien kittieb u għalliem.
Giovanni Curmi fil-qasam tal-kitba u
tal-edukazzjoni:
L-ewwel
poeżiji tiegħu kitibhom meta kien student l-Università. Ileana tgħid li l-iktar poeżija antika li sabet kienet Chiaror di Luna u magħha hemm it-tagħrif
“S. Giuliano, il 25 marzo 1918”, mela meta kellu 18-il sena. L-ewwel poeżiji li
ppubblika f’Malta dehru fil-“Voce del Popolo” tat-30 ta’ Ġunju 1920. F’Ġunju
1923 Curmi ra l-ewwel poeżija tiegħu ppubblikata barra minn Malta li kienet Tra fanciulli li dehret fi “Prime
Scintille” (Sarno). Is-sena 1923 rat il-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb tiegħu,
il-ġabra ta’ poeżiji Liriche,
ippubblikat f’Katanja. Skond Ġużè Chetcuti dawn kienu l-poeżiji tal-ewwel fażi,
dik taż-żgħożija u tal-imħabba, poeżiji li bihom Curmi ġie rikonoxxut bħala
poeta stabbilit. Huwa kkontribwixxa b’kitbietu f’diversi rivisti u gazzetti
mhux biss lokali (bħall-“Melita”) imma anki Taljani (bħal “La Lettura”,
“Augustea”, “Noi e il Mondo”, “La Tribuna”
u “L’Osservatore Romano”), u Italo-Amerikani (bħal “Corriere d’America” u
“Rivista d’Italia e d’America”). Kien jikteb prinċipalment artikli dwar Malta u
l-istorja tagħha.
Kien
editur tar-rivista “Malta Letteraria” bejn l-1926 u l-1939: hawn ippubblika
għadd ta’ manuskritti storiċi mill-arkivi tal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta,
fosthom Apoftegmi e proverbi maltesi
tal-Kanonku Ġan Franġisk Agius De Soldanis, Disavventure
marinaresche tal-Kmandant Fabrizio Cagliola, u L’occupazione francese di Malta nel 1798 ta’ Felice Cutajar,
Segretarju ta’ Alexander Ball. Giovanni Curmi kien ta wkoll għadd ta’ diskorsi
pubbliċi, fosthom Glorifichiamo la
Nazione!, li sar fit-8 ta’ Settembru, 1924, wara invit min-naħa
tal-Comitato della Festa Nazionale.
Giovanni
Curmi żżewweġ lil Lucy Savona (bint il-Maġġur Edward Savona, wieħed mit-tliet
ulied u uffiċjali tal-armata tal-politiku u edukatur Sigismondo Savona) fl-1932
u marru joqogħdu Tas-Sliema. Kellhom bint waħda, Ileana, li twieldet fl-1933.
Ftit xhur wara Curmi beda jgħallem it-Taljan u anki ftit il-Latin fil-Liceo. Bejn l-1932 u l-1940 huwa
ppubblika 7 kotba, kollha hawn Malta. Frammenti
di vita (1936) kienet ġabra ta’ rakkonti qosra; erba’ volumi bl-isem ta’ Cento
Novelle Paradossali (Città in fiamme, 1937;
La rivolta della materia u Il club dei suicidi, it-tnejn tal-1938;
u L’abbandono della terra, 1939); Il delitto di Villa Crèmera (1940), li
kienet ġabra oħra ta’ rakkonti qosra; u Il
canzoniere della bambina (1940) li kienet it-tieni ġabra ta’ poeżiji
tiegħu. Din tal-aħħar kienet ispirata mit-twelid u t-tfulija ta’ bintu
Ileana. Ġużè Chetcuti jorbot din
il-ġabra mat-tieni fażi ta’ Curmi poeta, dik tal-maturità u tal-familja.
Matul
il-gwerra l-familja ta’ Curmi (li ħadem bħala pulizija speċjali) għexet
fir-Rabat, eżattament fi Pjazza San Duminku, nu. 24. Kien ukoll membru tal-Home Guard. Marru lura Tas-Sliema
fl-1944. Fl-1945 Curmi ġie appuntat bħala Additional
Lecturer tal-Letteratura Taljana fl-Università Rjali ta’ Malta. Fl-1951 huwa waqqaf is-Società
Universitaria di Letteratura Italiana u
ta’ din għamel il-“Malta Letteraria” bħala l-organu uffiċjali. Fl-1955 kellu
jħalli postu bħala Lecturer fl-Università, u dan minħabba dak li bintu ssejjaħ “cruel
machinations”.
L-ewwel
ktieb li Curmi ppubblika wara l-gwerra kien Antologia
Italiana (1946) f’żewġ volumi, li kienet immirata għall-istudenti tal-Liceo u tal-iskejjel sekondarji. Fl-1948
ħareġ l-Italian Course (ukoll f’żewġ
volumi) għall-istudenti adulti li kienu jsegwu l-korsijiet ta’ filgħaxija fil-Liceo, u anki Storia della Letteratura Italiana għall-istudenti tal-Università. Is-sena 1954 rat il-pubblikazzjoni ta’ L’anima poetica del Novecento (Malta) u Sei dialoghi (Siena), dawn tal-aħħar
djalogi satiriċi bejn personaġġi tal-letteratura Taljana. Sena qabel (fl-1953)
huwa ħareġ ir-rumanz Bufera (Malta), Questa è vita (1955, Malta), u Nel Palazzo degli Anguillara (1956,
Milano), din tal-aħħar “detective story”, apparti xogħlijiet ta’ proża oħrajn.
F’dan il-perijodu kiteb ukoll “Daħliet kritiċi” għal ġabriet ta’ poeżiji ta’
Albert M. Cassola (1950) u Dun Karm Psaila (1954).
Kif
spiċċat il-gwerra Curmi kompla jikkorrispondi ma’ kittieba u kritiċi Taljani u
jibgħat artikli, poeżiji u stejjer qosra lil bosta rivisti Taljani ewlenin,
fosthom “Scena Illustrata”, “Cenobio” u “La Fiera Letteraria”. Għamel ukoll
bosta diskorsi pubbliċi fl-Università u anki
fl-Istitut Kulturali Malti, li bosta minnhom ġew ippubblikati aktar tard. Kien
fl-1951 meta Curmi waqqaf is-Soċjetà ta’ l-Awturi Maltin u kien elett il-President tagħha. Viċi-President kien
patri Ġużè Delia, S.J., Segretarju, Karmenu Vassallo, Teżorier, Vincenzo Ungaro
u fost il-membri kien hemm Ġużè Chetcuti. Għall-ewwel darba soċjetà bħal din ġabet flimkien il-kittieba Maltin kollha
(kittieba ta’ xogħlijiet ta’ letteratura, storja, filosofija, xjenza jew arti),
li kienu jiktbu b’ilsna differenti. L-għan ewlieni tagħha kien: “li tlaqqa’ u
tgħaqqad flimkien l-awturi kollha Maltin bil-fehma li jitħarsu l-interessi u
l-jeddijiet tagħhom sew individwali kemm kollettivi.”
Aktar
tard il-kitbiet ta’ Giovanni Curmi dehru f’pubblikazzjonijiet lokali bħal “Lo
Zibaldone”, “Il-Polz” u “The Malta Cultural Institute Bulletin”. Curmi baqa’
jgħallem it-Taljan fil-Liceo sal-1949
meta laħaq Assistent Kap. Fl-1957 laħaq Surmast, fl-1958 Spettur tal-Grammar Schools, u fl-1959 Assistent
Direttur tal-Edukazzjoni, biex fl-1960 irtira minn maċ-Ċivil. Wara dan baqa’
bħala eżaminatur tat-Taljan (l-eżami orali) f’rabta mal-eżamijiet lokali tal-Università ta’ Londra u reġa’ beda
jagħti lezzjonijiet privati. Kellu aktar ħin biex jieħu sehem f’attivitajiet
letterarji anki billi pparteċipa f’konkorsi letterarji Taljani, imma b’xorti
ħażina dan kellu jintemm għax sofra trombosi ċerebrali.
L-aħħar ħames kotba li ppubblika Giovanni Curmi
kienu kollha ġabriet ta’ poeżiji: Colloqui
e cronache (Milan, 1956), Cenere (Malta,
1958), Epistolario romantico (Milan,
1961), Quante cose di te (Milan,
1962) u Il destino del fulmine (Firenze,
1963). Dawn, skond Ġużè Chetcuti, kienu jagħmlu parti mit-tielet fażi ta’ Curmi
poeta, il-fażi tal-meditazzjoni, jiġifieri meta huwa beda jikteb fuq it-tiġrib
iebes tal-ħajja.
Il-pubblikazzjonijiet kollha ta’ Curmi ġew
milqugħin tajjeb mill-gazzetti kemm lokali kif ukoll Taljani. Fost il-gazzetti
Taljani li kkummentaw u kellhoim reċensjonijiet dwar ix-xogħlijiet tiegħu ta’
min isemmi “La Civiltà Cattolica”, “Il Duemilista”, “Corriere Siciliano”,
“L’Eco di Bergamo”, “Il Popolo di Roma”, “Pagine Libere”, “La Nuova Italia
Letteraria”, “Quaderni di Cultura Critica”, “La Nuova Antologia” u oħrajn.
Bosta kittieba u kritiċi Taljani magħrufa kkummentaw b’mod pożittiv ix-xogħol
ta’ Curmi, fosthom Ada Negri, Guido Mazzoni, Antonio Baldini, Francesco Flora,
Giuseppe Gerini, Giuseppe Villaroel u bosta oħrajn. Meta Curmi fl-1955
ippubblika L’anima poetica del Novecento,
il-kritiku Rolando Certa f’“Pagine Libere” (gazzetta li kienet toħroġ
fil-Veneto), sejjaħlu kritiku oġġettiv, ħieles u onest, u “un uomo di cultura
educato a un clima letterario di origine ottocentista.”
Kritiċi letterarji kitbu dwar ix-xogħlijiet
poetiċi u ta’ proża tiegħu kemm f’kotba u anki f’perjodiċi, f’Malta u
fl-Italja. Fost dawn kien hemm Oreste Tencajoli fil-ktieb tiegħu Poeti Maltesi d’Oggi (Ruma, 1932),
Grazia Gasperoni Battaglia fil-perjodiku “Sentimento” (Ravenna, 1954) u Ġużè
Chetcuti fil-perjodiku “Il-Malti” (Malta, 1955-56). Bosta kitbiet minn tiegħu
huma inklużi f’antoloġiji Taljani magħrufin, u anki Maltin. L-istudenta
universitarja Helen Costa fl-1972 kitbet it-teżi tagħha għall-Baċellerat
(Hons.) fit-Taljan dwar Curmi u semmietha La
poesia italiana di Giovanni Curmi. Hemm imbagħad bosta xogħlijiet minn
tiegħu li ġew maqlubin għall-Malti. Ir-rumanz Bufera inqaleb għall-Malti minn Karmenu Vassallo fl-1956 bl-isem
ta’ Riefnu, u ż-żewġ ġabriet ta’
poeżija Cenere u Epistolario romantico inqalbu għal ilsienna minn Ġużè Chetcuti
bl-isem ta’ Irmied (1961) u Epistolarju Romantiku (1965). Dawn
kollha ġew ippubblikati f’għamla ta’ ktieb. Ħafna mix-xogħlijiet ta’ Curmi
xxandru fuq ix-xandir lokali, uħud bit-Taljan u oħrajn fil-verżjoni tradotta
Maltija, xi ftit adattati għal radju-drammi. Xogħlijiet oħra tiegħu xxandru fuq
ir-radju Taljan u Svizzeru. Ir-rakkont qasir Fili, li nqaleb għall-Ungeriż minn Alice Almassy, inqara fuq radju
Ungeriż fl-1937. Ta’ min jgħid ukoll li jeżisti xogħol mhux ippubblikat ta’ Dr.
Ġorġ Mifsud li jġib l-isem ta’ Giovanni
Curmi: Ħajtu u Ħidmietu.
Peress li Giovanni Curmi kien jipparteċipa
regolarment f’konkorsi letterarji Taljani, kien rebaħ għadd imdaqqas minnhom,
apparti numru ta’ okkażjonijiet fejn xogħlijietu ġew imsemmijin b’ġieħ.
Fl-1960, f’Pisa, rebaħ l-ewwel premju fil-4ͦ
Concorso Nazionale di Poesia e Narrativa għat-taqsima tan-Narrattiva
bis-saħħa ta’ rakkont qasir. Medalja tad-deheb oħra rebaħha fl-1968 fil-Premio Nazionale di Poesia ‘Spiga d’Oro’.
Fl-1962 il-Gvern Taljan onorah bil-Medaglia
Culturale d’Argento bħala rikonoxximent fl-oqsma tal-kultura u l-ilsien
Taljan.
Giovanni Curmi miet fl-Isptar San Luqa fl-4 ta’
Ġunju, 1973. Miegħu kien hemm il-ħabib, kollega u konfessur tiegħu, il-Prof.
Andrew Vella, O.P. Il-merti tiegħu bħala kittieb u edukatur ġew rikonoxxuti
wara mewtu meta fl-1975 issemmiet triq għalih f’Ħal Lija, u fl-1987 issemmiet
wara ismu skola fl-Imsida, “The Giovanni Curmi Higher Secondary School”. Giovanni
Curmi huwa midfun fil-“Metropoli Chapel” fl-Addolorata.
Il-“Kollezzjoni
Giovanni Curmi”:
Fl-1994 ittellgħet wirja tax-xogħlijiet ta’
Giovanni Curmi f’Għawdex bħala parti mill-proġett Wirjiet Awturi Maltin. Kien proprju f’dan iż-żmien (l-1 ta’ Lulju)
meta fl-aħħar bintu Ileana ddeċidiet li tibda torganizza x-xogħlijiet ta’
missierha – għaliha wirt speċjali. Dan kien proċess li dam tliet snin. Hija
kklassifikat u kitbet inventarju tal-kotba, perjodiċi, partijiet minn gazzetti,
ittri, noti u kitbiet oħrajn ta’ missierha. U dan minkejja li min-natura tiegħu
Giovanni Curmi kien bniedem ordinat u organizzat ħafna. Din kellha tkun “The
Giovanni Curmi Collection”. Ileana
kellha diġà idea ta’ x’kien hemm ladarba snin qabel kienet ġiet mitluba tikteb
sensiela ta’ artikli dwar missierha għall-perjodiku “Civilization”. Biex tikklassifika x-xogħol kollu ta’
missierha Ileana ddeċidiet li torganizza l-kollezzjoni minn perspettiva
tematika. Iddeċidiet li taqsam il-materjal kollu fi 12-il taqsima ta’ daqs
egwali u li setgħu jidħlu f’kaxxi li setgħu jiġu ttrasportati bla tbatija lejn
il-Biblijoteka tal-Università ladarba l-parti l-kbira tar-riċerka sseħħ
hemmhekk. Qassmet ukoll il-materjal skond jekk kienx miktub minn missierha jew
dwaru. L-idea kienet li tagħmel ix-xogħol kemm jista’ jkun faċli għal min ried
jirriċerka dwar Giovanni Curmi.
L-inventarju huwa maqsum fi tliet partijiet,
jilħaq kważi 300 paġna u jinkludi bejn wieħed u ieħor 3000 oġġett, fosthom
rumanzi, rakkonti qosra, poeżiji, ittri, ritratti (bintu Ileana tgħid li
Giovanni Curmi kien abbli ħafna fil-fotografija), diplomi, apprezzamenti ta’
natura kritika u letterarja, perjodiċi, siltiet minn gazzetti, reċensjonijiet,
kontribuzzjonijiet ta’ Giovanni Curmi lill-gazzetti u rivisti lokali u
barranin, manuskritti, kotba tal-iskola, xogħlijiet mhux ippubblikati ta’
Curmi, kitbiet reviżjonati, diskorsi pubbliċi, katalgi ta’ wirjiet u programmi
ta’ serati letterarji, kitbiet għar-radju, kuntratti ma’ pubblikaturi,
traduzzjonijiet għall-Malti, premjijiet mirbuħa f’konkorsi letterarji Taljani,
noti għall-istudenti, materjal marbut ma’ karriera u promozzjonijiet, materjal
marbut mal-ħajja privata ta’ Curmi u ħafna iktar.
Konklużjoni:
Kienu bosta dawk il-kittieba Maltin li esprimew
tiġribhom bl-ilsien ta’ Dante Alighieri. Dan jintrabat mal-fatt li l-kultura
Taljana, flimkien mal-ilsien Taljan, kienu għadhom ewlenija fil-gżejjer Maltin
sa qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Għandi f’moħħi kittieba u poeti bħal Arturo
Mercieca, Vincenzo Maria Pellegrini, u l-istess poeta nazzjonali, Dun Karm
Psaila, li sa qabel l-1912 kien għadu jikteb biss versi bit-Taljan. Bosta
kittieba bħal dawn – apparti Dun Karm – għad jeħtieġ li jsibu riċerkaturi serji
biex xogħlijiethom joħorġu għad-dawl u jingħataw il-ġieħ li ħaqqhom. Bosta,
bħal Giovanni Curmi stess, taw l-enerġija kollha tagħhom lil din l-imħabba
tagħhom bla ma qatt ġew rikompensati b’mod xieraq min-naħa tan-nazzjon Malti.
Il-kitbiet tagħhom jibqgħu parti importanti mill-wirt kulturali ta’ pajjiżna,
anki jekk miktubin b’ilsien differenti mill-Malti.
Kitbiet
ikkonsultati:
CURMI, Ileana, Giovanni Curmi Poeta 1900-1973, “VERSI”, Id-Disa’ Sena, 1994 (1).
CURMI, Ileana, Giovanni Curmi, educator and writer, “The Sunday Times”, June 6,
1993, p. 30.
CURMI, Ileana, Preparing the Giovanni Curmi Collection for University Library,
“The Sunday Times”, April 6, 1997, pp. 44-45.
CURMI, Ileana, Portrait Giovanni Curmi, “Civilization – An encyclopedia on Maltese
Civilization, History and Contemporary Arts”, No. 4, pp. 109-112.
Giovanni
Curmi (1900-1973), f’“Wirjiet Awturi Maltin”, Ministeru tal-Edukazzjoni,
Ġunju 1993.
“Pagine Libere – Portavoce dei letterati e degli
artisti liberi”, Anno II. N 1, Gennaio-Marzo 1955.
“The Malta Cultural Institute Bulletin”, No. 114,
May-June, 1963.
“The
Times”, Friday, November 25, 2005.
Ħajr: Lis-Sinjorina Ileana Curmi
li pprovdietli l-materjal kollu biex stajt nikteb dan l-istudju qasir u li
b’tant paċenzja u dedikazzjoni qagħdet tirrakkontali tifkiriet u tiġrib f’rabta
ma’ missierha Giovanni Curmi.
Lis-Sur Alfred Massa, President tal-Għaqda Poeti
Maltin, li għaddieli l-kopja tar-rivista VERSI
fejn hemm materjal dwar Giovanni Curmi.
Poeżiji
ta’ Giovanni Curmi:
ILEANA, BUON
COMPLEANNO!!!
Tutto passa:
passa il vento,
e le nubi,
ogni momento.
Passan gli anni,
e gli affanni,
e la gioia,
e la noia.
Tutto passa,
tutto va:
non l’amore
di papà.
(12 taSettembru
1963, poeżija miktuba għal għeluq snin bintu Ileana. Minn VERSI, 1994 (1) )
OTTIMIŻMU
Ħdejn dik id-dalma ta’ l-uġigħ dewwiem
u ta’ l-iżmna bla tmiem, u ta’ l-ispazji
kbar u wesgħin, miżgħuda kollha kwiekeb
tiegħek it-tbissima ħafifa nqiegħed,
o tfajla sbejħa mingħajr ħsieb u nkwiet.
Xinhu li ma jaqbilx? Le, mhux tbissimtek:
imma l-wesgħat, iż-żminijiet, l-uġigħ,
għaliex, għad li bla sens, dik it-tbissima
li tgħaddi hekk malajr w hi hekk sabiħa,
timla bil-ferħ waqt wieħed illi joħloq
dinja aktar mingħajr tmiem iż-żminijiet,
ikbar mill-istess wisa’ tal-ħolqien,
u jxejjen kull uġigħ li nħossu f’qalbna
kif riefnu jxejjen torri kbir tar-ramel.
(minn IRMIED, traduzzjoni ta’ Ġużè Chetcuti,
1961)
NEL
GIARDINO DI MIO PADRE
Albero antico, dopo tanto tempo,
nel giardino paterno ti rivedo
e della dolce infanzia mi rammento.
Me vecchio han fatto della vita l’ansie,
e il problema e i misteri dell’esistere:
tu sei lo stesso ancora, come quando
sotto le tue ombre giocavo io bambino.
Tu con le piogge scherzi e con i venti
perpetuamente, e ti rafforzi al sole,
beato di tua splendida ignoranza,
di tua divina indifferenza al tutto.
E neppur sai che le tue verdi frondi
dalle radici succhiano la vita,
e che le foglie, che ti strappa il vento,
fan da concime al suolo che ti nutre.
(mill-ġabra
Quante cose di te, Milan, 1962)
IL-KATAPULTA
Għandu d-Destin f’idejh
katapulta tassew stramba:
biha biex igħaddi ż-żmien jithenna
jwaddab ġie fejn ġie t-twelid tan-nies.
Min, kif jitwieled, jaqa’ f’post
w eroj isir,
min jaqa’ x’imkien ieħor
u jsir raġel ħażin.
Lil wieħed infaħħruh
u l-ieħor immaqdruh
bla ħajr u ħeġġa,
għax fil-kburija tagħna u fl-injoranza
ma rridux nifhmu
li m’aħniex ħlief pupi
li jġebbed id-Destin kif jogħġbu w kif irid.
(minn IRMIED, traduzzjoni ta’ Ġużè Chetcuti,
1961)