Din huwa d-diskors li qrajt waqt il-Lejla Letterarja ddedikata lil Ġuże' Chetcuti mtellgħa mill-Akkademja tal-Malti u mill-Għaqda Poeti Maltin fir-Razett tal-Markiz fil-Mosta nhar il-Ġimgħa, l-1 ta' Awwissu fis-6.30 p.m.
Ħajr lil Daniel Bezzina għar-ritratt.
Niftaħ bi kliem David Biespiel li
ftit tal-jiem ilu (21 ta’ Lulju 2014) ipprova jwieġeb il-mistoqsija “Does
poetry matter?”, f’artiklu li deher fis-sit nytimes.com, bl-isem ta’ “Poems
Hold the Mysteries of the Present, Dreams of the Future”: “poems [...] help us
understand ourselves as a culture”, u iktar ’l isfel, “poetry connects us to our past, and poets
unmask both private and civic memories, dreams, and urgencies. By harmonizing
the body with the mind, serving both young and old, poetry is a guide to
deliver us into a fresh engagement
with our inner lives and with modernity.”
Bħala wieħed li ilu jaqra kemm
id-dar kif ukoll fil-klassi l-Poeżija Maltija, inkluża dik tal-ewwel nofs
tas-seklu 20, għal bosta snin, spiss flimkien mal-istudenti tiegħi nifhem li
minkejja li għadda ż-żmien minn mindu għadd ta’ poeżiji nkitbu, hemm messaġġ
jew leħen fihom li jakkwista dejjem iktar saħħa saħansitra fil-preżent, meta
d-dinja tagħna, inklużi l-Gżejjer Maltin, għaddejja minn tibdiliet kbar. Dan
huwa wkoll il-każ tal-versi ta’ Ġużè
Chetcuti li fihom hemm bħal leħen li jiġbdilna l-ħin kollu l-attenzjoni biex ma
ninsewx l-imgħoddi tagħna u ma nwarrbux dak li ġarrbu missirijietna.
Li għamilt hawn huwa li qbadt
ftit poeżiji ta’ Ġużè
Chetcuti mill-ktieb IL-POEŻIJI MIĠBURA
1930-2000 (2000) u slitt direttament minnhom biex nagħti eżempji ta’ dan
il-leħen widdiebi mill-passat. Versi
li jolqtu huma dawn meħuda mill-poeżija Nofs
il-Lejl, li kienet tifforma parti mill-ġabra poetika Inżul u Tlajja’ tal-1964. Hawn Chetcuti jikteb:
“Nofs il-lejl:
Sant Anġlu u San Mikiel, bla ħoss u ħajja,
Reqdin fil-fond, u
għalxejn qamar imċajpar
Qed jiddi w jitfa’ dawl ħafif,
Jidhru mitlufa f’raqda
Li minnha ma jqumux.” (Poeżiji
Miġbura, p. 76)
Lili tolqotni ħafna l-kelma “raqda” li hawn tirreferi għall-fatt li żmien
it-taqbid u l-glorja tal-imgħoddi għadda darba għal dejjem. Imma llum tista’
tirreferi wkoll għar-“raqda” li fiha jinsabu xi wħud minnha f’rabta mal-istorja
ta’ pajjiżna u mal-għarfien tal-identità tagħna bħala poplu.
Imma diġà mis-sena 1945 u qabel dan il-leħen “fakkari” u widdiebi kien
preżenti fil-versi ta’ Chetcuti. Hekk f’Villa
Rumana (li tifforma parti mill-ġabra Poeżiji
tal-1945) huwa jikteb:
“Għadek sabiħa, għadek l-għanja ssamma’
Fuq il-ġwienaħ tas-snin, l-għanja ħemdija
Taż-żmien...
Ismagħha rieġa’ min ġuf il-warrani
Qawwija dik il-ġrajja...”
L-ewwel strofa hija stedina lill-qarrej biex ma jinsiex dan leħen
l-imgħoddi. Imbagħad, lejn l-aħħar, Chetcuti jikteb:
“...nies, nies u nies madwari,
Toroq mimlija ħlejjaq,
Tmasħir u qerq, kulħadd b’għira qawwija,
Iġsma bla ruħ; dan li
qed nara dwari.” (PM, p. 119)
Chetcuti jwiddibna li min jinsa l-imgħoddi, bil-ġrajjiet ta’ dmija u
glorja, hu “ġisem bla ruħ”. Biex imbagħad ikompli,
“Hekk int, Villa sabiħa,
Tixgħel id-dawl taż-żmenijiet
ewliena,
U treġġa’ f’Malta l-jiem ta’ l-isbaħ ġrajja.”
Hawn id-dawl iġib miegħu l-għarfien tal-istorja ta’ art twelidna, kontra
d-dlam tat-tnessija u l-apatija.
Mill-istess ġabra – Poeżiji, 1945
– naqraw il-kwartina Dmirek:
“Dmirek li tħobb lil Malta, art
twelidek,
Minnha twaħħdet ir-ruħ li
tħaddnet miegħek,
Imma kif tista’ tħobbha meta Lsienha
Int ċħadt u bdilt ma’ lsien li mhuwiex tiegħek?” (PM,
p. 121)
Anki hawn għandna versi li nkitbu fl-ewwel nofs tas-seklu 20 imma s-sens u
l-importanza tagħhom jakkwista iktar saħħa llum, u dan mhux biss f’rabta
mal-kwistjoni tal-Ilsien Malti.
Fl-istess ġabra naqraw il-poeżija Lil
Malta li silta minnha tgħid hekk:
“Fittixt fil-qalb ta’ l-iżmna:
rajt mġarrfa
Il-monumenti, il-wirt ta’ ġrajjiet kbar,
Smajt iċanfarni l-leħen ta’
l-imgħoddi
B’qawwa qalila: mill-ħażin għall-agħar.”
Fil-preżent b’xorti tajba m’aħniex neqsin minn monumenti u bosta bini ta’
importanza storika ġie jew qed jiġi restawrat u miftuħ għall-pubbliku biex
igawdih. Jien però
nistaqsi jekk din hix biss kożmetika? Jekk dan sarx biss għat-turisti jew jekk
hux verament qed jgħin lilna l-Maltin, speċjalment lill-ġenerazzjonijiet
iż-żgħar, jagħrfu dak li verament huma: poplu żgħir iva, imma b’imgħoddi
mill-ikbar li ta’ min niftaħru bih? Forsi l-pjanta hija ċkejkna, bonsaj, imma
l-għeruq huma fondi u ġrajjietna bħala poplu jmorru lura sekli twal fiż-żmien. U
dan kollu għandu jfakkarna biex ma nintremewx quddiem il-barrani saħansitra
fil-preżent. Jintrema biss min m’għandux konjizzjoni jew għarfien tal-istorja u
ta’ wirt art twelidu.
Ġabra poetika li għaliha jibqa’ msemmi Ġużè Chetcuti hija Melita
Invicta tal-1945. Kif jikteb il-poeta stess f’rabta ma’ din il-ġabra,
il-poeżiji f’Melita Invicta “huma
dokument tal-aħħar gwerra li jfakkar
lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna fiż-żmien l-aktar demmi u ikrah fl-istorja
ta’ pajjiżna.” (PM, p. 27)
Fil-poeżija Malta G.C. Chetcuti
jfakkarna f’“Id-demm ta’ wliedek! It-tiġrif ta’ djarek!/ Il-ħerba, il-qerda,
l-mewt, il-ġuħ, il-biża’”, u jispiċċa hekk:
“Il-ġieħ li ksibt jibqa’ jgħix dejjem miegħek,
Ma jmutx mas-snin bla ħajr, bla kliem, bla ħoss:
Ismek minn ġidd għal ġidd jibqa’ jintiret,
Malta rebbieħa, l-Gżira tal-George Cross.”
(PM, p. 188)
Fil-versi ta’ Chetcuti hemm pont, mela kuntatt bejn hu li qed jikteb
fl-imgħoddi u l-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. Illum hawn min irid jeqred
it-tifkira tal-George Cross minħabba r-rabta mal-idea ta’ Malta maħkuma
mill-Ingliżi. Illum il-GC għandu jfakkar fit-tbatijiet li għaddew minnhom u
l-qlubija, is-saħħa u d-determinazzjoni li wrew niesna daqs 70 sena ilu! Mela
l-GC m’għandux ikun għelm ta’ mistħija jew umiljazzjoni.
Wieħed mis-sunetti miktubin minn Chetcuti matul il-gwerra hu Lill-Qalbenin: hawn naqraw dwar l-eroj
li taw ħajjithom għax “Lemħu ’l bogħod id-dija/
tas-sliem u tal-ħelsien tħeġġeġ b’kull ħlewwa.” (PM, p. 208) Dawn huma d-dija, is-sliem u l-ħelsien li qed ingawdu
aħna llum f’dan pajjiżna ċkejken, elementi li għandna ngħożżu ladarba l-gwerra
mhix limitata għall-imgħoddi u lanqas mhi fantasija, imma realtà kontemporanja u qribna sewwa.
Poeżija oħra li nkitbet matul il-gwerra hi Għamja; inkitbet fl-1942 waqt attakk mill-ajru. L-omm u t-tfalja
bintha għamja jitolbu waqt dan il-mument ikrah mistkenna fix-xelter. Twemmin u
rebħa fuq l-għadu jimxu id f’id. Chetcuti stess jikteb: “Patrijottiżmu u
Reliġjon huma l-ingredjenti ewlenin tal-poeżija li nkitbet tul medda ta’
l-ewwel erbgħin sena” tas-seklu 20. (PM,
p. 26) It-twemmin jagħti s-saħħa lil dak li jkun u jwassal għar-rebħa u l-glorja:
“Telliefa u msawta, bil-Mewt tiġri wrajhom,/ L-għedewwa dlonk ħarbu mill-art
ta’ San Pawl.” (PM, p. 229) U dan
biex fl-aħħar Chetcuti jerġa’ jilmaħ “tfal jaqbżu u jilagħbu,/ ... hienja,
b’uċuħ daħkanin!” (PM, p. 229) L-hena
u l-uċuħ daħkanin issibhom fost poplu li ma jwarrabx ġrajjiet l-imgħoddi ta’
art twelidu u ma jħaddanx it-tnessija. Din it-tnessija twassal biss għal
injoranza, dlam, arroganza, ingratitudni u forsi wkoll poplu maħkum
mill-barrani mill-ġdid, jew għallinqas nieqes mill-veru ħelsien f’pajjiżu
stess.
F’Qatt ma Ninsew (PM, p. 236) Chetcuti jerġa’
“Maltin, ma ninsewx dak id-demm
li xerridna,
id-demm illi writna mal-medda taż-żmien”
u
“Maltin, ma ninsewx kemm
ġarrabna tbatija,
ġuħ doqna, w mewt rajna mal-leħħa tan-nar,
għax ħrafa jisfaw il-ġrajjiet ta’ qlubija
li ngħidu ’l uliedna fil-ħemda tad-dar!”,
u jispiċċa hekk,
“Tqabadna sa rbaħna: ’mma nżommu fi
ħsiebna,
sabiex dik ir-rebħa tkun kbira ’l quddiem
irridu li ngħaddu ’l uliedna, lil ħbiebna
minn id għal id oħra, it-torċa tas-sliem.”
Fuq naħa għandna l-possibiltà ta’ ġrajjiet
li seħħew verament li jisfaw ħrafa; fuq l-oħra t-torċa (dawl mill-ġdid)
tas-sliem li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal ta’ warajha. Din hi l-għażla bejn
id-dlam/tnessija u l-dawl/fakra, l-apatija u t-tifkira ħajja tal-glorja
tal-imgħoddi, bis-sabiħ u l-ikrah li ġġib magħha.
Fil-ġabra Poeżiji Miġbura 1930-2000 hemm
ukoll taqsima jisimha POEŻIJI PATRIJOTTIĊI. Waħda minn dawn hija Swar Ħiemda (p. 375). Hawn naqraw dwar
il-wirt storiko-arkitettoniku bħala tifkira ħajja, saħansitra leħen ħaj, ta’
żminijiet glorjużi. Lis-swar Chetcuti jgħidilhom:
“Intom leħen għalina: ħalla
ħalla
Jgħaddi l-baħar tas-snin: tibqgħu tfakkruna
Fil-qalb ta’ min, sider ma’ sider tqabad
Mal-ġelledin li ġew biex jeqirduna.”
Poeżija oħra hija Amor Patriae (PM, p. 379), anki din bi twiddiba
għalina tal-preżent:
“Tinsiex l-imgħoddi, Malta. Fuq
sema blu,
Hemm miktub ir-rebħ li wettqu wliedek.
Tinsiex il-ħila li
wrew, it-tiġrib u t-tbatija
Li batew. Kienu huma li ħallewlna l-paċi
Li qed ingawdu llum.
Le, le, tinsiex, Malta maħbuba!”
Intenni, poplu li jagħraf u jibża’ għal ġrajjiet l-imgħoddi t’art twelidu
hu poplu b’saħħtu fil-preżent u anki fil-ġejjieni, anki jekk f’konfront ma’
pajjiżi ġara huwa poplu żgħir li jgħix fuq gżejjer daqs nitfa. Dawk ta’ Ġużè Chetcuti huma versi li leħenhom jibqa’ jidwi u
jirbaħ il-barriera taż-żmien u tat-tnessija. Huwa l-istess leħen li għandna
nisimgħu jiġbdilna l-attenzjoni tagħna kull meta nżuru s-siti storiko-naturali
fil-gżejjer tagħna. Huma siti li fihom il-Maltin għexu u ġarrbu esperjenzi
differenti, mela fihom hemm għelm li qed jiġi trasmess lilna fis-skiet, sinjali
li jgħinuna nifhmu dejjem iktar aħna min aħna bħala poplu u liema huma dawk
il-karatteristiċi li jidentifikawna bħala poplu kemm ta’ gżira insulari, imma
anki ta’ reġjun jew territorji ħafna ikbar minna, fosthom il-Mediterran,
l-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa. Dan jorbot ma’ kliem Chetcuti stess fin-NOTA
TAL-AWTUR għall-ktieb Poeżiji Miġbura
1930-2000 li jsostni li fil-versi tiegħu “nsibu wkoll aspetti oħra
tal-espressjoni tagħna nazzjonali, kulturali, edukattiva, reliġjuża.” (p. 25)
Lura għal kliem David Biespiel: il-poeżija bħala kuntatt mal-imgħoddi u anki bħala ingaġġ, ġbid ta’ attenzjoni, engagement.
Versi bħal dawk ta’ Ġużè
Chetcuti – bħal wara kollox versi ta’ bosta poeti Maltin oħra li kitbu
fl-istess kuntest soċjali u storiku tiegħu bħal Dun Karm Psaila, patri
Anastasju Cuschieri, patri Ġużè Delia,
Ninu Cremona, Nikol Biancardi u bosta oħrajn – jinsistu fuq ġrajjiet
l-imgħoddi, imma jfakkruna li m’għandniex ngħixu fl-imgħoddi, anzi għandna
ngħixu l-waqt preżenti (il-modernity ta’
Biespiel) konxji tas-saħħa li l-poplu
tagħna wera kull meta s-sitwazzjoni talbet hekk. Dawn ta’ Chetcuti huma
għalhekk versi li jfakkruna li hekk biss inkunu poplu mqajjem, mhux rieqed u
indifferenti, poplu li ma jarmix lilu nnifsu, poplu li ma jħalli lil ħadd, la
minn ta’ ġewwa u lanqas minn ta’ barra, jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru.
Patrick Sammut