1.
Ladarba Dar ir-Riħ u Meta Traxxax ix-Xita huma l-aktar żewġ rumanzi reċenti tiegħek.
Meta u minn fejn twieldu?
Mistoqsija ftit iebsa din li jifhmuni l-aktar
il-kittieba tar-rumanzi. Għax mhux għalkemm tiskopri minn fejn u kif jitnissel
rumanz. Drabi setgħet kienet silta
mużika klassika li kaxkritni magħha għal ċerta burdata li drajt ninterpreta bħala xenqa għall-kitba. Drajt ukoll li din l-imbuttatura mhix ser neħles minnha qabel ma nibda nikteb
xi ħaġa ġdida. Setgħet kienet ukoll xena li ħabbatt wiċċi magħha waqt il-ħajja
ta’ kuljum; għax il-kittieb isir sensittiv ġmielu u jidra u jitgħallem jaħtaf u
jisraq materjal għal kitba tiegħu. Niftakar, però, li fil-każ ta’ Ladarba Dar ir-Riħ inzertajt għaddejja
kmieni filgħodu minn quddiem il-knisja San Gejtanu tal-Ħamrun u irrealizzajt li
dik il-knisja qatt ma daħlet bħala sfond
għal xi rumanz tiegħi. U moħħi beda jredden.
Ir-rumanz Meta Traxxax ix-Xita aktarx ġie mbuttat mis-subkonxju ta’ tfuliti
fl-iskola tas-sorijiet ta’ St. Joseph, Tas-Sliema.
2.
Semmi żewġ jew tliet temi għal qalbek fin-narrattivi tiegħek?
Mingħajr dubju kemm ir-rumanzi u n-novelli li
ktibt huma bbażati fuq it-tema tal-imħabba. Xejn fid-dinja ma jieħu l-post
tal-imħabba sinċiera. Wara hemm it-tema tal-maħfra u din ftit iebsa biex
tittrattaha b’mod raġunevoli f’rumanz
għax biex taħfer jeħtieġ li tagħlaq għajnejk għar-raġuni u b’rieda soda
taħfer. Tema oħra li ssib fil-kitba
tiegħi hija s-sapport tal-ħbieb u l-familja.
3.
Min huma l-qarrejja tar-rumanzi ta’ Lina Brockdorff? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?
Aktarx li l-biċċa l-kbira huma nisa: dawn
iċempluli jew jiktbuli, għakemm dan ma jfissirx li l-irġiel ma jaqrawhomx.
Fl-istess ħin naf li l-irġiel iħobbu jisimgħu r-rumanzi tiegħi fuq xi radju u
wara jmorru jixtru r-rumanz biex iżommuh. Dan nafu għax il-biċċa l-kbira
mill-irġiel ikunu jixtiequ li niffirmalhom il-ktieb. Kelli sorpriża ftit ilu meta mort inkellem
tfajliet ta’ skola sekondarja li qed jistudjaw il-ktieb tan-novelli Il-Bieb Numru 11, għax dawn stqarrew li
ġa qraw xi rumanzi tiegħi wkoll.
4.
Ktieb ieħor reċenti tiegħek hu ġabra ta’ stejjer Minn Żmien l-Għerien. Għaliex titlu bħal dan?
B’dan it-titlu kelli f’rasi li nolqot żewġ
għasafar. Ibda biex aktarx li l-bniedem beda jirrakkonta ġrajjietu u stejjer sa
minn żmien il-qedem. Niftakru li fl-għerien ma tantx kellhom tindif u xogħol
ieħor li jeħdilna l-ħin tagħna llum. Mela nimmaġina li bdew l-istejjer l-irġiel
kaċċaturi li min jaf kemm kienu jirrakkuntaw u jesaġeraw wara li jiġu lura mill-kaċċa.
U żgur li ħadd minna ma jista’ jeskludi li f’dak iż-żmien bikri missirijietna
wkoll kienu vittmi tal-emozzjonijiet ta’ mħabba, mibegħda u għira li llum
mifnijin bihom aħna.
5. Ir-rumanz fuq naħa u r-rakkont qasir fuq l-oħra. Xi tgħid dwar dawn
iż-żewġ imħabbiet tiegħek?
Imħabbiet li aktarx twieldu u trabbew miegħi għax
missieri minn dejjem niftakru jirrakkonta l-istejjer. Saħansitra fix-xelters
fil-gwerra, waqt l-attakki (jekk jinzerta jkun magħna), erħilu jiġbor lin-nies
ta’ hemm isfel u wara talba qasira jibda jivvinta u jirrakkonta. Naturalment,
kien jagħmel dan biex forsi, b’xi mod
itaffilna ftit mid-dwejjaq tal-gwaj li minnu konna għaddejjin. Din l-imħabba għadha miegħi sal-lum.
6. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa rigward il-qari,
il-ktieb u l-letteratura.
B’xorti ħażina illum hawn bosta għedewwa tal-qari
billi ż-żgħażagħ għandhom għażla kbira ta’ kif iqattgħu l-ftit ħin liberu. Huma
jirraġunaw li jekk fi ftit minuti jistgħu jaraw film sħiħ, allura jkun telf ta’
ħin li jaqraw ir-rumanz tiegħu. Il-fatt huwa minnu, imma jekk ma jaqrawx qed
jitilfu miniera ta’ ġid fil-qasam tal-kitba u tal-filosofija tal-ħajja. Film
qatt ma jista’ jittratta dawn l-irqaqat. Bi ktieb f’idejk int tista’ terġa’
taqra passaġġ li għoġbok, forsi
timmarkah ukoll u hemm il-fatt favur il-qari li ktieb tista’ tieħdu
miegħek kullimkien u taqrah biss meta jkollok ħin u aptit. Mingħajr dubju, il-ktieb
huwa wieħed mill-aqwa teżori tal-ħajja.
No comments:
Post a Comment