Thursday, December 24, 2020

INTERVISTA MA' RICKY CARUANA DWAR IL-KTIEB TIEGĦU "RIŻONANZA. DAQQA T'GĦAJN LEJN L-INFINITÀ" (2020)

X’kienu l-istudji tiegħek? Liema huma l-aktar kotba u kittieba għal qalbek?

Jien mort skola primarja tal-Gvern, imbagħad Sekondarja. Kont ġibt xi 10 O Levels u mort Paulino Vassallo biex inkompli l-A levels. Wara l-ewwel sena qabżitli u tlaqt naħdem. Għalkemm ta’ 13-il sena kont ġa naħdem summer jobs ma’ sprayers, mechanics u simili. Jien m’iniex xi wieħed li qrajt ħafna kotba. Però m’għandix kotba favoriti u laqas kittieba. Fis-sens skont f´liema stadju ta’ ħajti nkun, ikun jagħmel sens dak il-ktieb jew dak l-awtur. Però ktieb li jibqa’ eternament jagħmel sens għalija huwa Tao Te Ching ta’ La Tzu u The Prophet ta’ Kahil Gibran. Nista’ nżid ukoll lill-astronumu Carl Sagan. 

Minn fejn ġejja din il-ġibda lejn ir-reliġjonijiet Orjentali? Tiftakar meta bdiet? 

Meta kelli tliet snin fl-1984, il-ġenituri tiegħi kkonvertew minn Kattoliċi għal Xhieda ta’ Jehovah. Minħabba dal-fatt kont niġi bullied ħafna u minn hemm nibet il-karratru investigattiv tiegħi lejn it-tagħlim. L-ewwel spark lejn l-orjent faqqa’ propju ta’ xi seba’ snin minn cartoons I CAVALLIERI DELLO ZODIACO għax peress li kienu jaffaxxinawni l-istilel kont narah propju minħabba hekk. Kien imbagħad  fiż-żgħożija tiegħi meta beda jkolli xi diskussjonijiet ma’ kuġinuwi li kien akbar minni ħames snin li bdejt nisma’ bl-ewwel kunċetti. Imbagħad kien laqqagħni ma’ ħabib tiegħu li kien espanda bil-ferm iktar il-konoxxenza tiegħi fuq it-taghim u filosofiji orjentali. Imbagħad minn hemm ’l hemm ma waqaftx infittex u niddiskuti fuq kollox, fosthom ukoll ma’ sieħbi l-għażiż Robert Bondin Carter li l-ħbiberija tiegħi miegħu nista’ ngħid kienet rigal mill-univers għalija personali. 

Il-kitba ta’ ktieb bħal dan tirrikjedi qari wiesa’ u anki vjaġġi mhux komuni lil hinn minn artna u anki mill-kultura Kristjano-Ewropea. Kemm hu veru dan? 

Jien fuqi nista’ nitkellem u ma nafx ħaddieħor xi bżonnijiet ikollu. Ħajti għextha bħal kull bniedem ieħor u qatt ma qbiżt l-Ewropa fis-safar tiegħi. Kotba kif ġa għedtlek ma tantx qrajt xi ħafna. Jien nemmen li l-consciousness ta’ bniedem ma hijiex limitata għal post jew ħin imma taqbeż il-konfini umani u allura sta għal kull individwu kemm ikun lest b’passjoni u rieda ħielsa li jirċievi din il- konoxxenza ġewwa fih. Dan hu suġġett kumpless ferm biex infiehmu fi ftit sentenzi. Kont imbierek li ltqajt ma’ nies li kellhom l-istess interessi bħal tiegħi f’oqsma ta’ għerf u taghlim, allura diskussjonijiet frekwenti fuq dawn is-suġġetti kont nixrobhom peress li għandi memorja fotografika.

Għaliex dan il-ktieb oriġinarjament ktibtu bl-Ingliż biex wara qlibtu wkoll għall-Malti bil-għajnuna ta’ Alfred Palma? X’taħseb dwar it-traduzzjoni Maltija?

 Ktibtu bl-Ingliż għax illum sar qisu lingwa komuni għal kulħadd. Apparti hekk, illum permezz ta’ dinja globalizzata l-internet jiftaħlek suq globali. Fil-fatt, il-ktieb wasal f’kull kontinent u dan bis-saħħa ta’ internet u l-midja soċjali. Alfred Palma nista’ nghid li kieku ma kienx hu, it-traduzzjoni ma saritx issa żgur. Jien u Alfred qatt ma ltqajna fiżikamnet ħlief xi darbtejn lura fl-2008 fuq biċċa xogħol ta’ awtur ieħor. Kien propju din is-sena li permezz tal-ktieb bl-Ingliż erġajna għamilna kuntatt. Meta Alfred qrah u qasam miegħi kif din it-tip ta’ filosofija hu jemmen fiha bis-sħiħ,  kont għedtlu li nixtieq naqilbu għall-Malti. Ġara li wara dal-perjodu jien għaddejt minn anzjetà li qabel qatt ma kont esperjenzajt. Biex tgħaxxaq kont qed nikteb il-ktieb il-ġdid tiegħi li ħriġt dil-ġimgħa, The Strings of Fate (2020). Lil Alfred spjegajtlu li moħħi ma jiflaħx iktar, imbagħad xi darba nerġa’ nkellmu... Kien sforz l-ispirtu nobbli u ġenwin tiegħu li beda jkellimni ta’ spiss u jqawwili qalbi biex nirkupra kemm jista’ jkun malajr. Konna anki ġieli nċemplu lil xulxin u bil-paċenzja jagħmilli kuraġġ biex nibqa’ nikteb u nħares ’il quddiem.  Ħin minnhom qalli, “Lestejtlek l-ewwel kapitlu”, u ħaġa inkredibbli fi tliet ġimgħat qalbu kollu. Meta saqsejtu x’għandi ntik qalli, “Tħabbilx rasek kompli ikkonċentra biex tirkupra ħa tkompli tikteb. L-aqwa li sar, Ricky, il-flus mhux importanti.” Meta smajtu jgħid hekk, bniedem ta’ dak il-kalibru fil-qasam letterarju  u ma jafnix minn Adam, hemmhekk apprezzajt il-vera kwalitajiet u valuri u morali li dal-bniedem iħaddan. F´ħajti ltqajt ma’ ħafna nies u nista’ ngħid li bħalu qatt ma sibt. Dan ma jafnix u fdani bi traduzzjoni li bagħathieli bla ma kont naf x’qed jiġri!

It-traduzzjoni ta’ Alfred apparti li għamel biċċa xogħol impekkabbli biex jittraduċi x-xjenza tal-ktieb, kulmeta nara ismu fil-faċċata tal-ktieb niftakar mhux fil-ktieb imma xi bniedem tajjeb u kbir hu Alfred Palma. Intenni, kieku ma kienx hu żgur ma sarx dis-sena. Għalhekk, minn hawn irrodd ħajr lil bniedem tant nobbli u kbir fl-ispirtu. 

Għaliex għażilt li ssemmieh Riżonanza? 

Riżonanza għax minn meta faqqa’ l-big bang sa issa, dak kollu li naraw u nesperjenzaw f’ħajjitna sakemm jibqa’ jeżisti dan l-univers ma huwa xejn għajr riżonanza ta’ dak il-famuż big bang jew il-mument li alla fetaħ għajnejh. L-univers jgħix u jaħdem propju għax jibqa’ bħal qisu eku ta’ riżonanza ta’ qablu u jibqa’ sejjer hekk għall-infinit. Meta nkunu wiċċ imb wiċċ dan nispjegah bil-ferm aħjar.

 Kif qed jintlaqa’ ktieb bħal dan hawn Malta, u lil hinn minn xtutna? 

B’sorpriża għalija, intlaqa’ verament tajjeb. Fil-fatt fl-2021 se terġa’ ssir reprint tal-edizzjoni bl-Ingliż. Kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna, il-feedback kien pratikament l-istess.

 Kif tintlaqa’ l-interpretazzjoni atomista tal-ħajja f’pajjiż fejn għal snin twal ħakem u għadu b’saħħtu sa ċertu punt it-twemmin Nisrani?

Mmmmm, iktar milli għax Nisrani, il-problema tkun iktar nuqqas ta’ tagħrif dwar x’inhu atomu. U kien għalhekk li ħadt ħsieb nispjega l-ħin kollu fuq l-atomu. Jekk bniedem ikollu naqra sfond xjentifiku ikun aħjar biex jaħfen mill-ewwel il-kuncett atomiku. Però, biex inkun onest, kulmin qrah fehmu bla problemi. Li hu żgur hu li kien ta’ serħan il-moħħ kbir għal ħafna nies li fehmu li fil-verità xejn u ħadd ma jispiċċa, imma jibqa’ jinkarna f’għamliet u ħlejjaq differenti.

 Kif inhu Ricky Caruana bħala persuna llum? Liema huma l-passatempi tiegħu? 

Ħeħe jiena? Mmmmm, kif jien? Bħal kulħadd ħabib. Daqqa nkun għaddej minn perjodi trankwilli u feliċi. Daqqa jkollu mumenti ta’ anzjetà u dwejjaq. Daqqa nkun fin-nofs u daqqa nkun f’sintonja ma’ kollox. Il-ħajja umana hi dik li hi, jiġifieri l-ħin kollu titrrażmuta ruħha skont il-karma tiegħek. Huwa propju għalhekk li kemm jista’ jkun trid tgħix ħajja tajba u onesta miegħek innifsek ħalli tevita ċikli koroh ta’ kawża u effett.

Il-passatempi tiegħi huma l-aktar in-natura. Għandi sitt German shepards u alsations, flimkien ma’ fkieren tal-art u tal-ilma, tiġieġ, sriedek, qtates, fniek, ħut... insomma kulma nara bħat-tfal jogħġobni. Inħobb ħafna siġar u fil-fatt jien u l-ikbar ħabib tiegħi Robert Bondin għandna paġna jisimha https://www.facebook.com/iamhundredsofyears  fejn sa issa naħseb ħawwilna qrib il-ħamest elef siġra hawn Malta.  Ma’ seħbi Robert niltaqa’ kważi kuljum, apparti nagħmlu xi xogħol flimkien, imbagħad nitilqu mixja fil-kampanja, jew ngħumu, jew dawra bil-karozza, jew xi ikla tajba... u ngħidu kelma fuq kollox. Apparti hekk, norganizza events tal-massa u nagħmel parties bħal “The Gatsby, Flower Mania”, u ħafna nights oħra ma’ Stephen Saydon u Alex Grech. Inħobb nagħmel ukoll monumenti u nsebbah xi żoni bħalma għamilt kif toħroġ mill-mina ta’ Ħal Kirkop. Dan li qed tara fir-ritratti huma proġetti li għamilna jien u Robert għaxar snin ilu. Insomma ħa nieqaf hawn fuq ħajti għax inkella ma nispiċċaw qatt. 

Naf li għadek kemm ippubblikajt it-tieni ktieb tiegħek, The Strings of Faith. Kif ivarja dan il-ktieb mill-ewwel wieħed? Hu ppjanat li taqilbu wkoll għall-Malti?

 Iva fil-fatt ġa kellimt lis-Sur Palma għat-traduzzjoni. Kif ivarja? Dan huwa iktar ktieb ta’ lezzjonijiet tal-ħajja u jgħin biex jiftaħlek għajnejk. Hu dwar kif bniedem jasal jikseb l-għerf u l-illuminazzjoni. 

Xi jmiss wara dawn? 

Wara dawn imissni l-itqal biċċa. Resonance u The Strings of Fate ħriġthom propju biex inwitti t-triq għat-tielet ktieb. Kien propju l-ktieb li se joħroġ wara dawn li kien oriġinarjament li nikteb. Imma qabel ma stajtx nibni l-pedament jekk  hhux b’Resonance ub’The Strings of Fate. Għaliex? Għax it-tielef ktieb tiegħi ħa jkun jismu The Book of Death. Immaġinak trid tikteb ktieb fuq minn xħin persuna tieħu l-aħħar nifs ’il quddiem... kif se nkun kredibbli? Allura dik hija l-ikbar biċċa xogħol li ġejja. Imma jekk l-univers u l-consciousness iridu, niktbu wkoll... awgurali :-)