Sunday, October 21, 2018

GĦERA – PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL GIOELE GALEA


1.       Għera hi l-iktar ġabra ta’ poeżiji reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv/spiritwali tiegħek fuq din id-dinja jew hemm ukoll elementi ġodda?

Twieldet mill-esperjenza, mill-mixja tiegħi bħala bniedem lejn il-qigħan. Jien inħossni dejjem nieżel bħalkieku fi spirall lejn iċ-ċentru tal-eżistenza tiegħi. Għalija kull tarġa li ninżel hi qagħda ġdida, hi kisba ta’ għarfien ġdid. Aktar ma ninżel ’l isfel, aktar insib Il-għaqda bejn dak li jien f’ġismi u dak li jien f’ruħi. Dan qed jagħtini li nsib metafori ġodda. Ta’ min jgħid li Għera hu ktieb ta’ poeżija għarwiena. Għalija hi għera tremenda, fis-sens li hi kemm ġmiel u kemm tbatija. Anki l-mużika interna għall-poeżija tiegħi nħossha mġedda issa. Hi mużika li titlob aktar skiet mis-semmiegħ.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek?

Tema ċentral fil-kitba kollha tiegħi hi l-imħabba; it-tiftix tagħha fl-istadji kollha tal-ħajja. Bi mħabba ma nifhimx sentimentaliżmu (dan ma jsibx wisa’ fi vrusi), imma nifhem dik li hi dispożizzjoni ta’ ftuħ u lqugħ tal-misteru tal-ieħor, sewwa jekk dan l-ieħor hu bniedem u sewwa jekk hu l-Assolut. Temi oħra marbutin mill-qrib ma’ din huma: il-ġmiel fil-qalba tal-esperjenza umana, is-sens (jekk hemm) u l-post tat-tbatija, u l-bniedem bħala misteru fih innifsu f’misteru akbar minnu.

3.      Min huma l-qarrejja ta’ Fra Gioele? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Il-qarrejja tal-poeżija tiegħi huma kollha qarrejja li jħobbu l-poeżija. Ġieli kelli qarrejja li jgħiduli li s-soltu ma jaqrawx poeżija. Imma dawn huma ftit.

Il-qarrejja tal-proża tiegħi mbagħad, ġejjin minn kull triq fil-ħajja. Letteralment minn kull triq, u minn kull livell ta’ edukazzjoni. Naf li nqrajt minn żgħażagħ ta’ 15-il sena, u minn anzjani ta’ 88 sena. U qrawni ħafna u ħafna oħrajn bejn dawn iż-żewġ etajiet. Naf dan mill-feedback li rċevejt; feedback pożittiv għall-aħħar li – nistqarr – issorprendieni ħafna, għax ġie minn nies li qatt ma kont iltqajt magħhom qabel.


4.      Ktieb ieħor reċenti tiegħek hu Tħabbat Xtaqtek, din id-darba miktub bi stil narrattiv u f’għamla ta’ djarju. X’hemm li jorbot il-poeżija u n-narrattiva tiegħek flimkien? X’hemm li jiddistingwihom, anki fil-fażi meta tkun qed tiktibhom?

Jekk il-poeżija tiegħi hija merżuq li jinfed b’intensità lil ruħi u jħallini muġugħ (fis-sensi kollha tal-kelma), in-narrattiva hija d-dawl li jinfirex fija ħanin u bil-kalma. Il-poeżija hi konċentrazzjoni; hi distillazzjoni; hi kważi kważi għasir ta’ qtar ta’ essenza. Fin-narrattiva, il-kordi jinħallu ftit; l-essenza tiflaħ titħallat ma’ ftit ilma; dak li jkolli xi ngħid, ngħidu fuq sfond usa’.

X’jiddistingwi fija dawn iż-żewġ modi ta’ kitba? Ma nafx ngħid sewwa, għax fiż-żewġ modi ninħakem minn intensità qawwija. Jien ma niktibx meta niddeċiedi li nikteb, imma meta l-kitba taħkimni hi. U dan anki fil-proża. M’iniex wieħed li niġri wara l-kitba. Hi l-kitba li donnha tiġri warajja. Meta ma tiġrix warajja, jien ma nfittixhiex.

5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Aqra. Aqra dak li li joffrilek orizzonti ġodda, dak li jieħdok fi spazji li qatt ma kont fihom qabel. Kun kritiku ta’ dak li taqra. Tgħarbel inti stess mill-qari li tkun qed tagħmel. Fittex l-umanità fil-kitba, u mill-kitba pprova inżel fil-fond fil-misteru tal-bniedem. Għożż it-traċċi tal-ġmiel li ssib ... u ssokta aqra!



No comments: