FUQ IX-XARABANK TAL-INTELLIĠENTI
Waqt in-noti aristokratiċi tal-lira
ħsiebi f’Dante
mill-ġdid jibni l-Infern
ifondih
ħa jiġbor fih
mustaċċuni u faqmija
b’nuċċalijiet qiegħ ta’ flixkun
xuxa griża bajdanija
tbissim falz u ċapċip imqanżaħ
tikmix jiddendel, jiddendel bil-mija
u l-poża id-jo-sin-kra-ti-ka
mhemmx lok għal boqqa arja friska.
Hemm hu
dirgħajh imsallba fuq żaqqu
ifinġi interess quddiem serbut kliem
jiżen aktar mill-ilma tqil
sieq fuq sieq jiżżerżaq bl-lajma
minn fuq il-magħqad
jogħrok nagħsu b’sebgħu kallu bejn waqt u ieħor,
twil,
ifarfar il-brija
jirranġa n-nuċċali jitniegħes fuq imnieħru
jivvibra riġlu x-xellugija b’rabja ta’ kelb
geddumu jserraħ fuq ponn il-leminija
iħokk il-leħja sa jinbarax
u jistrieħ wara li jerħi koċċ arja ħażina
u l-“għall-erwieħ” siekta, aħħarija.
Fuq kollox sħana toqtol
u l-bosta jitlewmu biex ma jinbelgħux minn titwibhom.
Ħa niġbdu r-ritratti
ħa nibqgħu niftakru meta faqqgħu
it-tikkitrakki
fil-jiem li ġejjin meta nittieklu mill-katarretti.
Waqt in-noti aristokratiċi tal-lira
ħsiebi f’Dante
mill-ġdid jibni l-Infern
ifondih
ħa jiġbor fih
burdell qħab intelliġenti
ħarsithom vleġġa, jirremettu l-kumplimenti.
PAWŻA
F’moħħi tqil briksa tas-siment
imħaffra minn ġewwa
jirbumbjaw l-ilħna ta’ Sponge Bob, Ricky Sprocket
il-twerżiq bla sugu t’I Carley, l-avventuri ta’ Dora
u l-bawxati nostalġiċi ta’ Pippi Calzelunghe.
Nistaqsi lili nnifsi f’liema stat wasalt
warrabt bla ma ridt l-aħbarijiet
tar-Rai u l-BBC, tal-iSky u l-NBC
u ġarrabt bla ma ridt il-bla bla
tal-One News u n-Net TV
Malta fix-xifer jew Malta ġenna tal-art?
X’aħna sbieħ min jaf jarana
minn dal-wied tad-daħq erfagħna
jiġri x’jiġri lkoll belhana
u mil-loppju qatt xebgħana
Pulċinella ieqaf magħna.
Nagħfas il-buttuna biex nirrifletti
mal-programmi tar-riċetti,
qliezet ta’ taħt u riċipetti
nieħu nifs daqt nirremetti
tal-patata u ċ-ċikkulata
viva Malta mmakulata!
Ħasel idu mill-ġdid Pilatu
poplu Malti ċippitatu...
Din il-qagħda nazzjonali
bis-servizzi professjonali
prostituti u rigali
qaddisin martri murtali
żomm imqajjem sal-finali
u nistaqsi lili nnifsi
liema huma l-iktar banali
il-kartuns stupidi tat-tielet millennju
l-ispettakli ultra medjokri tax-xarabank
jew it-tbissim falz tal-irjus ippopotami?
Minn dan kollu liema nippreferi
l-animazzjoni kkulurita
l-jum kollu tipnotizzani
jew l-aħbarijiet mil-lewn griż u iswed
kwotidjani
ta’ stejjer imdemmija,
t’umanità bla mistħija, wild l-ipokrisija?
X’aħna sbieħ min jaf jarana
minn dal-wied tad-daħq erfagħna
jiġri x’jiġri lkoll belhana
u mil-loppju qatt xebgħana
Pulċinella ieqaf magħna.
Nagħfas il-buttuna biex nirrifletti
mal-programmi tar-riċetti,
qliezet ta’ taħt u riċipetti
nieħu nifs daqt nirremetti
tal-patata u ċ-ċikkulata
viva Malta mmakulata!
Ħasel idu mill-ġdid Pilatu
poplu Malti ċippitatu...
Ninħakem għal waqtiet twal minn ħoss żarżira
jobroxli l-menti minn ġewwa
ninqata’ mill-arja mniġġsa madwari
minn ħuti lsiera tad-dnewwa
nistaqsi x’għamlna bis-sewwa!