Saturday, October 27, 2012

LEJLA TA’ POEŻIJA F’ĠIEĦ ANTON BUTTIGIEG



Membri tal-Kumitat tal-Għ.P.M. u oħrajn flimkien mal-familja Buttigieg


Parti mill-pubbliku li attenda għal-Lejla f'ġieħ Anton Buttigieg 

Nhar il-Ġimgħa, 26 ta’ Ottubru 2012, fis-7p.m., l-Għaqda Poeti Maltin, tellgħet Lejla ta’ Poeżija f’ġieħ il-“Poeta tan-Natura”, Anton Buttigieg. Din id-darba l-post magħżul kien ir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fil-Mosta (li llum hu wkoll Ċentru Kulturali Nazzjonali),  immexxi mill-Għaqda Filantropika Talent Mosti. Il-lejla tmexxiet mill-P.R.O. tal-Għ.P.M., Miriam Ellul. Id-diskors tal-ftuħ sar mill-President ta’ din l-għaqda, Charles Magro. Hu qal li hu xieraq li jitfakkar il-mitt anniversarju mill-mewt ta’ dan il-poeta li kien ukoll President ta’ Malta. Fakkar li Buttigieg kiteb bosta poeżiji dwar in-natura għax hemm kien isib is-serħan u l-armonija, filwaqt li kien jemmen li l-bniedem ftit għandu post fil-versi tiegħu ladarba dan hu sinonimu ta’ qirda. Wara nqraw bijografija ta’ Anton Buttigieg u studju kritiku dwar il-forom metriċi u prosodiċi mħaddma minn dan il-poeta matul is-snin. Il-membri tal-Għ.P.M. qraw għadd ta’ poeżiji kemm miktubin mill-istess Anton Buttigieg, kif ukoll poeżiji oriġinali - miktubin minn xi membri tal-Għ.P.M. u persuni preżenti - ispirati minn dan il-poeta romantiku. Għal din is-serata kienu preżenti t-tliet ulied ta’ Anton Buttigieg: Dr. John Buttigieg, is-Sinjura Rose Brincat u Dr. Emmanuel Buttigieg, magħruf ukoll bħala Manol. Dan tal-aħħar qara tliet poeżiji minn tiegħu ddedikati lil missieru, filwaqt li Dr. John Buttigieg irrakkonta xi aneddoti interessanti dwar meta kien jgħix ma’ missieru fil-Ħamrun. Għal darb’oħra l-intervalli mużikali tħallew f’idejn il-kantanta lirika Analise Sciriha li żewqet is-serata billi kantat għanjiet klassiċi b’ilsna differenti. Wara s-serata kien hemm bibita għal dawk li attendew.