Monday, May 07, 2012

INTERVISTA MA’ CHARLES MIFSUD dwar IL-BLATA TIEGĦI


 Hekk jikteb Charles Mifsud fil-Kelmtejn li bihom jiftaħ din il-ġabra poetika ġdida:

Il-blata tiegħi: Forsi xi ħadd jaħsel tiġih il-kurżità jistaqsi: Għaliex dan l-isem?... Imma fuq kollox fil-kuntest kollu u sħiħ ta’ dawn il-poeżiji li qiegħed nippreżenta, ngħid bla tlaqliq li l-vera Blata Tiegħi huma Ġesù u Marija, li dejjem kienu għalija għotja ta’ mħabba, kenn fit-tiġrib, għajnuna waqt kull ħtieġa u t-triq tas-salvazzjoni.”

Mill-Kelmtejn Qabel miktuba minn Alfred Massa:

“L-istil tal-versi mħaddma minn Charles Mifsud huma varji: anki jekk jidher ċar li l-aktar għal qalbu huwa dak tal-vers maħlul. Wara kollox dan jgħidu hu nnifsu fil-Kelmtejn tal-Awtur. B’danakollu, wieħed jinnota wkoll li l-poeta studja tajjeb il-prosodija u beda bl-insiġ tal-poeżija klassika tradizzjonali. Għalhekk, f’dawn il-versi tinħass ċerta mużikalità li toħroġ mit-tħaddim elaborat tal-kelma Maltija, kelma magħżula, addattata u flokha.”

      
      1.      Din mhix l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħek. X’ġie qabel u x’hemm ġdid f’Il-Blata Tiegħi?

L-ewwel kitba li ppubblikajt kienet proprju l-kanzunetta “Marija l-Maltija” fis-sena 1970, li kif jaf kulħadd kienet l-ewwel kanzunetta Maltija li pparteċipat fil-“Eurovision Song Contest” fl-1971. Minn hemm ’il quddiem bdejt inkun avviċinat minn diversi kompożituri biex nikteb il-lirika għall-mużika tagħhom. Fil-qasir, fis-sena 1975 kelli l-kanzunetta “Singing This Song” li kienet ukoll l-ewwel kanzunetta (Maltija) b'verżjoni Inżgliża fil-“Eurovision”. Sadanitant, bdejt niskopri li nista' wkoll nibda nikteb xi poeżija, kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Malti.  Fl-1973 bl-insistenza tal-għarusa (illum marti) bdejt nibgħat xi poeżiji fuq il-mezzi tax-xandir li ġew imxandra, u dawn komplew inkoraġġewni biex nissokta nikteb.  Ktibt għadd ġmielu ta' innijiet sagri li jitkantaw waqt funzjonijiet liturġiċi, l-aktar mill-kor “Notre Dame” tal-parroċċa ta' Ħaż-Żabbar, fejn ili membru attiv mill-1992.  Fis-sena 2001, ġejt mitlub nikteb Oratorju Marjan għall-okkażżjoni tal-ħamsin sena mill-inkoronazzjoni tal-Madonna tal-Grazzja, meqjuma fil-parroċċa Żabbarija, biċċa xogħol li kienet ta' suċċess.  Fis-sena 2010, mill-ġdid intlabt nikteb oratorju ieħor Marjan, “Omm Ħelwa u Ħanina”, din id-darba għall-okkażjoni taċ-ċentinarju mill-inkoronazzjoni tal-kwadru tal-Madonna tal-Ħerba, meqjum f'Birkirkara. Dan barra diversi kitbiet oħrajn, bħall-Eloġju lil Santa Liena, Mulej Ħniena u bċejjeċ oħra li kollha kienu mmużikati u esegwiti fil-pubbliku. 
Fis-sena 2003, tħajjart u ppublikajt l-ewwel ktieb tiegħi bl-isem “Tnejn Flimkien”  , li kien jinkludi sitta u disgħajn poeżija bil-Malti b'temi varji. L-aktar poeżija importanti, fil-fehma tiegħi, kienet il-poeżija epika “Ġrajjiet l-Assedju 1565” (x'aktarx l-unika poeżija epika fil-letteratura Maltija) b'disa' mija u tlieta u tmenin vers mifruxin fuq ħamsa u tletin faċċata tal-ktieb.  Fis-sena 2006, ħriġt it-tieni ktieb bl-isem “In-Nisġa tal-Għanja” li barra sittin poeżija Marjana, inkludejt fih ukoll il-versi tal-oratorju Żabbari.  Fis-sena 2007 kelli it-tielet pubblikazzjoni tiegħi bl-isem, “Mid-Djarju ta' Ġensna”  li f'forom poetiċi differenti jirrakonta l-ġrajjiet ewlenin li sawru l-istorja ta' Malta sa minn żmien il-Feniċi sal-1979.  Ir-raba' ktieb, “U Ġejt Terġa' Tħabbatli”  b'mija u sittin poeżija b'tema religjuża, ippubblikajtu fis-sena 2009, filwaqt li fis-sena 2011, ippreżentajt il-ktieb “Il-Blata Tiegħi” 
F'dan l-aħħar ktieb, nifhem li fih inkun qed nesprimi aktar il-bidla li nħoss meta niġi biex nimmedita u ngħarbel lili nnifsi fil-konverżjoni kontinwa li nittama li qed titwettaq internament. Dan narah fil-profondita li hemm moħbija bejn il-versi, kemm fit-talbiet kif ukoll fl-invokazzjonijiet tiegħi waqt li nkun qed nikteb. 

     2.      Kemm huma importanti l-metrika u l-prosodija tradizzjonali fi vrusek? Hemm ukoll elementi li jorbtuhom mal-poeżija moderna. Xi tgħid dwar dan il-kompromess?

Nifhem li ma jistax ikollok poeżija miktuba tajjeb jekk ma jkollokx metrika tajba. L-istess ħaġa nista' ngħid għall-importanza tal-prosodija, dawn iż-żewġ elementi flimkien huma dak li jagħtu sens ta' mużikalità lil-versi, biex il-poeżija tkun tista’ tinqara b'ritmu sħiħ u kontinwu, mingħajr daqqiet jew skossi li jtellfu ħafna mill-ħoss melodiku tal-kitba. Fil-kitba tal-poeżija, imqar jekk illum tbegħidna mill-karatteristika tradizzjonali u qed niktbu u nesprimu lilna nfusna bl-hekk imsejjaħ vers ħieles, hemm ċerti regoli li jridu jkunu miżmuma bir-reqqa, u ewlenin fost dawn hemm kemm ir-rima, ir-ritmu, kif ukoll it-tonalità tal-kelma, aktar u aktar tal-vers ħieles. 

     3.      Kif tiddeskrivi l-aktar dawn il-poeżiji tiegħek, reliġjużi jew spiritwali? X’differenza teżisti bejn dawn it-tnejn għalik?

Fl-opinjoni tiegħi, teżisti differenza bejn dak li hu religjuż u dak li hu spiritwali. Ir-reliġjożità hija l-att ta' qima u t-twettiq tad-dmirijiet u sa ċertu punt obbligi li kull nisrani veru għandu jaqdi u josserva. Min-naħa l-oħra, għalija l-ispiritwalità hija xi ħaġa aktar profona; kif nifhima jien, hija dik l-intimità jew rabta li wieħed iħoss waqt li qed jimmedita fil-profond dwar it-telqien tiegħu innifsu f'idejn Alla, meta l-bniedem qed jagħraf ix-xejn tiegħu quddiem il-kobor infinit ta' Alla. Ir-reliġjożità hija l-qoxra ta' barra, l-ispiritwalita teżisti fil-ġewwiewni, fil-qalb u fir-ruħ. 

     4.      Spiss il-versi tiegħek huma sempliċi, imma għandhom ukoll mill-profondità ta’ ċertu talb. Xi tgħid dwar dan?

Naqbel perfettament miegħek li l-versi tiegħi huma sempliċi fl-istruttra tal-kelma, għalkemm, għax inħobb l-ilsien Malti fl-oriġinalità tiegħu, ninqeda wkoll bi kliem li llum ftit li xejn għadu jintuża. Fil-fatt fil-kotba li ħriġt qabel dan, dejjem għamilt speċi ta' vokabolarju żgħir bit-tifsiriet tal-kelmiet użati. Imma meta wieħed jidħol fir-ruħ tal-poeżija jsib, li hemm wisq aktar x'togħmod bejn il-versi milli fil-qafas tal-poeżija nnifisha. Meta nkun qed nikteb dawn it-tipi ta' poeżija, inħossni miftum minn kollox u minn kulħadd u nħossni faċilment nista' nitkellem, b'mod reverenzjali, u nidħol f'konverżazjoni m'Alla. Dejjem bil-ħsieb ta' dak li nkun qed nikteb dwaru u mingħajr pretenzjonijiet, li jien ngħix bil-ġwienaħ, maqtugħ mill-art.  Dan jixduh xi poeżiji nfushom li huma miktubin fi speċi ta' djalogu bejni u bejnu. 

      5.      Kemm tħoss li versi bħal tiegħek għad għandhom is-siwi tagħhom fis-soċjetà tal-lum?

Dwar jekk il-versi tiegħi għandhomx siwi fis-soċjetà tal-lum, mingħajr xejn tlaqliq ngħid li iva, għandhom il-valur tagħhom. L-ewwelnett tajjeb nifhmu li għad hawn ħafna nies li japprezzaw din ix-xorta ta' kitba. Dan nista' nikkonfermah minn ħafna kummenti li għamluli diversi nies. Barra minn hekk, kelma li ma laqtitekx illum, tista' tkun nebbieta li tisponta aktar ’ilquddiem. It-tema reliġjuża li nikteb dwarha tniedi biss imħabba u paċi, sinċerità, u fedeltà, jekk dawn mhumiex ta' valur għas-soċjetà, allura ngħid li morna l-baħar u qegħdin negħrqu. 

     6.      Fejn u meta nkitbu l-poeżiji ta’ Il-Blata Tiegħi? Liema huma dawk il-ħwejjeġ, esperjenzi jew waqtiet li ispirawk?

L-għeruq tal-poeżiji ta’ Il-Blata Tiegħi xxenxlu fi tfuliti, meta l-ġenituri tiegħi sejsuli pedament fuq xhiex nibni l-ħajja tiegħi. Fiż-żgħożija tiegħi kien hemm ukoll waqtiet li ma kontx daqshekk ħabrieki biex nisma' u nwettaq dak li għallmuni, imma ladarba l-pedament kien sod u l-għeruq baqgħu ħajjin, ix-xitla baqgħet tagħmel il-frott. U proprju għalhekk li versi bħal dawn tiegħi għandhom siwi kbir għas-soċjetà tal-lum. L-ispirazzjoni tiegħi titnissel mill-aktar esperjenzi sempliċi tal-ħajja. Importanti wkoll il-qari tal-kelma sagra, għax ovvjament, ma tistax tagħti minn dak li m'għandekx. U hawn qed nirreferi kemm għall-poeżija nnfisha, kif ukoll għas-suġġett partikolari li qed nitkellmu dwaru. 

     7.      Apparti t-twemmin, hemm temi oħra li ispirawk f’din il-ġabra? Liema elementi jew temi ktibt dwarhom anki f’ġabriet poetiċi oħra?
 Minbarra t-tema tal-fidi, li hi t-tema ewlenija tal-ktieb, għal min irid jixtarr ftit, f'din il-ġabra hemm temi oħra li huma importanti ħafna fil-binja ta' soċjetà b'saħħita. L-imħabba, il-maħfra, it-tolleranza, ir-rispett, l-għarfien tal-kobor tal-persuna daqskemm id-dgħufija tal-istess persuna. Fuq kollox il-bżonn li nifhmu li l-bniedem jinħtieġ wieħed lil-ieħor, u li ma teżistix armata mingħajr Ġeneral. Ktibt ħafna poeżiji b'tema reliġjuża, imma ktibt ħafna poeżiji oħra b'temi differenti. F’Id-Djarju ta' Ġensna, ktibt dwar l-istorja tal-poplu u l-gżejjer Maltin; fil-ktieb Tnejn Flimkien hemm bosta temi differenti, problemi soċjali, in-natura, sentimentali, etċ.   

      8.      X’jagħmel Charles Mifsud meta ma jkunx qed jikteb jew jaqra l-poeżija?

Minbarra l-kitba u l-qari, inżomm ruħi attiv f'diversi oqsma oħra. Pereżempju, ili msieħeb fil-kor Notre Dame għal dawn l-aħħar dsatax-il sena, fejn insib l-opportunità li nikteb versi li jiġu mmużikati u esegwiti anke mill-istess kor. Minbarra ż-żewġ oratorji, ktibt Kantata għall-Milied u bosta innijiet  liturġiċi. Nieħu sehem f'żewġ programmi fil-ġimgħa fuq żewġ stazzjonijiet differenti tal-komunità. L-għaxqa tiegħi huma l-erba' neputijiet, wieħed minnhom ġdid fjamant. Inħobb nara t-televiżjoni, ġeneralment sports, kwiżes, u programmi ġeografiċi bħal dawk fuq id-“Discovery Channel”. Dan barra l-intietef l-oħra tal-ħajja. 

     9.      Kemm huwa apprezzat il-poeta f’pajjiżna? X’jista’ jsir biex il-poeżija u l-poeta jingħataw spinta ’l quddiem hawn Malta?

Sfortunatament, f'pajjiżna, kemm il-poeta u l-poeżija m'għandhom dak l-apprezzament mistħoqq.  Dan forsi għax il-poplu tagħna mhux daqshekk ħerqan biex jaqra, u t-tieni, il-maġġoranza ta' dawk li jaqraw iridu storja, x'aktarx emozzjonali, mingħajr ma jkollhom għalfejn iħabblu moħħom. Irrid ngħid ukoll li kultant ċerti poeżiji astratti jkunu tqal u ma jappellawx għal kulħadd. Jiena naħseb li meta wieħed jikteb, irid iżomm quddiem għajnejh mhux biss lil dawk li huma l-aktar intelletwali, imma l-firxa kollha ta' dawk li jistgħu japprezzaw il-kitbiet. Jekk lili ttini l-isbaħ ktieb bir-Russu, żgur li ngħidlek - Le grazzi, m'għandix x'nagħmbih! Biex il-poeżija tkun aktar apprezzata, jinħtieġ li nibdew mill-iskejjel primarji, nifirxu ż-żerriegħa minn kmieni biex dik li tinbet inkomplu nikkultivawha aktar ’il quddiem. Inħoss li fl-iskejjel il-letteratura ma tingħatax dik l-importanza jew spinta bħal suġġetti oħra. 

      10.   Xi tgħid dwar l-impenn tiegħek fi ħdan l-Għaqda Poeti Maltin?

Dwar l-impenn tiegħi fl-Għaqda Poeti Maltin ngħid li għalkemm m'ilix wisq fil-kumitat, inħoss li dħalt għal sfida, għax nemmen li dak li dħalt għalih irrid inwettqu bis-serjetà. Aċċetajt dan l-inkarigu għax inħobb il-kitba, l-aktar il-poeżija, u naħseb li l-għaqda hija l-aktar, biex ma ngħidx l-unika, mutur li baqa' jaħdem sabiex toktor l-imħabba lejn dan. 

      11.   Proġetti oħrajn għall-ġejjieni?

Dwar proġetti oħra fil-ġejjieni, sakemm nibqa' ngħix, issa jmiss sensiela ta' novelli, li nittama li nsib il-mezzi biex nippublikahom. Għandi ktieb ieħor tal-poeżija b'temi differenti lest ukoll, u għalkemm għandi aktar poeżiji miġmugħa, m'inix naħseb dwarhom għalissa, għax mewt u xita, Alla jaf meta!

Poeżiji ta’ Charles Mifsud – mill-ġabra IL-BLATA TIEGĦI, 2011

NARAK
Fid-dlam ta’ ruħi,
b’għajnejja miftuħa beraħ,
ma narakx,
ma narakx.

Imma meta ruħi
tkun mimlija bik,
imqar b’għajnejja magħluqa,
narak hemm,
narak hemm,
tindokrani.

ĦOBŻ IS-SEMA
Dik li kienet l-aħħar ikla ta’ Ġesù,
għall-bnedmin,
saret l-ikla ta’ kuljum.
Kull min jemmen f’għemil Kristu
awl il-lejl qabel miet,
kull filgħodu kif iqum,
għandu ikla mħejjija tistennih.
Ħobż tas-sema li jsostnih,
biex ikompli jimxi triqtu ’l hinn mill-frugħa,
biex jitbiegħed minn kull xkiel li jittradih.

Kull min jiekol minn dal-Ħobż li jhenni r-ruħ,
ma jaqbdux ġuħ.
Kull min jemmen f’dal-misteru, jitma fih,
min fis-sewwa jirċevih,
se jkun ħieles minn kull dnewwa
u se jiret f’isem Kristu... il-qawmien.


 (Patrick Sammut)