Monday, October 22, 2018

IR-RAĠEL STRAMB: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL SALV SAMMUT


1.           Ir-Raġel Stramb huwa l-iktar rumanz reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieled?

Iva! Dan huwa l-aħħar rumanz mitbugħ. B’danakollu ma jfissirx li huwa l-aħħar wieħed miktub. Fil-fatt hemm tliet rumanzi oħra jistennew għand il-pubblikatur. Inbeda jinkiteb fit-30 ta’ Jannar u ntemmet il-kitba tiegħu fit-2 ta’ April tas-sena 2015 u pubblikat minn Horizons fis-sena 2016. Ġie moqri  minn Manwel Cassar fuq Radju RTK.

Ġejt imnebbaħ niktbu wara li qrajt novella dwar raġel li kien iġib ruħu ħażin ħafna ma’ tliet nisa. Ovvjament, il-ġrajja tar-rumanz tiegħi hija totalment differenti u kompliet tissaħħaħ aktar ma l-karattri mmaturaw fil-ġrajja.

2.           Rumanz bħal dan għandu ċerta importanza fuq livell politiko-soċjali. Xi tgħid dwar dan?

Bħar-rumanzi ta’ qablu, it-tema ewlenija dejjem tkun dik soċjali.  Il-qofol ikun it-tiswira tal-karattri fid-diversità fil-psikoloġija tagħhom. Dan ir-rumanz jgħid it-trawma li għadda minnha l-karattru prinċipali għax kien altruwista u kif baqa’ mxiegħef meta ġie milgħub. Dan il-fatt wasslu biex jistkerrah lin-nisa kollha u jibża’ jkollu kuntatt magħhom speċjalment żgħażagħ u ħelwin. Minkejja dan, l-iffittar ta’ tfajla oħra jerġa’ jgħin biex fl-aħħar jinkiseb l-għan aħħari tagħha bl-aktar mod stramb imma fl-istess ħin altruwistiku.  Minkejja dan, l-element tar-relazzjoni tibqa’ dejjem waħda ta’ distanza. Fih ukoll hemm l-element tat-twemmin ideoloġiku kemm dak reliġjuż u kemm dak politiku u kif dawn jistgħu jgħixu flimkien jekk tabilħaqq jitwarrbu d-differenzi fl-egoiżmu tal-bniedem. Il-ħajja soċjali bit-taqlib tas-sistema totalitarja ma’ dik liberali f’pajjiżi ’l bogħod minn xulxin.

3.           Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek.

 Il-laqta romantika li tibqa’ dejjem valida għax tgħaqqad il-ħlejjaq flimkien u tnissel fihom mhux biss imħabba imma wkoll rabta dejjiema ’l bogħod mit-tfixkil tal-ħajja. Il-psikoloġija li l-bniedem huwa msawwar biha u li turi d-diversità fil-psike tiegħu. Inħobb ħafna l-ħolqien fis-sempliċità tiegħu u nħossni nieħu r-ruħ meta l-karattri tiegħi nitfagħhom f’dak l-ambjent mhux mittiefes mill-id qerrieda tal-bniedem. Imbagħad hemm l-awtentiċità. Jiġifieri li għalkemm il-ġrajja hija fittizzja mhijiex waħda li ma tistax isseħħ. Minbarra dan, hemm ir-riċerka jekk se nidħol f’xi aspett storiku. Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, l-ambjent soċjali li l-ġrajja tinbena fuqha għax kif nemmen jien - il-kittieb huwa l-ġurnalista ta’ żmienu.

4.           Min huma l-qarrejja tar-rumanzi ta’ Salv Sammut? X’tip ta’ feedback ikollok   mingħandhom?

Il-qarrejja tiegħi huma n-nies normali ta’ ebda pretensjoni flimkien ma’ dawk kollha li jagħrfu jevalwaw l-istil u l-mod tal-binja ta’ kif tiżvolġi l-istorja. Huma nies ta’ kull età u klassi fl-istrata soċjali kif ukoll oħrajn aktar intellettwali li mhumiex maħkuma mill-element tal-lagħqiżmu li nsibu madwarna fiċ-ċrieki letterarji. Huma qarrejja li jixtarru u jistħajlu lilhom infushom qed jgħixu l-ġrajja huma u jibqgħu jaħsbu fuqha. Ħlejjaq li kapaċi jifirħu meta l-karattri jkunu ferħana u jitnikktu meta l-karattri jinħakmu min-niket.

Ir-rumanzi, speċjalment l-aħħar tlieta qabel dan, intlaqgħu tajjeb ħafna mill-qarrejja. Jien inkun naf kemm min-nies li jkellmuni, mill-kummenti li nirċievi fuq il-midja soċjali u kemm mir-riċensjonijiet. Iżda l-ikbar sodisfazzjon ikun meta l-kitba tiegħi nippreżentaha lill-pubblikatur u dan, jilqagħha mill-ewwel u wara l-pubblikazzjoni jgħidli li kellu domanda għalihom u li spiċċaw il-kopji miċ-ċirkolazzjoni.

5.           Ir-rumanz fuq naħa u l-poeżija fuq l-oħra. Xi tgħid dwar dawn iż-żewġ imħabbiet tiegħek?

Fir-rumanz għandi fejn nimraħ aktar u niżvolġi kemm il-ġrajja u kemm il-karattri. Fil-bidu nħossni f’limbu, iżda, imbagħad nibda ngħix mal-karattri u narahom jiżviluppaw quddiemi u esperjenzi kemm personali li seħħewli u kemm oħrajn li nkun naf bihom jissawru fir-rumanz. Bħal trabi li tarahom jitwieldu, jikbru u jimmaturaw fi ħlejjaq adulti. Fir-rumanz, inħossni li nista’ nwassal messaġġ soċjali u l-fatt li jien żort bosta pajjiżi u rajt ambjenti differenti għamluni iżjed konxju tar-realtajiet tal-ħajja.

Fil-poeżija nħossni aktar ristrett iżda nistqarr li hija element wisq ogħla f’dik li hi arti, kultura, intellettwaliżmu u ta’ ispirazzjoni emozzjonali. Fil-poeżija nista’ fi struttura aktarx qasira nesprimi ruħi b’aktar intellett u livell aritistiku fejn il-ħsieb irid jintagħġen b’mod elevat minn dik tal-proża. Il-poeżija hija l-għanja moħbija tar-ruħ li toħroġ tiġri bħan-nixxiegħa tgelgel fil-widien. Fiha s-sbuħija tal-kelma mirquma u dixxiplinata imma fl-istess ħin espressiva tar-ruħ. Il-proża hija l-libsa sabiħa li tidher minn barra imma l-poeżija hija d-diwi tal-emozzjonijiet tal-ġewwieni.

6.           Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-qari huwa l-muftieħ li bih tiftaħ bieb ġdid ta’ għarfien mhux maħsub. Il-ktieb huwa l-ħabib sieket u leali li dejjem jista’ jibqa’ ħdejk jekk int tridu maġenbek. Miegħu tqatta’ l-ħin u għal ftit waqtiet tinsa t-tfixkil tad-dinja ta’ madwarek. Il-letteratura hija t-tiżjin tal-kultura miktuba u moqrija li ssebbaħ mhux biss il-karattru ta’ min jaqraha iżda wkoll lis-soċjetà fejn jgħix il-bniedem ċivilizzat. Soċjetà mingħajr letteratura hija soċjetà bla ruħ tiġġerra bla identità.

Il-messaġġ tiegħi liż-żgħazagħ huwa biex iħobbu l-qari, jibżgħu għall-ktieb u jgħożżu l-letteratura. Mingħajr dawn it-tlieta, il-bniedem huwa dak l-istess bniedem li ħareġ mill-għerien għarwien kemm fiżikament u kemm fl-għarfien individwali u intellettwali tiegħu.


No comments: