Sunday, October 21, 2018

L-EWWEL PREŻENZA: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL MICHAEL CINI


1.       L-Ewwel Preżenza hu l-iktar rumanz reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieled? Huwa il-prequel tar-rumanz Preżenza. X’hemm x’jorbot dawn iż-żewġ xogħlijiet u x’hemm ġdid fil-pubblikazzjoni l-ġdida?

Fis-sena 2010, fuq bosta ideat li konna ddiskutejna flimkien jien u ibni Nicolai, kont ktibt ir-rumanz Preżenza li ġie ppubblikat minn Horizons fl-2014, imbagħad fl-2017 bħala Best-seller. Ngħid il-verità kont ħallejt ftit bibien mftuħin għaliex tant kont ħadt pjaċir niktbu li xtaqt li xi darba nkomplih. Però, nistqarr li qatt ma kien għaddieli l-iċken ħajta ħsieb li tmien snin wara, kont se nikteb rumanz ieħor li jiġi qablu!

Hekk hu, għaliex L-Ewwel Preżenza huwa il-prequel ta’ Preżenza. Kienet sfida mhux tas-soltu. Fil-fatt dawn iż-żewġ rumanzi jingħaqdu permezz tal-ġrajjiet u l-karattri li minn żmien l-invażjoni tal-Franċiżi f’Malta, iwasslu lill-qarrej saż-żmien tal-lum.

Il-protagonist prinċipali tar-rakkont huwa Gabriele – żagħżugħ li ġie Malta bħala suldat mal-flotta Franċiża ta’ Napuljun u li ma jdumx wisq ma jixħet għajnejh fuq tfajla Maltija jisima Rożina – tfajla umli, sempliċi u bint ir-raba’. Imma bi ġmiel li jsaħħrek. Iżda minħabba l-isfreġju u s-sagrileġġi li kienu qegħdin iwettqu l-Franċiżi, speċjalment fil-knejjes għeżież tal-Maltin, in-nies tar-raħal fejn kienet toqgħod Rożina ma kellhomx pjaċir b’Gabriele. Għalhekk meta ġiethom ix-xoqqa f’moxtha, baqgħu baqgħu sakemm tajrulu rasu, ħbew ġismu u ħelsu minnu. Jew aħjar, hekk kienu ħasbu! Għax minħabba li ħajtu kienet intemmet ħabta u sabta b’delitt, mingħajr ma kien għadu laħaq gawda lill-maħbuba sbejħa tiegħu... ruħu ma setgħetx tistrieħ fil-paċi! Tant li l-ispirtu tiegħu baqa’ dejjem magħha biex, jipprovdilha, ifissidha, imma fuq kollox biex iħarisha!

Hawnhekk ta’ min jgħid li hemm bosta fatturi li jorbtu dawn iż-żewġ rumanzi flimkien, fosthom id-diversi protagonisti kkuluriti li ltqajna magħhom fi Preżenza fl-2014, u li issa se nsegwuhom jitwieldu, jitrabbew bħala tfal u żgħażagħ, jinnamraw, jiżżewġu u jiffurmaw il-familja tal-bużnanna Salvina u anki tan-nanna Marija. Barra minn hekk, se nimxu wkoll pass pass mal-ġrajjiet li sawru l-misteru marbut maċ-ċkejken Grabiel, dak it-tfajjel ta’ seba’ snin b’xagħru dehbi u nnukklat qisu proprju Bambin tax-xema’ li f’jum xitwi ta’ kesħa u maltemp, kien għeb ħesrem mid-dar t’ommu. Tant li bil-għali tiegħu, ruħha baqgħet qatt ma setgħet issib il-mistrieħ ta’ dejjem...


2.       Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek.

L-iskop prinċipali tiegħi meta bdejt nikteb ir-rumanzi kien proprju biex inħajjar aktar nies jaqraw bil-Malti. Għalhekk kull darba li niġi biex nikteb, dejjem nipprova nfittex temi differenti biex appuntu nolqot il-gosti ta’ qarrejja ġodda sabiex inħajjarhom jaqbdu ktieb bil-Malti.

Kien għalhekk li ktibt dwar il-ħares. Imbagħad fit-tieni rumanz tiegħi Ix-Xafra tad-Destin ktibt dwar l-Assedju l-Kbir. It-tielet rumanz Skjava fil-Ktajjen tal-Imħabba jirrakkonta storja ta’ mara li tinqabad fi żwieġ diffiċli, iżda li tibqa’ ssofri l-abbużi fis-silenzju biex bintha ma tbatix il-konsegwenzi. Filwaqt li r-raba’, Konvoj, huwa marbut mal-ġrajja tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Dawn huma kollha suġġetti differenti li jiena ċert li jinteressaw lil bosta qarrejja Maltin.

Madanakollu, nistqarr li l-aktar żewġ temi li nħobb nikteb dwarhom huma l-istorja ta’ Malta u l-paranormal. Naturalment, ma jistax jonqos li kull rumanz infittex li nżewqu bi storja ta’ mħabba għaliex nemmen li mingħajr l-imħabba, l-aqwa rumanz ukoll ma jkunx komplut! S’issa, il-paranormal żvolġejtu fit-tema tal-ħares fl-ewwel u l-ħames rumanz tiegħi. Mill-banda l-oħra l-aspett storiku żvolġejtu l-ewwel fir-rumanz Ix-Xafra tad-Destin: L-Imdina 1565 li jħares lejn l-Assedju l-Kbir mil-lenti tal-Imdina – perspettiva differenti ferm minn dik li jagħtu rumanzi oħrajn li dejjem jiffokaw fuq l-inħawi tal-Port il-Kbir. It-tieni rumanz storiku li ktibt, Konvoj: Il-Ġrajja li Naf Jiena Biss! jirrakkonta l-istorja ta’ tfajla Maltija li tirkeb bil-moħbi fuq it-tanker leġġendarju Ohio mal-maħbub tagħha bit-tama li jiġu Malta – jekk jirnexxilhom jaslu!

Hawnhekk ħadt l-opportunità biex flimkien mal-istorja ta’ mħabba ta’ bejn dawn iż-żewġ żgħażagħ, tajt rakkont vividu ta’ x’seħħ tassew matul il-vjaġġ qalbieni tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Fil-fatt ftit jafu li dan il-konvoj telaq mill-Iskozja; li kien jikkonsisti f’erbatax-il vapur merkantili u li minkejja li kien hemm mas-sittin bastiment tal-gwerra qegħdin jipproteġuh, irnexxielhom jaslu Malta biss ħamsa. Dan minħabba l-attakki ħorox li ltaqgħu magħhom mill-ajruplani, mis-sottomarini u E-boats tal-għadu f’rotta miżgħuda bil-mini taħt wiċċ il-baħar. Mhux ta’ b’xejn li l-Maltin baqgħu dejjem iqisu l-wasla ta’ dawn il-ħames vapuri merkantili bħala miraklu mill-Madonna.


Imbagħad f’L-Ewwel Preżenza nqdejt bl-isfond storiku tal-invażjoni ta’ Malta mill-Franċiżi.

3.       Min huma l-qarrejja tar-rumanzi tiegħek? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?
         
Il-qarrejja tiegħi huma nies ta’ kull età, appuntu għaliex s’issa ppruvajt nolqot lil ħafna nies. Preżenza nista’ ngħidlek li laqat lill-etajiet kważi kollha bis-sens ta’ umoriżmu li fih, flimkien mas-suġġett tal-ħares li jattira l-kurżità ta’ ħafna. U ninsab ċert li issa, anki L-Ewwel Preżenza se jerġa’ jattira firxa wiesgħa ta’ qarrejja.

Ix-Xafra tad-Destin u Konvoj x’aktarx li ma jappellawx għal tfal ta’ inqas minn għaxar snin, għalkemm tfal li tinteressahom l-istorja ta’ Malta x’aktarx li r-rakkont isegwuh ukoll. Mill-banda l-oħra, minħabba t-tema soċjali marbuta mal-problemi li jiffaċċjaw koppji adulti, Skjava fil-Ktajjen tal-Imħabba jappella iżjed għall-adolexxenti u għal qarrejja maturi.

Mill-feedback li nirċievi fuq facebook, ngħidlek biss li dawn il-kummenti jkebbsuli ħafna kuraġġ biex nibda naħseb għal rumanz ġdid. Speċjalment meta l-qarrejja jgħiduli li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa rumanz ieħor mingħandi. Dan lili jtini sodisfazzjon kbir u napprezzah immens!

4.       Kif ivarjaw Preżenza u L-Ewwel Preżenza minn rumanzi oħra tiegħek bħal Ix-Xafra tad-Destin u Konvoj?

Nistħajlek qed tistennieni ngħidlek li d-differenza bejn dawn ir-rumanzi hija t-tema storika. Fil-fatt mhuwiex hekk.

Ix-Xafra tad-Destin kont ktibtu f’għeluq l-450 sena mill-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Konvoj ktibtu f’għeluq il-75 anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Filwaqt li issa, L-Ewwel Preżenza ktibtu biex infakkar il-220 sena mill-invażjoni tal-Franċiżi f’Malta. Dan għaliex l-ewwel terz tal-ġrajja tiżvolġi waqt l-iżbark, l-invażjoni proprja u minn xiex għaddiet Malta f’dawk il-ftit ġimgħat minn Ġunju sa Settembru tal-1798 sakemm il-Maltin irvellaw u qamu kontra l-qawwiet Franċiżi. Aktar ’il quddiem, ir-rakkont jiżvolġi wkoll f’dak li għaddiet minnu Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Kif inħobb nagħmel is-soltu fir-rumanzi storiċi erġajt tajt rakkont sħiħ, imżewwaq bi storja ta’ mħabba, ta’ x’kien qiegħed iseħħ f’dak il-perjodu meta l-Franċiżi marru kontra l-wegħdiet li kienu għamlu, u x’kienu qegħdin iħossu l-Maltin. Però anki, minn xiex kienu qegħdin jibżgħu s-suldati ta’ Napuljun. Tant li l-protagonist prinċipali ta’ L-Ewwel Preżenza ikun wieħed minn dawn is-suldati li ħabta u sabta... jinbidel fil-ħares tal-ġrajja tar-rumanz.


5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-messaġġ prinċipali tiegħi huwa bla dubju ta’ xejn biex jibżgħu għal-lingwa tagħna. L-ilsien Malti huwa uniku u distint fost ilsna oħrajn minħabba l-mod ta’ kif issawwar u dejjem kompla jiżviluppa minn ilsna oħrajn biex jaddatta ruħu u jaqdina tajjeb matul iż-żmien.

Inħeġġiġhom biex jitkellmuh sewwa u fejn għandna kliem bil-Malti ma jiddejqux jużaw lilu. Ma jinqdewx b’lingwi oħrajn biex jiktbu dak li jkollhom bżonn, għax il-kitba bil-Malti kapaċi taqdina daqs kwalunkwe lingwa oħra u tinftiehem aħjar minna lkoll. Nisħaq ukoll dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jaqraw iżjed bil-Malti ħalli jitgħallmu jużawh tajjeb f’kull qasam li jkollhom bżonn. Ktieb huwa bir ta’ tagħlim u mezz ta’ rilassament.

Hawnhekk nixtieq nagħmel appell biex dawk li jitħajru jiktbu xogħol letterarju bil-Malti bħal novelli, poeżiji, rumanzi, eċċ, ma joqogħdux lura. Qegħdin nisimgħu b’ħafna kittieba ġodda u għalhekk, inħeġġiġhom biex dak li jiktbu ma jħalluhx fid-dlam tal-kexxun jew mitluf fil-labirint tal-kompjuter. Il-ħiliet u l-ideat tagħhom tajjeb li jesponuhom għaliex hawn ħafna talent li għadu moħbi. U l-letteratura Maltija għandha bżonnhom!
                                             
                                                       

No comments: