All’attacco! ta’ Patrick Sammut (Faraxa Publishing, 2012,
ISBN: 978-99957-0-335-6) huwa ktieb immirat għall-istudenti li qed jippreparaw
għall-eżami tat-Taljan tal-Matrikola. L-għan huwa li jimmaturaw lingwistikament
billi jaslu biex jifhmu u jiddekodifikaw it-test jew silta li tiġi ppreżentata
lilhom. All’attacco! Jinqasam f’20 taqsima differenti; kull taqsima
mbagħad tinqasam f’diversi partijiet: hemm is-silta introduttiva li tintrabat
ma’ suġġett partikulari, l-eżerċizzji grammatikali, dawk basiċi u dawk aktar
impenjativi, taqsimiet iddedikati għal-lessiku mela biex jgħinu lill-istudent
jibni u jsaħħaħ il-vokabularju tiegħu, taqsima oħra ddedikata lit-Taljan
idjomatiku, parti li tiddiskuti aspetti differenti tal-kultura Taljana
(ġografija, politika, ċinema, gastronomija, problemi soċjali, mużika,
letteratura) u dan anki permezz ta’
numru mdaqqas ta’ stampi marbutin mas-suġetti msemmija -, taħriġ il-fehem, u
fl-aħħar taqsima mmirata biex l-istudent jesprimi ruħu liberament dwar suġġetti
differenti.
Strutturalment All’attacco! huwa
organizzat b’tali mod li jqarreb lill-istudent tat-Taljan lejn il-karta
tal-eżami tas-SEC. Huwa wkoll stedina biex dak li jkun ikompli jarrikkixxi
l-għarfien tiegħu fis-suġġett permezz ta’ għajnuniet kemm minn kotba ta’
referenza partikolari, kif ukoll permezz ta’ siti internet.
All’attacco! huwa għodda siewja biex l-istudent tat-Taljan
jaffaċċja b’suċċess l-eżami tat-Taljan fil-livell Ordinarju, Intermedju, u
għaliex le, anki f’livell Avvanzat.
Tommy u s-sabiħ tal-qari u rakkonti oħra
għat-tfal ta’ Patrick
Sammut (Publikazzjoni Faraxa, 2012, ISBN: 978-99957-0-343-1),
b’illustrazzjonijiet bil-kulur ta’ Salvina Louise Aquilina jiġbor fih 20
rakkont għat-tfal ta’ età bejn
9 u 11-il sena. Ir-rakkonti huma miktubin b’Malti sempliċi imma bi stil fejn
jitħaddem ukoll u spiss il-Malti idjomatiku. Ir-rakkonti jispiraw ruħhom minn
esperjenzi li t-tfal tal-lum jgħaddu minnhom, mill-ħolm tagħhom, anki minn
programmi televiżivi jew cartoons partikolari. Bosta drabi niltaqgħu ma’
ħlejjaq mhux umani li jingħataw karatteristiċi umani, saħansitra l-kelma.
F’ċerti waqtiet il-qarrej ta’ Tommy u s-sabiħ tal-qari jista’ jidħaq
imma jista’ wkoll jibki. Dan huwa ktieb ideali li jista’ jingħata bħala rigal
għall-Milied.