1. Anton
Grasso. 40 sena ta’ Waħx... u Aktar hu omaġġ għal kittieb li llum għandu
wara spallejh karriera ta’ iktar minn 40 sena. Hu wieħed mill-ftit każi fejn
awtur prolifiku qed jingħata ġieħ waqt ħajtu stess u mhux wara. Kif tirreaġixxi
għal dan?
Ma nifhimx ir-raġuni għaliex bniedem li jagħti kontribut
siewi f’ħajtu għandu jingħata gieħ wara mewtu.
Huma diversi l-artisti li ngħataw ġieħ f’ħajjithom. Trofej, midalji, diplomi… saħansitra “Ġieħ ir-Repubblika”. Fl-Ingilterra ir-Reġina tagħti t-titlu ta’ Sir lil min tħoss li ta sehem li
jixraqlu. U fil- fehma tiegħi hekk
għandu jkun.
Kemm ili midħla tal-kotba, saħansitra qabel l-ewwel pubblikazzjoni tiegħi,
meta kont insib tieqa miftuħa, l-aktar fil-paġni letterarji li f’żgħożiti
kellhom numru konsiderevoli ta’ qarrejja, kien hemm xi kritiċi u kittieba li
ttimbrawni li xi darba nkun awtur.
Iż-żmien tahom raġun, aktar u aktar meta bdejt nippubblika l-kotba, li
jwaħħduni bis-sħiħ mal-ġeneru tal-makabru.
B’xorti ħażina, f’Malta, fil-fehma tiegħi, gieħ mhux dejjem jingħata lil
min veru jistħoqqlu. Ċerti nies li huma
midħla ta’ ċerti ċrieki għandhom setgħa
jimirħu u jilħqu mergħat li għal ħaddieħor huma magħluqa. Teżisti wkoll il- ‘kultura’ ta’ ħokkli dahri
u nħokk tiegħek. Nies li jidhru
kontinwament fil-midja mhux dejjem ikun ħaqqhom. Tul il-karriera tiegħi ħdimt bis-sħiħ u minn
qalbi fil-qasam tal-letteratura tal-biża’, għax barra li hu l-qasam favorit
tiegħi, nemmen li bħal friegħi oħra għandha tingħata il-post denju tagħha. Saħansitra, qabel ma sibt pubblikaturi
interessati f’xogħli, ippubblikajt l-ewwel għaxar kotba minn buti. Iżda qatt ma ngħatajt ebda gieħ, la minn
Gvern anqas minn ieħor. Il-ħajr
tal-qarrejja tiegħi u l-fehma tal-kritiċi huma l-uniku sodisfazzjon tiegħi.
2. Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek
fin-narrattiva tiegħek?
Fil-kotba tiegħi, li jimxu wkoll lilhinn mill-konfini tal-biża’, meta nittratta l-qasam
psikoloġiku, jinteressani l-aktar il-bniedem sensittiv u beżżiegħi, forsi għax
bla ma rrid inkun qed nitkellem u nikteb dwari nnifsi. Nammetti li f’xi wħud
mill-karattri tiegħi hemm jien f’aktar minn wieħed. Il-karattru xipli li qatt ma jrid ikun
eroj. In-narċisista li jeqred lilu
nnifsu. Il-barrani f’soċjeta` li ma
tridx taċċettah. Forsi minħabba
t-trobbija reliġjuża x’aktarx stretta żżejjed li kelli fi tfuliti. F’paġni sħaħ
tan-narrattiva tiegħi hemm qalbi u ruħi miftuħin beraħ għall-ġudizzju
tal-qarrej li jintebaħ.
Jinteressani wkoll il-bniedem emarġinat, dak li s-soċjeta` mhux dejjem jew
ma tiħux gost taċċettah b’wieħed minnha.
Il-bniedem li għax ma jaqbilx mal-kotra, għax dellu tqil, għax hu tant
dgħajjef li lanqas hu kapaċi jfendi għal rasu u jaqbeż għalih nnifsu, li
jintebah li l-kejl li hu mkejjel bih mhuwiex sinċier għalkemm ‘validu’ - iżda
għax hu nanu ħdejn ‘il-ġgant’ ma jista’ jagħmel xejn ħlief jaċċetta
s-sitwazzjoni. Forsi f’xi intervisti
jien stess nista’ nagħti l-impressjoni li jien ’il fuq mill-kotra meta fil-fatt
inħossni taħt il-livell tagħha. Forsi dan il-karattru bla ma naf jirrifletti
wkoll lili nnifsi.
3. Il-qarrejja tiegħek matul dawn l-aħħar 40
sena u iktar. Min huma? X’kuntatt u x’feedback
għandek min-naħa tagħhom?
Naħseb il-qarrejja tiegħi huma dawk
li verament jemmnu u jgħożżu t-twemmin tiegħi.
Fil-qarrejja tiegħi ma naħsibx li hemm it-triq tan-nofs. Ma naħsibx li hemm medjatur li jista’ jqarreb
lejn il-kitba tiegħi lil min mhux interessat fil-kitba tiegħi. In-numru ta’ qarrejja tiegħi ma naħsibx li hu
żgħir, iżda xorta jibqa’ limitat. Għax
waqt li kittieba oħra jiktbu dwar dak kollu li jaqa’ taħt għajnejhom, jien
nagħżilhom is-suġġetti tiegħi. Naħseb li
hawn nies li jistennew b’ħerqa l-kotba tiegħi u jixtru kull ktieb li noħroġ,
oħrajn li nikteb x’nikteb, sempliċiment għax tiegħi, ma jinteressahom
xejn. Naf għalliem li jgħallem mat-tifla
tiegħi li għandu xi 150 ktieb tiegħi, kollha ffirmati, meta jien ippubblikajt
52. Minn xi wħud għandu tlieta, erbgħa,
ħames kopji jew aktar. Il-raġuni: Ma nistax nara ktieb tiegħek x’imkien għax
irridu għandi. Ipatti għal dawk li
lanqas jekk tħallashom ma jaqraw ktieb wieħed tiegħi.
4. Dan il-ktieb jinkludi fih għażla ta’ 22
novella u 40 poeżija tiegħek. Huma kollha xogħlijiet li diġà dehru
f’pubblikazzjonijiet tiegħek tal-imgħoddi? X’wassal għall-għażla tagħhom u mhux
kitbiet oħra minn tiegħek?
Dan l-aħħar stqarrejt f’iktar minn intervista waħda r-raġuni li m’iniex
nippubblika xogħol ġdid, mhux għax m’għandnix mnejn nagħżel. Għandi mijiet ta’ stejjer barra xogħlijiet
oħra li qatt ma ġew ippubblikati. Bla
dubju li kieku kelli nagħżel nirranġahom żgur, stejjer li ktibt snin ilu, li
mhux dejjem kont nikteb għal qalbi, ġieli bi sforz, li nittama li meta jasal
iż-żmien tan-nixfa (li ħafna awturi jgħaddu minnu) indur għalihom. Iżda l-ħerqa għall-kitba bgħattietli u ili
żmien ma nikteb xi ħaġa ġdida. Għalkemm
il-ktieb xorta jibqa’ l-isbaħ xogħol artistiku, il-passjoni ta’ darba
ntfiet. Barraminhekk sirt iebes wisq
miegħi innifsi u ma niddejjaqx nirrevedi u nkisser xogħlijiet tiegħi, kif
fil-fatt għamilt. Naħseb l-aħjar xogħol
tiegħi ippubblikajtu.
5. In-novella hija l-forte tiegħek, imma tikteb ukoll il-poeżija. Xi tgħid dwar dan?
X’toffri l-poeżija li l-kitba tan-novella/rakkont ma toffrix?
Jien ktibt aktar minn elf novella, qasam favorit għax il-kitba qasira,
tibdieha u ttemmha bla ma teħodlok ħafna ħin.
Ħafna min-novelli tiegħi ktibthom fi ftit sigħat jew f’nofstanhar. Għalkemm għandi numru ta’ poeżiji, u xi wħud
verament għal qalbi, qatt ma qist lili nnifsi poeta. L-aktar poeżija li togħġobni hi dik tal-vers
tal-ħdax. Naħseb li l-poeżija hi l-aktar
ħaġa intima li tista’ taqsam mal-qarrejja - it-twemmin, aktar minn kollox, fik
innifsek u fil-fidi tiegħek. Forsi
l-aħjar versi joħorġu fin-niket. In-novella qatt ma tista’ tilħaq il-fond, il-profondita`,
l-intensita` tal-poeżija, li b’ħasra hi l-anqas ġeneru mfittex.
6. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni
żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?
Ħobb il-ktieb. Emmen fil-ktieb. Aqra
l-ktieb. Għożż il-ktieb. Hu l-akbar
ħabib li jista’ jkollok. Issibu dejjem, skont il-burdata li jkollok. Il-ktieb hu element qadim li dejjem jibqa’
ġdid, ma jmut qatt u dejjem jibqa’ jiġġedded. Ħadd, xejn ma jista’ jeqirdu. U
tgħallem għażel l-awturi tiegħek.
Il-letteratura hi l-għajn ta’ kull għarfien. Għixha.
No comments:
Post a Comment