Wednesday, October 06, 2010

Intervistat Anselm Sciberras - awtur ta' IL-BIBBJA TIEGĦI

1. Min hu Anselm Sciberras illum? Minn fejn ġiet il-ħajra għall-kitba?


Nittama li Anselm Sciberras illum hu l-istess wieħed li kien il-bieraħ. Jekk le nispera li għax tjieb u tgħallem aktar. Il-ħajja hi esperjenza kontinwa li f'kull sekonda tagħha toffrilek iċ-ċans li tikber, tiżviluppa, taħseb, u titgħallem. Għalhekk nittama li jekk jien differenti, dan għax xrobt xi ħaġa tajba. Dwar il-ħajra għall-kitba sinċerament ma nafx. Nafni dejjem irrid inħarbex xi ħaġa. Min jaf kemm ħarbixt kitba bla sugu, iżda basta qed ngħaqqad sentenzi. Naħseb li bdiet bħala logħob tat-tfal fejn f'idejja flok xi karozza kelli lapes u flok ġugarelli oħra kelli karta.


2. Fil-Kelmtejn Sergio Grech jikteb li “l-letteratura qiegħda hemm biex tiġġenera l-gost.” Kemm taqbel ma’ dan? Tiegħek huma wkoll kitbiet li jikxfu għal darb’oħra l-fatt li dik tal-bniedem hija dinja mgħobbija b’bosta nuqqasijiet. Fejn tidħol l-importanza tar-riflessjoni f’dan kollu?


Ma' dak li qal Sergio naqbel perfettament. Dak li jdejjaq u ma jagħtix gost jiġi mwarrab. In-nuqqasijiet akkumpanjaw lill-bniedem tul ġrajjietu kollha. Biss il-bniedem kiber u żviluppa għax irrifletta dwaru nnifsu, dwar in-nies qribu, u dwar id-dinja sħiħa. Wara kull att, hu x'inhu, għandu jkun hemm riflessjoni. Ir-riżultat tagħha jista' jinħareġ u jintwera b'diversi modi iżda nħoss li l-aqwa riflessjoni toħroġ mid-dinja artistika. Riflessjoni skjetta tista' ma timpressjonax u ma tħallix l-effett mixtieq. Riflessjoni mlibbsa l-libsa artistika tħallik taħseb dwarha u finalment twasslek biex taqbel jew ma taqbilx magħha. Jekk ma taqbilx eventwalment tinħoloq riflessjoni ġdida biex twieġeb il-għala u l-għaliex.... u hekk fl-aħħar mill-aħħar x'imkien u f'xi ħin se joħroġ riżultat pożittiv li jxejjen imqar nuqqas wieħed minn dinjietna.


3. Spiss inti tittratta d-differenza bejn dak li jidher u dak li hu fil-verità. Hi realtà attwali ħafna. Xi tgħid dwar dan?


Nirrepeti l-mistoqsija klassika: Il-verità x'inhi? Inwieġeb u ngħid 'Ma nafx!' Nemmen li r-realtà hi li kollox huwa verità u kollox huwa gidba. Il-faċċata li nuru hi realtà iżda fl-istess waqt gidba ta' dak fuq ġewwa, u dak fuq ġewwa hu realtà iżda gidba ta' dak li nuru fuq barra. Inħoss li fl-aħħar mill-aħħar kull individwu għandu l-verità tieghu. Il-verità individwali toħroġ mill-karattru, mill-mod kif jinħema l-ħsieb, mill-mod kif wieħed jaġixxi, u l-bqija. Qatt ma ħassejt, u nemmen li qatt mhu se nħoss, li hemm verità waħda għall-umanità sħiħa. Il-verità tinbena mill-individwi stess u jkollha fiha influwenzi tal-ambjent, tas-soċjetà, tal-emmna, tad-drawwiet, tal-istorja, tal-ġografija, u l-kumplament. Il-verità tiegħi għalhekk tista' tersaq tixbah lil dik tal-ġar iżda żgur li jien u hu għandna verità differenti. Liem waħda hi l-verità? Inti semmejt il-kliem ‘dak li jidher’ u ‘dak li hu fil-verità’. Din il-frażi tista' tiġi interpretata għal dak li jien insejjaħ il-faċċoliżmu... Il-faċċoliżmu żgur li mhux verità u nħoss li kull bniedem għandu l-element ta' faċċoliżmu jiġri f'demmu, ovvja fi gradi differenti, iżda ħadd mhu safi u meħlus minnu. Għalija din hi l-verità! U naħseb dan ftit jew wisq jirrifletti kemmxejn f'kitbieti.


4. X’għandha n-novella li m’għandux ir-rumanz?


L-ewwel li tinqara u twassal dak li trid tgħid aktar malajr. It-tieni ekonomija fil-kliem li għad-dinja tallum nara li jgħodd ħafna. It-tielet hemm aktar libertà fil-binja tagħha, u r-raba' favorita tiegħi għax inħossni aktar komdu biex inħarbixha.


5. F’IL-BIBBJA TIEGĦI għandek 35 novella ta’ tul medju bejn 3 u 6 paġni. Kemm sibtha ħafifa jew diffiċli biex tillimita r-rakkonti għal spazji daqshekk limitati?


Dawk in-novelli ktibthom fuq numru ta' snin. Kemm domt f'kull waħda ngħid li mhux ħafna. Kemm domt norqom fihom ngħid li ħafna aktar. Kieku kelli nerġa' norqomhom illum naħseb li nieħu aktar, għax wieħed bħal donnu dejjem ifittex aktar perfezzjoni. Kull rakkont fih punt li jrid jilħaq... ġeneralment fl-aħħar paragrafu jew sentenza jekk mhux fl-aħħar kelma. Dak il-punt inqisu l-ġisem waqt li kull kelma li twassal għalih huwa l-ilbies mill-ġlekk sal-flokk ta' taħt. Ġieli fuq il-ġlekk titfa' kowt u skarf u tħallihom, allura sa ma tasal għall-ġisem issib binja ta' ħwejjeġ minn fuq xiex tgħaddi. Ġieli iżda ttajjar il-ġlekk u l-ingravata u tibda mill-qmis biex tasal għall-ġisem. Ngħid li la ħafifa u lanqas diffiċli. Hi normali li tasal għall-punt mill-aħjar mogħdija u x-xogħol bħal jurik waħdu int u tikteb.


6. X’kien li ġagħlek tagħżel titli marbutin mal-isfond bibliku?


Xejn. Bosta min-novelli setgħu ħarġu taħt isem ieħor. Il-ktieb sħiħ seta' ħareġ taħt isem ieħor. L-ewwel ġabra li kont ippubblikajt kont semmejtha "L-Alfabet Tiegħi". L-idea li għalkemm novelli bi stejjer totalment differenti, ikun hemm bħal ħolqa li tgħaqqadhom kienet għoġbitni u hekk mort għall-Bibbja. Iżda fihom m'hemm xejn bibliku ħlief il-ftit mejkap li tajt lill-ġabra meta għaqqadtha fi ktieb. Biss nerġa' ngħid seta' kien "Il-frott tiegħi" jew "L-Ewropa tiegħi" jew ma nafx x'aktar. L-importanti il-punt/qofol/messaġġ tal-ġrajja u mhux l-isem li hu biss kappell fuq il-ġisem.


7. Anselm Sciberras huwa wkoll awtur ta’ pubblikazzjonijiet oħra. Liema huma u xi tgħid dwarhom? Kif qed jintlaqgħu mill-qarrejja?


Bħala pubblikazzjonijiet ħrigt biss ġabra oħra ta' novelli li semmejt qabel. Nittama li ntlaqgħu tajjeb jew almenu intogħġbu minn xi wħud. Fil-bidu tkellimna fuq il-gost. Qabel il-gost tal-qari jiġi l-gost tal-kitba u jekk ma teħux gost tiktibhom allura tkun qisek skrivan qed jimla biss formoli bla ħajja. Il-fatt li ħadt gost niktibhom għalija hu ħafna. Jekk qed ikunu ta' gost għal min jaqrahom jew jismagħhom, allura dak bonus. Xogħlijiet tiegħi li naf li ntlaqgħu tajjeb huma versi li ktibt għal diversi għaqdiet fil-forma ta' Innijiet u Kanzunetti u ħwejjeg simili. Dawk naf żgur li tawni gost u taw gost għax mas-sabiħ tal-kelma kien hemm miżżewġa s-sbuħija tal-mużika.


8. Żgur li kittieb tajjeb ma jridx biss ikun osservatur tajjeb imma anki bniedem li jaqra ħafna, inkluża l-letteratura dinjija. Kif tirreaġixxi għal dan?


Darba, il-Professur Oliver Friggieri kien eżaminatur f'konkors li kont ħadt sehem fih. Wara li tħabbar ir-riżultat, li kien tani ħafna sodisfazzjon meta jien kelli 16, u f'dan il-konkors kienu pparteċipaw nies bħal Kilin u oħrajn ferm stabbiliti, kont mort għandu biex jagħtini xi pariri dwar kitbieti. L-iqsar parir li kien tani, imma żgur l-aktar wieħed utli kien, "Aqra u aqra. Aqra kemm tiflaħ u aqra kollox." Il-qari jiftaħlek orizzonti li lanqas qatt tkun ħlomthom, l-imbiegħed iġibulek qrib, il-moħħ jitgħallem josserva aktar, jistaqsi aktar, jasal jifforma ħsieb aktar... u meta dan kollu jimla l-vini bilfors li jkun irid isib żbokk.... u hekk tiġri lejn it-tastiera tal-kompjuter u tibda tikteb u minn dak li tikteb tislet dak li tħoss bnin u twarrab dak li kien mhux irfinut.


9. L-azzjoni tan-novelli tiegħek frixtha kemm temporalment kif ukoll spazjalment. Ma bqajtx marbut biss mal-preżent u lanqas mal-ambjent prettament lokali. Kemm jgħin dan biex il-kitba tiegħek tilħaq il-livell universali?


L-azzjoni nbniet kif inbniet u daħlet f'liem lok jew perjodu li fih daħlet sempliċiment għax ħassejt li hekk kien neċessarju biex nasal għall-punt. Ma kelli f'moħħi ebda ħsieb ieħor. Dawwart il-wild bl-aktar benniena li ħassejt addattata biex seta' jiżviluppa fiha. Fil-bidu għedt li ma nemminx f'verità wahda, biss issa ngħid li nemmen f'umanità waħda. Jekk fin-novelli tiegħi hemm passaġġ li jista' jolqot Malti, persważ li jista' jolqot ukoll lil xi ħadd iehor x'imkien ieħor fuq dan il-globu għax fl-aħħar mill-aħħar ilkoll nixxemmxu taħt l-istess xemx u lkoll ngħidu ajma meta nweġġgħu. Żerriegħa waħda hi foresta sħiħa u foresta sħiħa hi żerriegħa waħda.


10. Kemm taqbel mal-fatt li llum aktar minn qabel jinħass il-bżonn li l-letteratura bil-Malti tinqara anki mill-barrani u b’hekk jeħtieġ li tibda tinqaleb iktar għall-ilsna barranin?


Li l-kitba Maltija tinqara minn popli oħra hi ħolma/ħaġa sabiħa, iżda qabel dik nemmen li l-ewwel għandha tinqara mill-Maltin. Meta l-Malti, mill-ogħla awtorità sal-iċken ċittadin, ikun kburi bil-fatti b'ilsienna u bil-letteratura tagħna bħalma huma l-Franċiżi b'tagħhom eżempju, imbagħad ħalli nixħtu r-riżorsi fuq it-traduzzjonijiet. Biss inħoss li għadna 'l bogħod għaliex għadna sal-lum inħallu lill-Malti jiġi insolentat bla ma forsi nintebħu - b'avviżi, b'servizzi, b'formoli, b'taħdidiet, bi żbalji ortografiċi ħoxna fejn m'għandhomx jidhru. Għalhekk ngħid li r-riżorsi għandhom imorru biex intellgħu lill-Malti u l-fergħat kollha ta' lsienna inkluża l-letteratura, fuq l-ogħla pedestall hawnhekk fuq gżiritna stess.


11. Fid-dawl tal-kwistjoni li għaddejja bħalissa dwar iċ-ċensura, skond int fejn għandha tinqata’ l-linja bejn il-vera arti u l-kitba rħisa u sensazzjonalistika? Taqbel li f’dawn il-każi qed isiru abbużi fejn jidħol il-kunċetta ta’ arti, anki f’isem il-profitti immedjati?


Ma tantx għandi xi ngħid dwar din. L-emmna tiegħi hi li kull tip ta' ċensura għandha titneħħa. Linja waħda hemm għalija - qerda totali taċ-ċensura. Barra li llum il-liġi taċ-ċensura, bħal liġijiet oħra, huma farsa fid-dinja tas-satelliti, internet, u dinja villaġġ, inħoss li kull individwu adult għandu jiddeċiedi hu x'jara, x'jaqra, x'jisma'. Moħħ ċar u f'postu mill-ewwel jagħraf dak li hu artistiku u dak li hu biss kummerċjali u bla valur.


12. Proġetti għall-ġejjieni?


Għada jisbaħ jum ġdid. Ma' ftuħ għajnejja jerġgħu ifiġġu l-istess ħsebijiet u xewqat ta' dawk il-ħwejjeġ li noħlom li nwettaq. X'nilħaq nagħmel minnhom il-Bambin biss jaf. Iż-żmien ħarba u aħna bla nifs niġru biex inlaħħqu xi ftit miegħu.


PATRICK SAMMUT

Monday, October 04, 2010

Critical comment on BEYOND-OLTRE-LILHINN - multilingual poetry collection by Patrick Sammut

A MULTILINGUAL RHAPSODY

Patrick Sammut: beyond, oltre, lil hinn : a collection of poems in several languages; publication – the author, 2009; 124 pp. €8

Patrick Sammut is the vice-president of the Maltese Poets Association (Għaqda Poeti Maltin) and a very prolific and worthy poet. As everybody knows, one of the Għaqda’s aims is to diffuse poetry in various languages, and thus make more and more contacts with foreign poets from different countries. Sammut has embodied this praiseworthy factor into the 124 pages of his latest book, with a fabulous display of poems in English, Italian, Romanian, French, Spanish, Portuguese, Greek, Dutch and Esperanto. A veritable feast not only for the poetry-lover’s eyes, but also for those who are interested in other languages.

Leafing through the book, I immediately went for (and greatly enjoyed) those poems I could understand and, typical of Sammut’s style, they are beautiful, mellow in tone and highly readable, in spite of the occasional shift from blue to deep purple, as the poet’s mood varies. Where I could not understand the language, the complementary comments to each section by various scholars, amply and clearly gave equal credit to Sammut’s poetic substance.

But, logically, I really went for the poems in English, in Italian and in French, poems I understood and thoroughly enjoyed. Among the English ones, Solid, A Son’s Lament and Reflections are truly impressive; Ricordo di Ravenna, Con Te Vicina and Figlio del Sole get top marks in the Italian section, whilst Quand tu laisses le temps derrière toi, Vains espoirs and Un toast à la paix are real gems in the French section. Indubitably, those who can read the other languages will have a greater treat. An innovation in this book are the autographed poems in the original Maltese, which will allow the reader to compare the translated version with the poem itself.

The cover of this book is a detail from Turner’s celebrated painting Lake of Zug: Early morning, 1843 (which features in miniature on the back flap). Nothing could fit better with the multi-coloured hues of the poems in the book and the varied moods of the poet himself. Indeed this is a poetry book with a difference; and not because of the poetic ramble through various languages. This is simply a book of very good poetry.

Alfred Palma

See also this link in Italian:

http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=/index.php&cmd=v&lev=136&id=10844

Pubblikazzjoni ġdida mill-pinna ta' Patrick Sammut

Ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ il-ktieb għat-tfal, AVVENTURA ŻGĦIRA F'TA' QALI U STEJJER OĦRA, ta' Patrick Sammut. Il-pubblikatur huwa l-MUT Publications, u l-ktieb huwa parti mis-sensiela Kotba Sagħtar. AVVENTURA ŻGĦIRA F'TA' QALI U STEJJER OĦRA (2010) jiġbor fih 19-il storja li huma mmirati għall-qarrejja ta' bejn wieħed u ieħor it-tmienja u l-ħdax-il sena. Fih 93 paġna, b'Kelmtejn Qabel ta' Charles Magro, Editur tal-Kotba Sagħtar. Huwa ktieb imżewwaq (inkluża l-qoxra) bid-disinni sbieħ u kkuluriti ta' Cliff Xuereb. Bosta stejjer jittrattaw esperjenzi li jgħaddu minnhom it-tfal, oħrajn iqiegħdu għadd ta' annimali bħala protagonisti, filwaqt li l-ispazji li fihom iseħħu l-azzjonijiet tal-istejjer jimirħu minn Malta, il-Mediterran, l-Orjent, u spazji oħra bħall-foresta jew il-ġungla, il-baħar, il-muntanja, iċ-ċirku, il-belt u l-iskola. Bosta stejjer għandhom mill-istil tal-ħrafa.
Parti żgħira minn dawn l-istejjer kienu diġa' dehru fir-rivista Sagħtar, imma l-bqija qed jidhru għall-ewwel darba. Huma kollha stejjer miktubin b'lingwa u stil mexxejja u li ma jtulux iktar minn tlieta jew erba' paġni u żgur għandhom jinżlu għasel mal-qarrejja żgħar.