Friday, November 07, 2014

TRIFOLJU TA' LWIEN - Ġabra poetika mill-pinna ta' Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit

Sa mill-bidu taċ-ċiviltà miktuba l-Poeżija ilha tidher bħala kategorija tal-ispirtu tal-bniedem. Il-Poeżija hi parti min-natura umana qabel ma hi sempliċi forma ta’ espressjoni tiegħu. Kemm bil-fomm u kemm bil-kitba dan il-ġeneru sar fenomenu ewlieni f’oqsma reliġjużi u kulturali ta’ kull xeħta. Il-kontenuti ftit jew wisq baqgħu l-istess; huma sewwasew dawk it-temi, mudelli arketipiċi li jitilgħu fil-wiċċ mill-qiegħ fejn jinħażnu minn ġenerazzjoni għal oħra, bħala maħżen tal-memorja kollettiva, biex jagħtu forma lill-inesprimibbli. Kull epoka għandha x-xejriet partikolari biex jitfisser bil-kelma poetika kulma hu kostanti, residenti għal dejjem fir-ruħ tal-bniedem. L-isfida tal-bniedem minn żmien għal ieħor hi, mela, li jsib mezzi differenti kif jisħaq bil-modi moderni tiegħu kulma hu ’l fuq mil-liġijiet tat-tibdil storiku.


     F’dan l-isfond tista’ tiftiehem is-sħubija bejn it-tliet poeti ta’ din il-ġabra, Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit, it-tlieta wlied tipiċi tal-kultura ta’ pajjiżhom, u t-tlieta interpreti  tar-realtà bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu l-ġdid. F’dan id-dawl jista’ jingħaraf il-karattru distintiv ta’ kull wieħed waqt li tidher ukoll ir-rabta sostanzjali li sseħibhom flimkien, fi trio li għandu minn kor daqskemm għandu minn solisti. 

(Mid-Daħla Kritika tal-Prof. Oliver Friggieri)

...MAQFUL FIL-ĦABS TA' ĠBINI... - bijografija tal-poeta Carmel Attard


·       Din hi l-ġrajja tal-poeta Carmel Attard li l-Letteratura Maltija għadha ma sabitlux in-niċċa li tixraqlu. Attard għadda ħajja mimlija tbatija mentali minħabba saħħtu, u minħabba stigma soċjali kiefra.

·       Din hi l-ġrajja ta’ bniedem-poeżija, ġwejjed u qalbieni, li ried jgħix hieni f’soċjetà li m’aċċettatux dejjem kif kien u fuq kollox ma ħallitux isib l-imħabba bl-għażliet intimi li ried jagħmel.

F’din il-bijografija, l-ħabib tiegħu Paul P. Borg jimxi miegħu sa mit-tfulija fil-bitħa tal-Mużew, u jikxef għall-ewwel darba l-umanità fid-dramm tal-ħajja f’Sant Anton, f’tifel ta’ tmien snin, fis-salott id-dar, fit-toroq tal-Qawra u ta’ Ħal Balzan, fl-isptar Monte Carmeli...

Paul P. Borg b'hekk juri kif sieħbu Carmel Attard, il-poeżija mhux kitibha, imma għexha b’intensità kbira .



Tuesday, November 04, 2014

MINN FOMM IL-KITTIEB - Vol. 1, Horizons, 2014.

Għadu kemm ħareġ ktieb ġdid ta’ Patrick Sammut, MINN FOMM IL-KITTIEB – L-EWWEL VOLUM – INTERVISTI MA’ GĦADD TA’ KITTIEBA U POETI MIX-XENA LOKALI, Pubblikazzjoni Horizons, 2014. 

F’dan l-ewwel volum il-qarrej jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ 52 kittieb u poeta Malti, parti kbira minnhom għadhom jiktbu fil-preżent. Kif bdew jiktbu? Fejn għexu fl-imgħoddi, x’jiftakru minn dan, x’ħalla l-ikbar marka fuqhom, u fejn jgħixu llum? Min huma dawk il-kittieba li qed jiktbu lil hinn minn xtutna? Liema huma l-ħwejjeġ li jispirawhom biex jiktbu? X’jagħmlu bħala xogħol u kif jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom? X’jaħsbu dwar kwistjonijiet kontemporanji partikolari? L-intervistatur fi djalogu informali mal-intervistat jikxef dan kollu. L-intervistatur wiċċ imb wiċċ ma’ kittieba stabbiliti u oħrajn inqas magħrufin, kittieba żgħażagħ, oħrajn li m’għadhomx magħna.


Il-kittieba u poeti intervistati f’dan l-ewwel volum huma: Pawlu Aquilina, Antion F. Attard, Joe M. Attard, Mario Attard, Emmanuel Attard Cassar, Joe Axiaq, Carmel Azzopardi, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Rena Balzan, Joe Bartolo, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Roderick Bovingdon, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Rev. Mons. Amante Buontempo, Amanda Busuttil, Stephen Cachia, Joe Camilleri, Peter A. Caruana, Charles Casha, Manuel Casha, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Ġużè Chetcuti, Fr Paul Chetcuti S.J., Fr Anthony Chircop O.F.M., Ġanninu Cremona, Ileana Curmi dwar missierha Giovanni Curmi, Tony C. Cutajar, Charles Dalli, Lou Drofenik, Godwin Ellul, Leanne Ellul, Noel Fabri, Anthony Farrugia, Stefano Farrugia, Victor Fenech, Charles Flores, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Francis Galea, Anton Grasso, Alfred Grech, Lino Grech, Raymond Grech, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima u Mario Griscti.

MINN FOMM IL-KITTIEB – L-EWWEL VOLUM – INTERVISTI MA’ GĦADD TA’ KITTIEBA U POETI MIX-XENA LOKALI għandu daħla mill-pinna ta’ Tarcisio Zarb u jinkludi fih ritratti ta’ għadd ta’ poeżiji miktubin bl-id minn numru ta’ kittieba intervistati. Jinbiegħ għall-prezz ta’ 13-il ewro mill-ħwienet tal-kotba lokali.