1.
Fittixni fl-Ilma Ġieri hi l-iktar ġabra riċenti ta’ poeżiji
tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma
kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv tiegħek fuq din id-dinja jew hemm ukoll
elementi ġodda?
Naħseb li
l-poeżiji tal-istess poeta b’xi mod huma dejjem kontinwazzjoni tal-vjaġġ
riflessiv tiegħu waqt li għaddej fil-ħajja għax il-poeta huwa minnu nnifsu
bniedem li jirrifletti b’mod profond fuq dak li qed jiġri lilu jew madwaru.
Iżda naħseb li staqsejtni hekk għax f’din l-aħħar ġabra, filwaqt li ma tonqosx
il-poeżija lirika, li jien magħruf għaliha, hemm iżjed elementi filosofiċi
mill-ġabriet ta’ qabel. Din il-ġabra ġdida, li hi s-seba’ ġabra poetika li
pubblikajt s’issa, tibqa’ għaddejja bl-ispontanjetà tal-emozzjoni u
fl-istess ħin tqanqal, tfittex u tipprova twieġeb ħsibijiet eżistenzjali li
jiġu lil kull individwu matur. Hawn, billi jien Nisrani konvint, inħares lejn
il-ħajja mill-punto di vista ta’
bniedem li jemmen. Mill-banda l-oħra dan mhuwiex xi ktieb mgħobbi bi ħsibijiet
reliġjużi għax jien nimraħ ħafna minn suġġett għal ieħor u nħossni ħieles li
nikkummenta, kultant b’linja filosofika fina, fuq il-ħajja li ngħixu lkoll kemm
aħna.
2.
Semmi
tnejn jew tliet temi għal qalbek fil-poeżija tiegħek.
Billi l-poeżija
hi miktuba biex tikkomunika nħoss li l-komunikazzjoni u l-imħabba
bil-komponenti varji tagħhom, huma fost l-ewwel temi li jiġuni f’rasi.
Is-solitudni hija n-naħa l-oħra tal-komunikazzjoni u nikteb fuqha wkoll,
l-aktar biex infakkar tifkiriet-ħelwa mnikkta tiegħi u riverenza lejn l-ambjent
u n-natura. Ma’ dawn inżid ix-xewqa għat-tiftix tal-ħwejjeġ li ma jgħaddux, u
allura tal-infinit. Meta nikteb fuq dawn il-ħwejjeġ normalment inlibbes
il-ħsieb b’xi metafori jekk mhux ukoll poeżija sħiħa tieħu forma ta’ metafora
waħda u hemmhekk ikolli metafora estiża (mifruxa) u l-qarrej jeħtieġ li
jintebaħ għal xiex inkun qiegħed nirreferi f’kull każ.
3.
Min huma
l-qarrejja ta’ Ġorġ Borg? X’tip ta’ feedback
ikollok mingħandhom?
Minn dak li
nisma’ u minn kif jgħiduli bil-fomm u bil-miktub xi qarrejja nfushom naħseb li
l-qarrejja/semmiegħa tiegħi jħobbu t-tip ta’ poeżiji qosra u ta’ xejra lirika
fejn wieħed jesprimi xi jkun iħoss u li, għad li jidhru sempliċi fil-wiċċ,
fihom ċerta profondità li jħallu l-bniedem jaħseb. Il-qarrejja/semmiegħa li jħobbu dan it-tip ta’
poeżiji aktarx li jassoċjaw xi emozzjonijiet li jiltaqgħu magħhom f’dawn il-poeżiji.
Għalhekk iħossu qrubija u affezzjoni mal-versi li jaqraw jew jisimgħu. F’dan
is-sens il-poeżija ma tibqax tiegħi iżda ssir tagħhom ukoll.
4.
Il-konċiżjoni
u l-mużikalità fil-versi tiegħek huma elementi ewlenin
u fuq livell tematiku tidher ċara l-metafora tal-ilma. Xi tgħid dwar dan?
Diġà aċċennajt
għall-konċiżjoni. Din mhijiex għażla tiegħi biex inħaffef, iżda pjuttost iżjed
diffiċli għax fi ftit versi trid tiġbor verità poetika
qawwija. Din, fil-fatt, semmejtha u elaborajt xi ftit fuqha fil-“Kelmtejn Qabel”
li għamilt għall-ktieb. Dwar il-mużikalità fil-versi ngħid biss li din saret parti integrali
mill-istil tiegħi. Il-versi donnhom joħorġu weħidhom idoqqu sabiħ fil-widna u
kollha naturalezza. Għaliex joħorġu hekk ma nafx u ma nistax nispjega għaliex.
Il-metafora
tal-ilma li semmejtli tidher saħansitra fit-titlu tal-ktieb stess, Fittixni fl-Ilma Ġieri, u fuq il-qoxra
ta’ wara tajt tifsira (mhux esklussiva) għal dak li rrid infisser bit-titlu.
Hawn l-istess ilma hu metafora għall-poeżija bnina li taqta’ l-għatx għal min
irid ifittixha u jsir iħobbha. Ħafna mit-titli tal-ġabriet preċedenti tiegħi
jsemmu direttament jew jagħtu ħjiel tal-ilma kif imfisser hawn.
Hemm tifsiriet
iżjed sottili tal-metafora tal-għatx għall-ilma u dawn wieħed jista’ jsibhom
ukoll f’dan il-ktieb meta jaqra poeżiji bħal “X’Fadallek?” u “Ilma”.
Ta’ min isemmi
li ċerti metafori li nuża jista’ jkun fihom iżjed minn tifsira waħda, xi drabi
iżjed minn tnejn ukoll.
5.
Messaġġ
qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u
l-letteratura.
Minkejja li llum
hawn ħafna biex wieħed jedha (bħal smartphones,
facebook, internet, li huma utli
tassew) il-qari ta’ kotba tajbin għandu jkollu post importanti f’dik li hi
edukazzjoni tal-moħħ u tal-qalb. Letteratura valida tista’ tiftaħlek orizzonti
kbar u tagħti pjaċir estetiku mill-isbaħ. Kun ħabib tal-ktieb Malti għax aħna
Maltin u m’għandniex inwarrbu dak li hu tagħna u li jagħtina identità bħala nazzjon,
bħalma huma l-lingwa u l-letteratura Maltija.
No comments:
Post a Comment