F’din l-era tad-deheb
fejn il-kotra paxxuta
baqa’ ftit minna li għandhom
Inħarsu barra t-tieqa
u nilmħu l-baħħ għaddej rasu baxxuta
jġorr it-toqol ta’ lwien il-luttu.
Mad-dawra jispuntaw
torrijiet bil-mijiet ta’ qisien differenti
ħallelin tal-mergħat ħodor u l-wesgħat koħol,
u ħdejhom, kompliċi, fergħat mekkaniċi
ta’ ġganti indifferenti
- allat u lsiera fl-istess waqt –
li qatt ma jixbgħu
jgħabbu briksa fuq briksa
u jqiegħdu planka ħdejn l-oħra
sakemm jintlaħqu s-smewwiet
u l-aħħar qatra demm jibdluha f’konkrit.
Iċapċpu bil-mijiet u bl-eluf għal dan is-seħer
li bidel il-ħamrija f’deheb misħut!
U intant
is-siġar baqgħu biss l-iħirsa tagħhom
u għal min għadu jisma’
l-eku ta’ leħinhom jgħajjat l-aħħar għajta ta’ wġigħ
qabel qatgħulhom rashom
f’olokawst ta’ progress u abbundanza.
Illum, allajbierek, xejn ma jonqosna!
Nifisna arrikkit mit-trabijiet u d-dħaħen
żaqqna paxxuta bl-ikel iffriżat u l-ilma bbottiljat
għajnejna, widnejna u moħħna aljenati
nsoffu d-diskorsi zokkor-ivvalenati tal-kbarat!
F’din l-era tad-deheb il-kotra paxxuta...
Għaliex ngħabbu ’l moħħna b’dak li ġej?
Illum illum u għada f’idejn uliedna...
Ħallihom igawdu l-iħirsa tal-wesgħat ħodor u koħol
fi spazji virtwali...
Ħallihom igawdu l-għoli u l-kobor tat-torrijiet!
Għalina l-ftit boloh li mhux kuntenti
ħallina nissawtu mill-iħirsa tal-imgħoddi
ħallina nibku tan-natura l-barkiet!