Wednesday, September 04, 2013

LEJLA TA’ POEZIJA MILL-GĦAQDA POETI MALTIN, FIR-RABAT, GĦAWDEX

Il-poeti, kantanti u mużiċisti li pparteċipaw waqt is-serata

Il-President tal-GħPM, Charles Magro
Nhar is-Sibt, 31 ta’ Awwissu, l-Għaqda Poeti Maltin tellgħet Lejla ta’ Poeżija u Mużika fil-Ministeru għal Għawdex, fir-Rabat. Is-serata kienet preseduta mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Anton Refalo. Waqt id-diskors tiegħu l-president tal-Għ.P.M., Charles Magro, qal ukoll li attendenza sabiħa bħal dik tagħmel kuraġġ lill-kumitat bies jerġgħu jittellgħu serati simili fil-ġżira ta’ Għawdex. L-attendenza kienet tajba ħafna u dan seħħ anki bis-saħħa tal-għajnuna  tal-kittieb, poeta u rappreżentant għal Għawdex tal-Għaqda Poeti Maltin, Charles Bezzina. Inqraw poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż, minn poeti ta’ ġenerazzjonijiet differenti, fosthom ta’ membri onorarji tal-Għ.P.M. bħall-Kelinu Vella Haber, il-Kan. Joe Mejlak, Ġanninu Cremona u l-mibki Marċell Mizzi. Ħadu sehem ukoll il-kantanti Josephine Marie Grima u Rosabel Pavia, il-kitarrist Joe Engerer, u l-flawtista, Charlene Portelli. Waqt is-serata ngħataw ukoll mill-president tal-GħPplakek ta' tifkira lill-Ministru, lil Charles Bezzina u lill-kantanti u mużicisti li pparteċipaw. Il-kittieb u poeta Għawdxi Charles Bezzina ta lill-Ministru għal Għawdex għadd ta’ kotba minn tiegħu bħala tifkira tal-okkażjoni. Mexxiet il-Lejla, Miriam Ellul. Wara kien hemm ukoll riċeviment żgħir.


Il-pubbliku li attenda għas-serata, inkluż l-Onor. Ministru għal Għawdex, Anton Refalo




                               

Lucilla Maclaren Spillane’s ANOTHER SEEING & OTHER POEMS

Matador PRINT AND EBOOK    www.troubador.co.uk


Lucilla Maclaren Spillane’s collection draws on personal experience. The sixty poems in Lucilla Maclaren Spillane’s collection are written with a keen eye for detail and draw on her wide range of experiences in several countries. Some of the poems deal with disabilities, including the author’s own epilepsy. “I hope that my poems will provoke thought on the broader implications of disability, on the way others respond to it, and the effect it can have on a person’s life and that of their relatives and friends,” says Lucilla. “In poetry we can put into words our most acute thoughts and feelings and can express them in a concise form. There are many people who sincerely believe they will never enjoy poetry and I hope that, in publishing this collection, I may be able to enlighten them and help them to recognize, appreciate and enjoy what I regard as true poetry””

Lucilla Maclaren Spillane was born in Oxford, England, of Scottish parentage and now lives in Malta and Ireland. Her poetry has been described as “simple, effective and sometimes extremely beautiful.” Her poem, “A Child in Freedom Square,” won first prize in the 2009 Petersham Festival Poetry Competition. Another Seeing is her first book of poetry.

Written in traditional form and with an ear for harmony, her poems are memorable and easy to read. They range from the deep understanding she shows in “Another Seeing” for the child and the blind man depicted on the cover of the book, through the beauty of “The Lake” in Wisconsin, “The Fountain” in Oxford and “Street Lamps” in Malta to the stark humanity of “The Beggar,” “The Widow” and “A Lonely New Year.” “Lift Off” re-creates the tension of a Space Shuttle launch; “Dragon” reveals the secret fears of a child with epilepsy; “No Time to Die” the redemption of an alcoholic; “Sunday Bells” the frustrations of the writing process; whilst “Haggis Night” vividly depicts the fabled Hogmanay Hunt for Haggis in the Highlands of Scotland.

The notes to the poems contained within this volume give added depth and interest to the poems, explaining how and where they were inspired and what it was that prompted her to write each of them. The afterword explores her influences, philosophy and beliefs with regard to poetry.

PUBLICATION DATE 1st Sept 2013                          ISBN 9781783060696 (9781783068982 ebook)
Price: £9.99/€11.49  

TROUBADOR, 9 Priory Business Park, Wistow Road, Kibworth, Leics. LE8 0RX, UK

The book can be bought from Amazon and leading bookstores and as an eBook on Kindle.

Queries to Dr M G Spillane email Another-Seeing@outlook.com Phone: 00-356-2784-2788  

PRE-PUBLICATION REVIEWS

Barry Spurr, Professor of Poetry and Poetics, The University of Sydney: ‘Lucilla Maclaren Spillane has a wide-ranging lyrical voice, expressing rare sensitivity to the natural world and its creatures and changing moods, and the perceptive human being's response to them. Her poems are well-crafted and often arresting. Another Seeing will have wide appeal to lovers of the well-tuned poetic voice'.
Simon. C. Fysh BA (Hons), Conwy, North Wales: Lucilla’s poems are ‘…wide in scope. She has a natural way with the written word which cannot be learnt... It’s a gift. She shows real sympathy with nature and the human condition in general [and] her social comment has a timeless quality. Overall, a wonderful collection.’*
John E. Hallwas, Professor Emeritus of English Literature, Western Illinois University: ‘Lucilla’s poetry ‘invites re-reading and prompts readers to appreciate more intensely their own experience in both the social realm and the natural world. She has the courage to share her own experience of disability and struggle due to epilepsy,’*
Dr. Simon Mercieca, University of Malta: ‘True poets are those who are capable of transmitting hidden sensations in simple words. Lucilla succeeds in conveying not just her ingrained feelings but also her most secretive thoughts. [Her] poems are 'up front,' recounting the depth and reality of day-to-day struggle of existence … a love for the simple things of nature within the complex humility of human behaviour.’*
Andrew J. M. Maund, MA (Cantab), MPhil, Education Advisor to The Housman Society and Head of English, The King’s School, Worcester: ‘This collection ‘echoes the complex mix of influences and hardships that formed Lucilla Maclaren Spillane’s literary education. The range of poetic styles, registers and tones … is extraordinary and every page is a new delight.’*
Mrs. Celine Hollowell, Northampton: ‘I find [Lucilla’s poetry] has words with meaning and I take great comfort from it. She uses simple words, easy to understand, but with great depth.’
Dr. Lilias Fraser, Edinburgh: ‘I enjoyed reading Lucilla’s poems and like to think that I can hear in them the sort of spare, lyrical tone that bewitches me in Housman or later in Ian Hamilton Finlay. They are poems with a seductive, unsettling and timeless musicality.’
Marie Benoit, Malta Independent, Malta, 25 March, 2012: ‘Lucilla Maclaren Spillane …writes poems which are simple, effective and often extremely beautiful.’*
Dr. Alia Shuaib, Writer and Poet, Media and Publishing Limited, Kuwait: ‘Lucilla’s poems have ‘...a soft and sensitive sense …The language is sweet, colorful, and sensitive. They … touch your soul, and reach deep into your secrets and most intimate corners: a beautiful work indeed.’*
Dr. David Mervin, University of Warwick (author of the Guardian obituary for Roger Duclaud Williams, whose coping with blindness inspired the poem): ‘…the poem, “Another seeing,” movingly evokes the spirit of my dear friend.’

* Indicates that a full review or press piece can be seen at http://www.troubador.co.uk/book_info.asp?bookid=2295 

The title poem, to which the image on the cover relates, is:

Another Seeing   
  
“The leaves are red,”
                the child said,
                               “and yellow and gold and brown.”
The blind man smiled
                and spoke to the child,
                               “I hear them falling down….
I know their damp smell,
                I know it well,
                               Autumn brings me joys.
I hear the wind hushing them,  
                as we walk, crushing them,
                               and I love their gentle noise.
In this wooded place,
              feel them touch your face,
                                a leaf river flowing.
As quietly we stand,
                 use your ears, nose and hand,
                                 know another seeing and knowing.”
A note by Lucilla Maclaren Spillane herself:

1“Another Seeing” (Petersham, 2009; Malta, 2012) was inspired by the late Dr. Roger Duclaud-Williams at the University of Warwick. He had been blind from the age of eighteen months and I was amazed at the way in which he had overcome thistreating it as an inconvenience, rather than as a disability. He had read Law at Oxford and then, armed only with his white stick, he had roamed the USA on Greyhound buses. When I met him, he was totally at ease, a constructive conversationalist with a puckish sense of humour. He moved around the Warwick campus at will and without a stick or dog and functioned in the Department of Politics as a highly regarded academic, renowned by both his fellow academics and by his students. On reading the poem, Dr David Mervin, author of the Guardian “Other People” obituary for him (23 July, 2012), commented:”Poetry is not really my thing, but this one movingly evokes the spirit of my dear friend.”

Monday, September 02, 2013

It-Tmienja ta’ Settembru ta' Kav Joe M Attard, Victoria Għawdex

L-istaġun tal-festi jinsab riesaq lejn it-tmiem tiegħu.  Naħseb li kellna għadd sabiħ ta’ festi li tgawdew sew mill-poplu tagħna.  Jidher li niesna għadha tħobb u tgħożż il-festi għax dawn jipprovdu okkażjoni biex il-familja tiltaqa’ madwar mejda waħda, jiġu fostna ħutna l-emigranti, il-kummerċ jiġġenera xi ftit iktar mis-soltu u l-ferħ jaħkem ma’ kullimkien.  Il-festi kkuluriti tagħna jinteressaw ukoll lill-barranin li jiġu jżuruna matul is-sajf u jipprovdu divertiment ieħor barra l-baħar nadif u ċar.  It-treqat jilbsu l-libsa tal-festa u fil-knisja ma jonqsux il-funzjonijiet sbieħ, mużika melodjuża, tiżjin u mixegħla u priedki fuq il-patrun jew il-patruna.  F’xi nħawi jsiru wkoll xi wirjiet kif ukoll it-tlielaq tal-bhejjem.  In-noti ferrieħa tal-qniepen ukoll jgħinu f’din l-atmosfera sabiħa flimkien mal-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru.

Intant waħda mill-festi sbieħ li tfeġġ lejn tmiem il-Kalendarju tal-festi hija bla dubju ta’ xejn il-festa ħelwa tal-Bambina, it-twelid tal-Verġni Mbierka, magħrufa wkoll fostna bħala l-festa tal-Vitorja.  ‘Tal-aħħar ibaħħar’, jgħid il-Malti u allura niesna tiffolla biex tgawdi din il-festa li nistgħu ngħidu ġġib fi tmiemu l-istaġun tal-festi.  Mhux darba u tnejn li t-temp ikun beda jħawwad xi ftit, imma insomma xi ftit tas-sirda tagħmel tajjeb biex ittaffi s-sħana tal-marċijiet u x-xorb li niesna tlegleg biex tiffessteġġja lill-patrun.  Il-festa tal-Bambina titfakkar kemm fix-Xagħra Għawdex kif ukoll f’xi nħawi ta’ Malta u jien illum beħsiebni nikteb xi ftit versi fl-okkażjoni tal-festa tal-Bambina fil-Mellieħa, billi dan huwa l-lokal l-iktar qrib tagħna.  Nistqarr is-sewwa ma nistax ngħid li għandi xi partita ħbieb hawnhekk imma bla dubju għamilt żmien ngħaddi minn hawnhekk kemm domt nistudja għall-għalliem f’St Michael’s Training College f’Ta’ Ġiorni f’San Ġiljan u hawn għad għandi xi żewġt iħbieb li konna għalliema flimkien.  Naf ukoll xi Għawdxin li jaħdmu fl-iskola primarja tar-raħal.  Ma rridx inħalli barra lill-ħabib tiegħi, Alla jagħtih mitt Ġenna, il-kantawtur Sammy Bartolo, li għolla kemm felaħ lill- isem dan raħal twelidu.   Insellem ukoll lil dawk kollha li jsegwu minn hawnhekk ta’ kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija l-programm li jien nippreżenta fuq Calypso Radio.

Taqblu miegħi li l-festa tal-Bambina hija festa kbira u ferm popolari.  Sant Anna u San Gwakkin, li fil-bajja pittoreska tad-Dwejra, taħt ir-riħ ir-raħal ta’ San Lawrenz,  insibu daqsxejn ta’ kappella ddedikata lil omm il-Madonna, naħseb li kienu l-iktar ġenituri xxurtjati li taw lid-dinja lil dik il-kejatura li kellha ssir Omm il-Feddej.  Il-festa tal-Bambina  tfakkarna wkoll fiż-żewġ Assedji li minnhom għaddiet Malta u allura bid-dritt kollu din il-festa hija mlaqqma wkoll bħala l-Festa tal-Vitorja għaliex kien fit-twelid tal-Bambina, fit-8 ta’ Settembru 1565 li l-Maltin flimkien mal-Kavallieri marru jroddu ħajr lil Ommna Marija wara li raw jgħibu fuq l-orizzont l-aħħar ġfien tal-Mislem illi kieku seta’ kien ijassarna u jġibna fix-xejn.  Kien ukoll fit-8 ta’ Settembru li kien ġie ffirmat l-armistizju biex tintemm it-tieni gwerrra (1939-45), wara li pajjiżna kien ġie bbumbardjat u mfarrak mill-bombi tal-Alleati.  U allura bi dritt kollu din hija btala pubblika. Ħalli nħallu xi ftit mill-Muża tiegħi tagħmel hawnhekk il-parti tagħha għax ibqgħu ċerti mhux wieħed u tnejn kitbu fuq il-festa u dak kollu li nsibu marbut magħha kif fil-fatt se naraw ukoll iktar ‘il quddiem f’din il-kitba qasira tiegħi.

L-istaġun tal-festi tagħna
issa riesaq lejn it-tmiem;
festa ġejja u oħra sejra
kif itir malajr iż-żmien!

U wasalna f’tal-Mellieħa
fejn infakkru lill-Bambina  --
Il-Madonna tal-Vittorji
li maż-żmien riedet tagħtina.

Kien fit-8 ta’ Settembru
li l-Mislem ħalla xtutna
wara l’għamel ħiltu kollha
sabiex jeqirdilna ‘l ruħna!

Maż-żmien tfaċċaw l-Alleati
li tefgħu bombi bi sħiħ;
ħasdu l-ħajja ta’ tant ħutna
u żergħu qerda qatigħ.

Tieħu ħsiebna kien hemm dejjem
dil-ħelwa ċkejkna Bambina
li mal-medda tas-snin kollha
mis-Smewwiet baqgħet tħarisna.

O Bambina lill-Mellieħa
la titlaqx minn taħt idejk;
lil uliedha seddaq, bierek,
żommhom taħt ħarset għajnejk.   --    jma      

Kif stqarrejt iktar ‘l fuq, il-festa tal-Otto Settembre hija wisq kbira u għandha sinjifikat ferm qawwi fin-nisġa tal-istorja ta’ pajjiżna u allura ma setgħetx tiżgiċċa mill-attenzjoni tal-kittieba tagħna u sabet postha fil-Letteratura tagħna.  Marbuta mal-Assedju l-Kbir, nsibu bosta poeżiji sbieħ li jmorru lura u jiftħu tieqa fuq dak kollu li għadda minnhom il-poplu Malti meta l-qawwa Torka riedet akkost ta’ kollox teħodna taħt idejha.  Isimgħu lill-Poeta Nazzjonali tagħna, Monsinjur Dun Karm Psaila f’waħda mill-poeżiji patrijottiċi li kiteb biex ifakkar din il-ġrajja mbiegħda.  Il-poeżija jisimha Dehra tat-V111 ta’ Settembru 1565

Sidru ta’ ljun, ħarstu bin-nar mimlija,
bix-xabla f’idu li ma tafx mistrieħ,
hemm rajtu, fuq il-Prexxa, fl-ewwel dija
lill-qawwi La Vallette; ma’ dwaru sbieħ

fil-ħerba tagħhom siekta qalb id-dmija
rajt idaħħnu l-iswar; u smajt ferrieħ
leħen ta’ qniepen f’mota dewwemija
jagħti l-aħbar tar-rebħ mal-erba’ rjieħ;

imbagħ’d kotra ta’ nies hienja fil-ħsara
tħares mix-xtut, u qlugħ donnhom maħruba
jitbiegħdu fuq il-mewġ biex jieħdu l-bxara.

Oh dehra kbira ta’ Settembru!  Ejja
ġdida kull sena fuq din l-art maħbuba ,
u feh’mha kif għar-rebħ għandha tithejja.

Dun Karm ma kitebx biss fuq dan l-episodju mdemmi ta’ mijiet ta’ snin ilu imma jitkellem ukoll dwar it-tieni Assedju, din id-darba dak li kellna nġarrbu kemm mill-baħar kif ukoll mill-ajru bejn is-snin 1939 u 1945.  Kien fit-8 ta’ Settembru wkoll li dawn il-gżejjer raw ifeġġu fuqna jiem ta’ paċi wara tant ħerba u mwiet.  Imma sakemm wasalna fil-port tas-sliem, kellna naraw tant fuq wiċċna.  Wieħed mill-episodji tal-biża’ li kelhom jaraw niesna u uliedhom kien l-attakk feroċi li sar fuq il-Port il-Kbir minn għadd ta’ laneċ tal-għedewwa, imma ħalli mill-ġdid inħallu f’idejn il-Poeta Nazzjonali biex ifissrilna x’ġara sew f’dawk il-ftit sigħat tal-biża’, fil-poeżija tiegħu E-Boats.

Sbatax-il waħda ġew, minn art imgħaddba,
Ħfief fuq il-mewġa bħal għasafar fl-ajru,
Mgħammra b’għodda qerrieda biex l-imriekeb
Li ġiebu l-ħajja lill-Maltin itajru.

Ġew fil-qalba tal-lejl, biex ikun wenshom
Id-dlam li ma jarax; bid-deh’n tal-ħjiena
Resqu bla ħoss lejn fomm il-port u kiefra
Rażżnu ġo qalbhom kull tqanqil ta’ ħniena.

 U x’naf xi ħadd li mtamma kien imexxi
Il-miġfna ċkejkna għala rebħa kbira,
Kienx beda jfantas ta’ ġieħ kbir il-għelma
U ta’ hena bla tarf  ġarrabx tferfira.

Iżd’għarriexa fid-dlam kien hemm moħbija
L-imħabba għajjura ta’ din l-art ħanina;
Hi rat u semgħet u tħejjiet imħeġġa
Għal taqbida bla nifs, tajba u ħażina.

Ingħata l-amar; minn kull borġ imwettaq
Infetħu ħluq tan-nar , u nebħu sewwa;
L-ajru mtela twerdin, damdim li jtarrax,
U xita tal-azzar ġiet fuq l-għedewwa.

Damet sejra t-taqbida, għax qalbiena
Kienu ż-żgħażagħ li ġew għall-qirda tagħna;
Iżda Malta ma nsietx id-drawwa tagħha;
Tiġġieled, tirbaħ u bil-ġieħ tistagħna.

Sbatax-il waħda ġew, sbatax-il waħda
Sabu qabarhom fuq ix-xtut tal-gżira;
Anqas waħda ma reġgħet  lejn pajjiżha
Biex tgħid il-għajb ta’ din it-telfa kbira.

Minn dan ix-xogħol bla dubju joħroġ il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu tagħna matul il-jiem imwiegħra tal-gwerra imma mill-banda l-oħra dan ma jistax ikun mod ieħor la darba l-Bambina hija dejjem magħna.  Lejha l-poplu tagħna dejjem irrikorra u ittama biex teħilsu minn kull mard, saram, niket, pesta, terremoti u gwaj ieħor.  U allura ma nistgħux ma nħarsuhx dan il-Jum tat-8 ta’ Settembru u nistennewh b’ħerqa kbira.  Din il-festa ma tistax ma tispikkax fost ħutha l-festi l-oħra għax ma hix biss il-festa tax-Xagħrin, tan-Naxxarin, tas-Sengleani jew tal-Melliħin, imma hija l-festa ta’ poplu sħiħ li mal-medda tas-snin għadda minn bosta gwerer u tbatijiet, imma l-Bambina kienet dejjem hemm, sur qawwi u nvinċibbli. Lilha nbnewlha tempji mill-isbaħ li fihom issaltan l-istatwa artistika tal-Bambina li toħroġ ferħana fuq l-ispallejn f’jum il-festa fost l-isparar, iċ-ċapċip, id-daqq tal-banda u l-logħob tan-nar.

Dan kollu sabiħ u ta’ min jinkorraġġih;  importanti wkoll il-preżenza tagħna fil-knisja għal tant funzjonjiet sbieħ li jsiru ad unur Ommna Marija fit-twelid tagħha.  Nifirħu għalenija fil-jiem tal-festa imma ħbieb nibqgħu qrib tagħha l-jiem kollha tas-sena meta llum d-dinja tagħna qed tinħakem minn tant Materjaliżmu u Konsumiżmu.  L-Ewropa bil-progress kollu tagħha donnha qed taħseb li tgħaddi mingħajr Alla, iżda fejn Alla ngħata l-ġenb saltan il-kaos u l-firda.  Bosta drabi hija l-Omm tiegħu li żżommlu driegħu biex ma jikkastiganiex, u allura ejjew ħbieb infittxu l-kenn tal-Bambina biex tissokta tressaqna lejn l-Imgħallem Divin.

Jien se ntemm din il-kitba tiegħi fl-okkażjoni tal-festa tat-Twelid tal-Verġni Mbierka għand il-ġara taghna l-Mellieħa billi mill-ġdid nissellef il-versi tal-Poeta Dun Karm Psaila li nsibu fis-sunett tiegħu Talba lill-Bambina Marija:-

Issa l-waqt; la tinsiex, Ommna Marija,
Li dejjem Int ħarist lill-gżejjer tagħna;
Jekk ġradi u mard, jekk theżhiżiet qawwija,
Lilek sejjaħna u dejjem sibniek magħna.

U meta l-Mislem mgħaddab fil-ħruxija
Hejja miġfna bin-nar u n-nies setgħana,
U ħaxken lil din l-art fix-xogħ’l medhija,
U ħalef bil-Qoran li jrid jiblagħna,

Lilek sejjaħna – tixhdu l-isbaħ Storja –
U int weġibt hekk ħelu li għalina
It-twelid tiegħek sar igħid “Vittorja”.

Għalhekk dan issa l-waqt: tinsiex, Madonna;
Kif kont fl-imgħoddi kun illum ħanina,
Jekk trid li nibqgħu tiegħek bħalma konna.

INTERVISTA MAL-POETA ACHILLE MIZZI


Achille Mizzi twieled f’Ħaż-Żabbar fid-19 ta’ Frar 1939. Ħadem bħala għalliem fl-iskejjel elementari tal-Gvern, uffiċjal tad-Dwana, u kien involut fl-organizzazzjoni ta’ bosta attivitajiet kulturali fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn aktar tard laħaq Assistent Kap. Kien Segretarju tal-Presidenza ta’ Malta (1994-2000) u fl-2011 inħatar bħala Membru tal-Ordni tal-Mertu. Wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju u awtur ta’ għadd sabiħ ta’ ġabriet ta’ poeżija. Huwa rebaħ il-Premju Letterarju fl-1993, fl-1999 u fl-2008.

Minn fejn u meta twieled l-interess tiegħek fil-poeżija u fil-kitba in ġenerali?

Jiena bdejt nikteb meta kelli xi sittax-il sena u kont għadni qed nistudja. B'xorti tajba kelli għalliema li huma stess kienu poeti tajbin... bħal Dun Frans Camilleri, Ġorg Zammit (ta' Wenzu u Rożi) u oħrajn. Dawn kienu jispjegaw il-poeżija tant tajjeb li nisslu fija mħabba għal-letteratura, li ma ħallietni qatt. Naturalment il-poeta jrid ikollu d-don mitwieled miegħu biex jikteb. Barra minn hekk irid ikun immaġinattiv u intellettwalment kreattiv. Irid ikun imkisser ukoll fis-sengħa tal-kitba, speċjalment fl-użu tal-kelma (il-lingwa).  Fuq il-kreattività artisitika Francis Bacon kien qal hekk "The creative process is a cocktail of instinct, skill, culture, and a highly creative feverishness...”

Liema huma dawk il-waqtiet, esperjenzi u ħwejjeġ li jispirawk?

It-temi tal-poeżija tiegħi huma s-suġġetti filosofiċi li ħabbtu l-bnedmin tad-dinja kollha mill-bidunett, talanqas dawk li għandhom moħħ biex jaħsbu. Il-bidu tal-ħolqien, il-bidu tar-razza umana fuq wiċċ l-art, it-tnissil u t-twelid tal-individwu, il-mewt tal-bniedem u tant u tant enimmi oħra li minkejja l-iżviluppi tax-xjenza għadhom u jibqgħu jħabbtuna. Forsi l-akbar enimma hija l-istess eżistenza ta’ Alla - li bih ħajjitna tista’ tidher imjassra u mxekkla imma li mingħajru hija baħħ bla sens. Jien għadni nfittex u ngħarrex bħal ħafna mill-poeti, mill-filosfi u mill-mistiċi ta’ qabli. L-istess tiftixa għal Alla hija fiha nfisha att tal-fidi.

Fil-poeżija ċċelebrajt il-misterji tal-ħajja li hija tant għanja fl-organiċità tagħha - fejn kollox huwa inter-relatat. Parti minn din il-glorja tal-ħolqien u tal-ħajja hija l-manifestazzjoni tax-xjenza u ta’l-iżviluppi teknoloġiċi tad-dinja moderna.

Dwar ix-xjenza  forsi kont jien l-ewwel u l-uniku esponent fil-poeżija Maltija. Tant hu hekk li Peter Serracini Inglott f“Linji Ġodda” kien kiteb hekk fuq il-poeżija “Dawl”: Fost il-poeti l-ġodda, kien Achille Mizzi l-ewwel li fisser b’oriġinalita` li tispikka mqar fil-kwadru tal-poeżija moderna dinjija l-interess tal-bniedem tal-lum, imqanqal mill-kixfiet kbar tax-xjenza fil-Bidu – il-bidu ta’l-Univers, il-bidu tal-ħajja, - il-bidu tal-bniedem (Fil-poeżija ta’ Mizzi tinħass ukoll il-kuxjenza tal-kixfiet kbar tal-psikoloġija u l-antropoloġija).

Id-dinja moderna tax-xjenza mhux talli ppruvajt nifhimha imma talli għannejtha fil-bidu tal-karriera tiegħi meta ħadd ma’ kien għadu  ħolom li jagħmel  ħaġa bħal din fil-poeżija Maltija.

Xi tgħid dwar il-kompromess jew taħlita bejn imgħoddi u preżent fil-versi tiegħek?

Fir-realtà iż-żmien - l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni, flimkien mal-ispazju, huma kunċett wieħed skond il-ħassieba moderni. Aħna ngħixu f’dak li jissejjah spacetime  continuum. Dan huwa kunċett li l-popli tal-Andes għadhom iżommuh sal-lum

Jiena ngħid li mal-mixja taż-żmien il-bniedem jgħaddi bħal f’ħolma minn tiġrib ta' ferħ u niket li jimmaturah u jbiddillu l-atteġġjament tiegħu. Kull ma tmur il-vista tagħna dejjem izjed titwassa' fil-perspettiva tagħha permezz tal-esperjenzi. Dan huwa bla dubju ta' xejn dak li jirrendi l-poeżija aktar matura, profonda u nieqsa mis-superfiċjalità li wieħed isib f’xi wħud mill-kittieba ta’ qabilna. Mistoqsija tremenda hija jekk din l-esperjenza li qed inġarrbu ISSA għadx ikollha tmiem meta mmutu jew inkella għadx titkompla wara l-mewt meta nitwaħħdu mill-ġdid man-natura.

Għal min taħseb jappellaw il-versi tiegħek?

Il-versi tiegħi huma indirizzati għal kull min għandu moħħ biex jifhem u japprezza...għal min għandu sensittività biex jaħseb u jħobb dak li hu tajjeb u sabiħ. Biex inti tirċievi xbihat u messaġġi televiżivi jrid ikollok ir-riċevitur meħtieġ. Aktar ma jkun sofistikat dan l-apparat aktar il-messaġġ jolqtok u jissummak. Il-poeżija tiegħi hija msejsa fuq il-metafora densa li hija l-bażi ta’ kull arti. Il-metafora tevoka fil-friegħi kollha tal-arti ċerti ideat u esperjenzi imlewnin, irkaċċati u mkebbsin fuq iż-żnied tal-paragun... tax-xebħ u tal-immaġinazzjoni   

Min jaqra l-poeżiji tiegħek jeħtieġ dizzjunarju (l-aktar il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ) għax fihom hemm l-użu tal-Malti semitiku xi drabi arkajku, drabi oħra element qawwi tal-Malti li ġej mit-Taljan, anki erudit. Xi tgħid dwar dan?

Hija sfortuna kbira għan-nazzjon tagħna li sezzjoni ġmielha miż-żagħżagħ Maltin qed jitilfu l-mezz tal-komunikazzjoni li ħallewlna missirijietna. Jien ngħid għalija dik il-lingwa li nikteb biha hija dik l-istess lingwa, sabiħa, pura u naturali li tawni ommi u missieri. Jekk in-nies tal-lum tilfu ċerti idjomi u espressjonijiet li kellna f’żogħżitna jfisser li l-ispektrum tal-esperjenzi  strettament Maltin qed jidjieq u jintilef. Jiena nħossni kburi għal kif irnexxieli ħafna drabi nżewweġ l-element semitku u dak romanz u nagħmel minnhom għodda artistika tal-ogħla espressjoni poetika.
  
Anki fuq livell ta’ xbieha l-versi tiegħek mhumiex ċari jew sempliċi. Dan tqisu bħala preġju (fis-sens li jippreżenta sfida għall-qarrej) jew difett (għax jistgħu jgħajjew lil dak li jkun)?

Il-poeżija tiegħi hi dik li hi u ma tistax tkun mod ieħor biex togħġob lill-qarrej. Hija ritratt perfett tal-karatturu u l-kultura tiegħi. Dan ġej l-ewwel nett mill-fatt li nistinka biex il-metafora tiegħi qatt ma tkun clichè imma pjuttost friska u oriġinali b’tali mod li tolqot lil dak li jkun. Hemm imbagħad ċerta kumplessità fin-nisġa tal-ħsieb. Nemmen bis-sħiħ li l-misterju u l-ambigwità huma parti mill-istrateġija poetika. Dwar dan inkiteb volum sħiħ mill-poeta u kritiku William Empson bl-isem SevenTypes of Ambiguity. L-aqwa poeżija dejjem kienet dik li jkun fiha ħafna sulari.Is-sublimi fil-poeżija joħroġ meta l-poeżija tkun għanja fl-interpretazzjonijiet u fl-allużjonijiet. Dwar Shakespeare u Dante inktitbu u għadhom jinkitbu volumi sħaħ fejn tiġi analizzata kważi kull kelma. Jiena konxju li tkun ħasra meta l-komunikazzjoni ma sseħħx bejn il-kittieb u l-qarrej. Hemmhekk niġu għall-problema tal-poeti ermetiċi  bħal Ungaretti u Quasimodo   li madankollu huma meqjuma fost l-aqwa poeti fil-letteratura taljana tas-seklu għoxrin u l-aħħar wieħed fosthom rebaħ saħansitra l-Premju Nobel. 


Inti fost dawk il-poeti moderni li għażlu jiktbu versi mirqumin u  neqsin minn lingwaġġ oxxen, sensazzjonalist u li jdarras bla ebda skop ulterjuri. Xi tgħid dwar din l-għażla tiegħek?

Qatt ma emmint f’mezz irħis bħall-oxxenità biex inbiegħ lili nnifsi. Dan jgħodd wisq aktar meta l-awtur jinqabad biċ-ċar li qed ideffes dawn l-elementi barra minn lokhom bħala pretest. Dan ma jfissirx li f’ċerti poeżiji  minn tiegħi ma kontx senswali għall-aħħar.  Imma pornografiku ma kont qatt. Għannejt dak li Oliver Friggieri  sejjaħlu l-innu lis-senswalità u l-poeżija tas-setgħat passjonali.Dan il-kritiku kbir ikompli jżid li l-poeżija tiegħi...tinżel fis-saffi tal-ispirtu bis-saħħa tal-istess senswalità. Jekk jitgħaqqdu ż-żewġ naħiet l-iżjed imbiegħda ta’ din il-viżjoni, tista’ tinstab is-sintesi: il-profondità qaddisa tas-senswalità, jew is-senswalità ta’ kull ma huwa fundamentali fl-eżistenza.
  
Kemm hu apprezzat il-poeta f’pajjiżna? X’jista’ jsir biex il-poeta u l-poeżija jingħataw spinta ’l quddiem f’pajjiżna?

Il-poeta mhux apprezzat kemm imissu jkun. Ċertament l-istudju u l-apprezzament tal-poeżija qed jonqos minħabba diversi fatturi, fosthom il-fatt li s-sillabu tal-iskejjel illum twessa’ u l-letteratura, mhux tal-Malti biss, naqqset fl-importanza. Hemm ukoll enfasi wisq akbar fuq ix-xjenzi naturali (fiżika, kimika eċċ) u fuq ix-xjenzi soċjali (ekonomija, socjoloġija eċċ). Barra minn hekk hemm wisq distrazzjonijiet bħat-televiżjoni u l-kompjuter li għamlu lill-bniedem passiv u għażżien.
Madankollu wieħed irid iżid li l-poeżija hija mhux biss dik konvenzjonali, li nsibuha f’forma ta’ poeżija miktuba, imma wkoll dik li naraw fil-films, fil-produzzjonijiet televiżivi, fil-kanzunetti u f’mitt ħaġa oħra.
  
X'taħseb dwar l-opportunitajiet li joffri l-internet lil poeti bħalek?

Bla ma nidher li qed nikkontradiċi dak li għidt aktar ’il fuq dwar il-kompjuter ngħid li fl-internet hemm sorsi wisq għanja dwar il-poeżija. Illum għandek mhux biss enċikolopediji letterarji imma kampjunarju ta’ kull ma nkiteb mill-kbar tal-letteratura. Għandek ukoll rivisti bla għadd dwar il-poeżija. Hemm faċilità wkoll biex wieħed ikollu aċċess għall-istess għodod tal-kitba tal-poeżija bħalma huma rimarji, teżawri ta’ kliem u fonti oħra ta’ ispirazzjoni bħalma ma huma web sites eċċ.

Inti għaraft ukoll il-ħtieġa li l-poeta Malti jkollu vrusu maqlubin f’ilsna oħra? Xi tgħid dwar dan?

Minn qaddisu l-poeta jrid u jixtieq li jxerred il-poeżiji tiegħu mal-erbat irjieħ. Jien dan għaraftu minn kmieni u kienu bosta l-poeżija tradotti f’antoloġiji lokali u barranin kemm bl-ingliż kif ukoll bit-taljan u bil franċiz. Madankollu jien kont dejjem konxju tad-diffikultà biex insib nies kapaċi jittraduċi x-xogħol tiegħi b’mod sodisfaċenti. Kien hemm drabi fejn m’għaraftx lili nnifsi fil-poeżiji tradotti. F’każijiet oħra fejn it-traduttur kien kapaċi, xorta l-verżjoni tradotta kont naraha mitruħa u bla ħajja. Kien għalhekk li ħtaft, meta nħolqot, l-opportunità li jkolli lill-mibki Dun Peter Serracino Inglott li b’entużjażmu liema bħalu medd għonqu għax-xogħol biex temm volum sħiħ ta’ traduzzjonijiet li jagħmel ġieħ mhux biss lilu imma wisq iżjed lili. 


Kif twieġeb lil min jgħid li Achille Mizzi hu poeta elitist?

Il-kelma ‘elitist’ fiha ħafna tifsiriet.  Jien sa neħodha li qed tirreferi għall-fatt li l-poeżija tiegħi ma tantx hija aċċessibbli u ħafifa għal xi wħud min-nies. M’hijiex il-poeżija rħisa li tiftiehem kif ġieb u laħaq minn kulħadd. Il-poeżija tiegħi jew tħobbha jew tobgħodha. Hija poeżija retiċenti imma daqstant ieħor hija profonda u stimulanti.  Hija poeżija li troddlok bil-mija fil-wieħed l-isforż li tkun għamilt biex taqraha u tifhimha. F’ħafna każijiet il-kumpens ħafna drabi jkun moħbi u jintradd bħal leħħa ta’ berqa li ddawwal u tagħti sodisfazzjon lill-menti tiegħek. Biex idduq il-benna ta’ gandoffla trid titħabat biex tofroq il-qoxriet. U dan li qed ngħid jgħodd għall-friegħi kollha tal-arti u l-letteratura. Hawn min jidħol fil-katidral ta’ San Gwann daqs li kieku kien bla għajnejn, u billi ma jkunx imeħejji bi sfond kulturali kif imiss, ma jsib xejn x’jolqtu u x’jelevah. F’dak il-każ in-nuqqas ma jkunx fl-opra imma fl-ispettatur.

Li wieħed jimplika li jien poeta elitist ma tkiddni xejn għax naf li l-opra poetika tiegħi hija frott ta’ viżjoni intima, u bħala tali għandha tinqara minn min għandu t-tħejjija meħtieġa biex jista’ japprezza testi bħal dawn. Lanqas m’għandu xogħli jiġi ġġudikat biss minn poeżija waħda, imma għandu jitqies u jinqara fl-intier tiegħu bħala korp ta’ xogħol organiku.

Kollox ma kollox jien nistabar li ġejt dejjem milqugħ bl-akbar approvazzjoni mill-kritiċi kollha minkejja li jien qatt ma mbuttajt lili nnifsi b’pubbliċità żejda. U dan jgħodd saħansitra għall-ewwel poeżiji li wrejt lill_Professur Aquilina meta kelli biss xi tmintax-il sena, Xogħli dejjem intlaqa’ b’superlattivi – ħaġa li lili hennietni u għamlitli  ħila ta’sur. Huwa biżżejjed li niġi apprezzat minn min jifhimni għax wara kollox għandi sens qawwi tal-frugħa tal-fama u naf  li f’din il-ħajja kollox huwa għaddien. Għalija huwa biżżejjed apprezzament bħal dak li kien għaddieli l-Profesur Oliver Friggieri, l-aqwa kritiku tal-letteratura Maltija “F’għadd ta’ sensi Mizzi hu l-werriet denn ta’ Dun Karm; il-versi tiegħu huma sottilment, sikwit, żviluppi maturi u kisbiet tipiċi tal-poeta nazzjonali. Il-klassiċità miksuba romantikament minn Dun Karm hi hawnhekk imġedda u adattata għal qagħdiet u ambjenti poetiċi differenti”.  


X’jagħmel Achille Mizzi meta ma jkunx okkupat bil-poeżija u l-kitba? Proġetti għall-ġejjieni?

Għalkemm nagħtiha importanza kbira, il-kitba propja tal-poeżija ftit teħodli ħin minn ħajti. Wisq aktar ngħaddi ħin naqra, nixtarr, nisma’ u nġarrab internament l-avventura tal-eżistenza. Ħbieb kbar tieħi huma l-letteratura, l-arti u l-mużika, speċjalment dik klassika. Imbagħad niddelitta wkoll nimxi ħdejn il-baħar u fil-kampanja u ngawdi l-ambjent ta’ madwari. Għalkemm in-nies inħobbhom ma niddejjaq xejn ingawdi s-solitudni. Bħal Ċiċerun intenni li “Qatt ma nkun inqas waħdi, daqs meta nkun waħdi”  (Nisi solum, quam solum esset. De officis 3.1).  Illum li nħossni qisni l-patrijarka Abram, imdawwar b’erba’ wlied u tmien neputijiet, intaffi ftit mit-toqol tas-snin li għandi billi ngawdi l-kumpannija tagħhom, meta dawn ikunu jistgħu jiġu jżuruna.

Proġetti għall-ġejjieni ma tantx jista’ jkolli issa li l-orizzonti qed jingħalqu madwari...

Is-sit uffiċjali ta' Achille Mizzi hu www.achillemizzi.com

(Intervista minn Patrick Sammut, 12 ta Marzu 2013)