Sunday, August 14, 2011

Intervista ma' Leanne Ellul, poetessa żagħżugħa

1. Minn fejn ġejja l-ħajra tiegħek li tikteb il-poeżija? U għaliex għażilt li tikteb bil-Malti?

Il-kanzunetti, dawk li kliemhom hu mirqum, lagħbu parti importanti ħafna fit-tħabbib tiegħi mal-poeżija. Għax, x’inhi kanzunetta tajba jekk mhux poeżija mlibbsa l-mużika? Kif jgħid Ezra Pound, “poetry atrophies when it gets too far from music”. Nemmen illi kienet il-ġibda lejn il-mużika li xettlet u kattret l-imħabba tiegħi għall-poeżija. Barra minn hekk, miz-ziju t’ommi, Fredu l-Bamboċċu, kelli mudell ta’ bniedem li ħabb il-Malti u użah sabiex jesprimi ruħu permezz tal-għana, aspett kulturali Malti li jiddependi fuq ir-ritmi poetiċi. Ommi wkoll influwenzatni u naħseb li, fil-verità, mingħandha writt l-ewwel ġidbiet għall-Malti u l-letteratura Maltija.

Barra minn hekk dejjem ħassejt li għandi xi ħaġa xi ngħid. Għamilt żmien nesprimi lili nnifsi bil-lirika. Imbagħad xtaqt immur lilhinn minn hekk u għalhekk il-poeżija qatgħatli dan l-għatx. Huwa minnu illi wieħed irid jaqra, jistudja, jikteb u jqatta’ xogħlu min jaf għal kemm-il darba biex jitjiteb. Ma tqumx filgħodu u ssib li inti poeta tajjeb. Iżda nemmen illi trid titwieled bid-don tal-kitba daqskemm pittur jitwieled jaf ipinġi mbagħad jistudja biex isir aħjar.

Dik li nuża l-Malti hija għażla kemmxejn patrijottika. Minn dejjem ħassejtni kburija li l-ewwel ilsien tiegħi huwa l-Malti u minn kmieni emmint li l-ilsien Malti huwa sħiħ u għani biżżejjed biex wieħed jesprimi ruħu. Kif jgħid Cuschieri għall-ilsien Malti, “għani f’faqartek, kbir fi ċkunitek/ jaqbel ma’ qalbi, jaqbel mal-ħsieb”. Il-Malti dejjem qdieni tajjeb u jien sibt refuġju fi lsien li bih stajt ngħid kollox kif nixtieq. Din, sa ċertu punt kienet għażla inkonxja. L-għażla konxja ġiet snin wara, meta dħalt l-università, u għaraft kemm l-ilsien Malti għandu bżonn jiġi apprezzat flimkien ma’ ilsna oħra. Bil-poeżiji tiegħi nemmen li nkun qed nagħti l-kontribut tiegħi biex iseħħ dan. Fuq kollox, kont fortunata wkoll li dejjem kelli għalliema tal-Malti ddedikati li kattru fija l-ġibda għal dan l-ilsien.

2. Liema huma t-temi li tgħożż l-aktar meta tiġi biex tikteb?

It-temi l-kbar, li saħansitra wħud minnhom huma maqbuda fl-iktar poeżija bikrija li nafu biha sal-lum jibqgħu jirrepetu ruħhom. Imma l-kuluri tagħhom baqgħu jieħdu sfumaturi oħra matul is-snin kif għadhom jagħmlu sal-lum. Fil-poeżiji tiegħi jinkixfu l-isfumaturi ta’ dawn it-temi l-kbar imnebbħa minn ġrajjiet, sitwazzjonijiet u episodji tal-mument. Uħud minnhom huma ta’ interess nazzjonali bħall-abort u oħrajn huma ta’ xeħta aktar personali bħall-mewt ta’ xi qarib. Fost it-temi li ngħożż l-iktar hemm l-imħabba u ċ-ċaħda tagħha, l-imħabba opportunista u possessiva, il-mara u l-maternità, is-sesswalità, il-psikoloġija, l-isfruttament mentali u fiżiku, l-isfruttament tal-ambjent naturali u l-bdil fil-klima, l-immigrazzjoni, il-mużika u l-letteratura nnifisha.

3. Apparti l-poeżija inti tinteressa ruħek f'ġeneri letterarji oħra?

Iva. Inħobb naqra kull ġeneru letterarju, l-aktar in-novelli (u fil-verità, kull biċċa kitba li tiġi għal idejja nkun irrid naqraha). Iżda meta niġi biex nikteb l-għażliet tiegħi ngħarbilhom aktar. Minbarra l-poeżiji, nikteb ukoll in-novelli. Bħalissa qed niffinalizza għadd ta’ novelli li kont bdejt u qatt ma ħassejt li kienu tajbin biżżejjed. Illum, forsi għax għadda aktar żmien u (nittama li) immaturajt, qed nagħti struttura xierqa lil dawn in-novelli. Id-drammi joġħġbuni ħafna wkoll. Għalkemm qatt ma ktibt drammi twal, ktibt xi żewġ monologi. Għad irrid nesperimenta aktar b’dan il-ġeneru. Fil-verità, inħossni xxurtjata li l-vuċijiet ta’ ġo fija nleħħinhom kif inkun nixtieq. Xi drabi ninqeda bil-poeżija u xi drabi bin-novella.

4. Min hi Leanne Ellul bħala bniedma u x'qed tagħmel fil-preżent? (passatempi, studji, xogħol, involviment f'attivitajiet kulturali, eċċ)

Bniedma sempliċi u sensittiva. Ma nistħix ngħid li ta’ tnejn u għoxrin sena għadni nifraħ bix-xemx tiela’, b’karotilna mlewna, bi tbissima fuq fomm dawk għal qalbi... Togħġobni ħafna l-arti, dak kollu li hu artistiku. Picasso jgħid illi “art washes from the soul the dust of everyday life”. Nemmen illi dan it-trab jista’ jtnaddaf b’kull tip ta’ arti. Il-kitba tal-poeżija u n-novelli hija l-mezz ewlieni li bihom nagħmel dan. Dawn ukoll huma arti- l-arti tal-kelma. Iżda l-kitba għalija hi aktar minn passetemp- hi idi l-leminija, ħabiba li qatt ma titradini. Barra minn hekk nipprova nsib kemm jista’ jkun ċans biex nattendi laqgħat u attivitajiet kulturali u xi drabi nieħu sehem fihom ukoll.

Inħobb ħafna l-mużika. Snin ilu kont inkanta u nikteb il-lirika. Għad illi m’għadnix nagħmel dan ix-xewqa li nesprimi ruħi b’dan il-mod għadha ma mititx. Iż-żfin u r-reċtar huma passjonijiet oħra li tajthom il-ġenb. Għalkemm qatt ma pittirt u naqqaxt, nogħxa nara pitturi, skulturi u kif ukoll ritratti. U meta jkolli ċans nagħmel xi xogħol bl-idejn bħall-kroxet u l-ħansa. Jaffaxxinawni ħafna l-kuluri. Inħobb ħafna l-moda u l-oriġinalità f’dan il-qasam. Barra minn hekk inħobb ħafna t-tisjir. Kull x’ħin ikolli ċans nara x’riċetti sustanzjużi se nivvinta. Dan l-aħħar qed nesperimenta aktar bil-ħelu u t-tiżin tiegħu. Imbagħad inħobb immur xi mixja, inħobb naqra, inħobb nara l-films komiċi u nħobb is-safar.

Wara li gradwajt fil-BA (Unuri) Malti, din is-sena għamilt il-PGCE fil-Malti. Issa ser inkun qed ngħallem il-klassijiet tat-tielet u r-raba’ sena ġewwa St. Dorothy’s Ħaż-Żebbug. Fl-istess waqt ser inkompli nibni fuq it-teżi tal-BA (Unuri) u tal-PGCE permezz ta’ teżi li għandha twassalni għall-grad tal-Maġisteru fl-Arti ma’ Professur Mifsud.

5. X'taħseb dwar l-interess u l-involviment taż-żgħażagħ fil-qasam tal-kultura llum?

Nistqarr illi dan l-aħħar innutajt mewġa kulturali ġdida pożittiva ħafna. L-ammont ta’ studenti li qed ikomplu l-Malti l-università huwa inkoraġġanti ħafna. Żgur illi dan il-kors ser ilaqqa’ lil dawn l-istudenti ma’ oqsma kulturali li jistgħu jimirħu fihom. Prodott ta’ dan ngħidu aħna nsibu l-grupp universitarju Versatili. Anke t-teżijiet li qed jinkitbu juru interess kulturali ġenwin. U dan l-interess mhux qed jintwera biss miż-żgħażagħ li qed isegwu l-kors tal-Malti jew xi kors ieħor l-università. L-ammont ta’ żgħażagħ li jattendu attivitajiet kulturali huwa inkoraġġanti ħafna. Fuq kollox, jeħtieġ illi nsaħħu l-pedamenti biex aktar u aktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-qasam kulturali u jitħabbu mal-letteratura. Ngħidu aħna, għandna nenfasizzaw kultura li qed tinbidel. Għad illi l-karettun u l-kenur huma importanti għax kieku ma kienx għalihom ma konniex inkunu aħna, jeħtieġ illi naraw il-kultura tagħna f’qafas usa’, dak Ewropew u aktar u aktar internazzjonali. Wara li nagħmlu dan, inkunu nistgħu nużaw il-wirt kulturali tagħna bħala għodda ta’ valur. Jiġifieri, rajt progress u l-interess li qed jintwera naħseb illi jista’ jiggarantixxi futur sabiħ. Biss dan għandu jkun il-bidu. Fuq kollox, il-Maltin tal-lum għandhom il-kultura tagħhom u din iż-żgħażagħ qed jagħġnuha bil-modi ta’ għajxien tagħhom ukoll.

6. Għandek xi proġetti għall-ġejjieni?

Għad illi dejjem nipprova ngħix ġurnata b’ġurnata, noħlom ħafna! Victor Hugo jgħid illi “The future has several names. For the weak, it is the impossible. For the fainthearted, it is the unknown. For the thoughtful and valiant, it is the ideal.” Kemm jista’ jkun nipprova noħlom għalija nnifsi futur ideali. Fil-11 t’Awwissu ser inkun qed nieħu sehem f’serata, ‘Innoċenza Mqarba’ mtella’ mill-grupp Versatili u Aġenzija Żgħażagħ. Barra minn hekk fis-17 t’Awwissu ser inkun qed nieħu sehem f’serata oħra, ‘’il barra minn fommna’, li din id-darba ser jieħdu sehem fiha kittieba nisa biss. Din hija l-ewwel serata tax-xorta tagħha. Jien ser inkun qed nagħti sehmi mas-seba’ kittieba nisa oħra- Claudia Gauci, Rita Saliba, Nadja Mifsud, Clare Azzopardi, Maria Grech Ganado, Simone Inguanez u Simone Galea- biex kull waħda minna ssemma’ l-vuċi tagħha bil-mod individwali tagħha. Barra minn hekk, qed niffinalizza xi poeżiji li ser inkun qed nieħu sehem bihom fil-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2011. Fuq kollox, l-akbar ħolma tiegħi bħalissa hi li nippubblika. Sandanittant nittama li l-Bambin itini s-saħħa sabiex inkompli nikteb.

Xi poeżiji ta' Leanne Ellul:

Pupa taċ-Ċarrut

Ħafna drabi, granfajt ma’ ħbub għajnejk

nixxennaq għal demgħa sabiex taħsilni.

Jien il-pupa taċ-ċarrut,

kont tbandalni bejn saqajk,

daqqa ’l linn u daqqa ‘l hawn,

ħfinti sewwa bejn dirgħajk.

Jien il-pupa taċ-ċarrut. Kont tmellisni

u kont tlibbisli lbiesi “ħelwin”.

Niċċassa lejk. Nitħawwad nifhem kif

spiċċajt f’dad-dramm li ħdimtu llum, kuljum.

Il-ħabel li r’batni miegħek ħasadni.

Narak. Tiggranfa mal-ħbub ta’ għajnejk

iċċarrat il-vini biex jinżel dmugħ

li nixef snin ilu. Issa tard wisq.

Aldo

Ħafna drabi, granfajt ma’ ħbub għajnejja.

Ġismek separju jiżżeffen mar-riħ.

Jiena ser nibqa’ dejjem miegħek,

nieħu ħsiebek, tibża’ xejn,

l’hawn jien ħadd ma jista’ jbeżżgħek,

das-siġriet midfun bejn tnejn.

Ġismek tari- metaf’ra arketipali

jiżloq minn idejja u jdub fix-xejn.

Niċċassa lejk. Niflik sew. Nifhem kif

f’dad-dramm (ripetizzjoni) jien spiċċajt (protagonist).

Il-ħabel li jorbtok nerf illi joqros.

Tgħib. Jien u niggranfa ma’ ħbub għajnejja

inċarrat il-vini biex jinżel id-dmugħ

li nixef snin ilu. Issa tard wisq.

© Leanne Ellul 2011

2013

ċanfruha, farġuha,

beżqulha, għaffġuha,

rifsuha, fetquha, sabbtuha,

ħaġġruha, sawwtuha, biċċruha

R R A B J A W H A

(Il-Poplu, 2011)

Dal-ballun tond jismu pjaneta

lagħbu bih sa ma’ qattgħuh.

Kien mimli kuluri

bi sfumaturi mxerrda ’l linn u ’l hawn.

Ftit minnhom kien jisimhom fjuri.

Illum ballun xort’oħra.

Sepja. Bit-truf mikulin.

Hekk jafu jagħmlu l-bnedmin.

© Leanne Ellul


Sushi

intelqet fuq wiċċ kiesaħ, tiċċassa.

bajda siċċa. marsusa.

ftit miġbuda- għajnejha

kaxxa make-up bla kulur.

meta ġie stednitu jersaq.

meta qam ħallietu jmur,

b’żaqqu mimlija

li ibnu se jkun, żgur.


© Leanne Ellul