Sunday, October 21, 2018

FRASCATI: Patrick Sammut jintervista lil Therese Vella


 
1.                       Frascati hu l-ewwel rumanz tiegħek u l-ewwel debutt fil-qasam tal-letteratura Maltija.  Meta u minn fejn twieled?

L-outline tal-istorja Frascati kont ktibtha daqs għaxar snin ilu meta kont ngħix l-Italja fl-inħawi ta' Castelli Romani. Zona li tissemma’ kontinwament fil-ktieb.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek f'dan l-ewwel rumanz tiegħek.

It-tema dominanti hi l-imħabba.  Nemmen li l-imħabba hi r-raġuni u l-għan tal-ħajja.  Ħasra li hi valur ftit mifhum u anqas apprezzat. Għalhekk hi għal qalbi għax diffiċli tħobb tassew (lil maħbub/a, xogħol, ħbieb, ambjent, ulied) mingħajr għira, mingħajr possessività, mingħajr ma tistenna xejn lura, mingħajr ebda ħsieb egoist.

Tema oħra hi l-awtokritika. L-ewwel reazzjoni ta' Chiara u Silvio meta jinħoloq il-konflitt bejniethom hi s-suppervja. Imma dak li fl-aħħar għenhom jikbru fl-għarfien tagħhom kienu l-mumenti fejn ikkritikaw l-imġiba tagħhom minflok ma qagħdu jagħtu tort lil xulxin.

Il-perseveranza ta' Chiara. Qatt ma taqta' qalbha, tiġġieled kull intopp għax quddiem għajnejha żżomm dejjem l-għan li tkun trid tilħaq.

3.      Għal min hu mmirat l-aktar xogħol bħal dan?  X'tip ta' lingwa/stil użajt u liema huma l-ispazji li fihom ambjentajt l-azzjoni tal-istorja tiegħek?

Meta ktibtu ma kelli 'l ħadd immirat f'moħħi.  Ħallejt l-istorja tmexxini hi.  Issa li hu lest inħoss li għandu jolqot lil kull min hu żagħżugħ mhux biss fl-età imma wkoll fil-ħsieb.

Ir-rumanz hu miktub fit-tielet persuna, minbarra l-ftuħ u l-kapitlu 19, li huma rrakkuntati fl-ewwel persuna singular. F'dawn iż-żewġ kapitli xtaqt indaħħal lill-qarrej aktar f'moħħ Chiara u ħassejt li dan l-istil kellu l-aħjar effett.

Minħabba li l-istorja hi kontemporanja, użajt il-Malti mitkellem miż-żgħażagħ tal-lum.  Għalhekk issib kliem bħal mowbajl, ħendbeg, open minded, self-esteem, acupuncture u oħrajn.

L-istorja hi ambjentata fl-Italja. Ippruvajt inżewwaqha bil-ġmiel li wieħed isib f'dan il-pajjiż mingħajr ma ħallejt barra problemi komuni li jiltaqa’ magħhom min jgħix hemm. Jissemmgħu rħula medjevali tipiċi Taljani, kafetteriji fi pjazez sbieħ u n-natura li ddawwar dawn il-postijiet, bħall-foresti mimlijin siġar tal-qastan u veduti fuq il-lag. 

4.      Liema huma dawk il-waqtiet meta inti tikteb?  Fejn eżattament?

Bħalissa qed nipprova nikteb xi ħaġa kuljum. Allura daqs li kieku dħalt fil-karozza u mort għax-xogħol. Nagħmel kafè u nintefa’ mal-mejda tal-ikel li tinsab f'sala combined mas-salott fejn għandi l-veduta tal-Qatar.

5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.
Nassumi li ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista huma dawk li diġà għandhom għal qalbhom il-letteratura. Għalhekk nixtieq inħeġġeġ liż-żgħażagħ intraprendenti jinvestu f'postijiet li Malta għad m'għandhiex. Postijiet attraenti bħal Barnes & Noble fl-Amerika u wine bars libreriji, biex inħajru lir-residenti Maltin jibdew japprezzaw dak kollu li l-qari jista' joffri. Naf li xejn mhu faċli imma jekk iżżomm lil Chiara ta' Frascati f'moħħok, taf li bil-perseveranza u l-vera mħabba tasal sal-quċċata tas-suċċess...



No comments: