Kienet serata mimlija sinerġija, fejn il-membri tal-Għaqda qraw il-parti l-kbira tal-poeżiji tagħhom bit-Taljan, anki biex jagħmluha aktar faċli lill-mistednin biex jifhmu. Figliolia u Muca, irringrazzjaw lil dawk li qraw talli għoġobhom jagħżlu poeżiji bit-Taljan, imma rringrazzjaw ukoll lil dawk li qraw poeżiji bil-Malti ladarba setgħu japprezzaw l-isbuħija ta’ lsienna, bir-ritmi u l-melodiji partikolari tiegħu.
(Fir-ritratti jidhru 1. Parick Sammut, Clirim Muca, Alberto Figliolia, u Emmanuel Attard Cassar quddiem l-Istituto Italiano di Cultura; 2. Parti mill-pubbliku li attenda g]al-Lejla ta' Poeżija biż-żewġ poeti mill-Italja fuq quddiem; 3. Emmanuel Attard Cassar jintervista liż-żewġ poeti mistednin).
Bħal bosta drabi l-kantawtur Walter Micallef żewwaq il-Lejla bil-mużika u l-kanzunetti impenjati tiegħu. Mexxa l-Lejla s-Segretarju, Charles Magro, filwaqt li l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Internazzjonali, Dr. Emmanuel Attard Cassar, fetaħ u mexxa l-parti ddedikata liż-żewġ mistednin. Figliolia huwa ġurnalist, filwaqt li Muca għandu dar tal-pubblikazzjoni tal-kotba, Albalibri. F’din il-parti Figliolia u Muca qraw numru sabiħ ta’ poeżiji minn tagħhom li ttrattaw suġġetti bħall-imħabba, il-mewt, il-familja u anki t-teknoloġija. Dawk preżenti setgħu jgawdu spettaklu mill-isbaħ fejn iż-żewġ poeti urew ukoll li l-poeżija hija wkoll divertiment, logħba bil-kliem, eżerċizzju li kapaċi jħallik b’ħalqek miftuħ u mibluh. Il-quċċata ta’ dan l-ispettaklu ntlaħqet meta ż-żewġ poeti flimkien qraw u fl-istess ħin iddrammatizzaw wieħed mix-xogħol tagħhom, b’Figliolia jdur u jgħanni vrusu fost dawk preżenti, filwaqt li Muca, bilqiegħda, jwieġbu, iservi ta’ eku, jgħid l-istess vrus imma b’ritmu jew ton differenti. Hawn wieħed jifhem li l-poeżija xi drabi għandha tiġi wkoll mgħajta.
Kienet Lejla ta’ Poeżija interessanti anki għax dawk li pparteċipaw kienu ta’ etajiet differenti, b’parteċipazzjoni femminili qawwija u anki poeti żgħażagħ. Huwa żgur li Lejliet u okkażjonijiet bħal dawn ħaqqhom udjenza ħafna ikbar, anki għax dawk preżenti jkunu jistgħu jgawdu minn esperjenza speċjali u mhux daqstant frekwenti.
Din mhix l-ewwel darba li l-Għaqda Poeti Maltin stiednet poeti barranin. Insemmu lil Stephen Morris mill-Ingilterra, u lil Paola Mara De Maestri mill-Italja.
Lejn l-aħħar tas-serata dawk preżenti setgħu jixtru xi pubblikazzjonijiet tal-poeti mistednin. Alberto Figliolia u Clirim Muca mbagħad ffirmaw il-kotba tagħhom. Okkażjonijiet bħal dawn huma ideali biex poeti lokali u dawk li jħobbu l-poeżija jiltaqgħu ma’ talenti barranin u jpartu ideat u esperjenzi.
Din il-Lejla ġiet irrappurtata wkoll fl-Italja. Ara l-link:
http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=12563
u ara l-blogg tal-Ghaqda Poeti Maltin: http://www.ghpm.blogspot.com/