Wednesday, March 20, 2013

Id-Duluri - Kitba tal-Kav. Joe M. Attard


 Jekk l-Imgħallem Divin kellu jara Passjoni sħiħa sakemm ruħu nfirdet minn ġismu wara tliet sigħat ta’ agunija fuq għuda ta’ salib imsammar u mgħolli bejn żewġ  ħallelin, xejn inqas ma batiet Ommu Marija tishar u tara lil Binha bla ma tista’ tagħmillu xejn.


Anzi forsi nistgħu ngħidu li jekk it-tbatija ta’ Ġesù bdiet mat-tlett snin tal-ħajja pubblika  tiegħu  fuq din l-art u laħqet  il-quċċata tagħha mal-kelmiet “Consumatum Est” – Kollox Mitmum – dik ta’ Marija kellha l-bidu tagħha  ferm u ferm qabel.  Għalhekk ma niskantawx li din l-Omm tagħna ngħatawlha daqstant ismijiet għad-duluri li kellha tara.

Forsi għalina tas-Seklu Wieħed u Għoxrin,  l-isbaħ isem li nistgħu nagħtu lil Marija huwa “Salus Infirmorum” – Saħħa tal-Morda” – u dan bir-raġun, għaliex  il-bniedem ta’ żmienna huwa marid sewwa.  Iżda għalkemm ninsabu mdawrin b’tant tobba, ħadd minnhom għadu ma sab tarf din il-marda li ma hix waħda ekonomika bħalma jaħsbu ħafna. Lanqas ma hi waħda soċjali inkella politika, bħalma jemmnu xi wħud.  Il-bniedem modern huwa marid b’marda ferm iktar fonda u serja milli juru dawn is-sintomi li għadna kemm semmejna.

Għalkemm jidher li l-bniedem ma jonqsu xejn, u sab tarf ta’ kollox, għal kuntrarju     huwa jonqsu l-aqwa ħaġa. Il-bniedem fil-fond ta’ qalbu, jixtieq isib is-sigriet tal-vera paċi u tal-veru ferħ.  Il-bniedem jixtieq jaf il-verita’ u għandu għatx kbir għal dak kollu li hu sabiħ.  Il-bniedem ta’ żmienna jixtieq isib lil Alla li huwa l-għajn ta’ kull grazzja u ġid.

Jekk aħna ma ninżgħux il-bniedem il-qadim u nilbsu l-bnidem il-ġdid, m’aħniex sa naslu biex niltaqgħu mal-Feddej tagħna.  Il-mediċina  tal-vera paċi tahielna darba dak li llum huwa msejjaħ Missier ir-Relattivita’; il-bniedem li ħoloq il-bomba atomika.  Il-Professur Albert Einstein qal li l-problema li qed iħabbat wiċċu magħha l-bniedem modern ma hix dik tax-xjenza, iżda kif sa jirnexxilu dan il-bniedem ibiddel moħħu u qalbu. Dak li ġie biex jagħmel il-Battista;  dak li ġie biex jagħmel Kristu nnifsu;  dak hu li rnexxielu jagħmel l-ewwel Papa, San Pietru, meta mibdul kif kien, wara li niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli, ħareġ minn ġewwa ċ-Ċenaklu u għamel l-ewwel priedka tiegħu u kkonverta eluf ta’ nies.

L-Omm tagħna Marija mhux forsi l-istess qed titlob minna!   Hija tixtieq tarana ninbidlu kompletament biex inkunu nistgħu nogħġbu lil Binha.  Fid-dehriet tagħha ġewwa Pariġi fi Franza fl-l830 lil Katerina Laboure’; ġewwa La Salette lil dawk it-tfal; ġewwa l-grotta ta’ Massabielle f’Lourdes fis-sena l858; f’Pontmain l2-il sena wara u issa wkoll fis-seklu li għadu kemm ħalliena ġewwa l-Portugal – mhux l-istess ħwejjeġ dejjem talbet il-Verġni Mbierka!

Din l-istess Mara kellha wkoll iġġarrab duluri l-iktar kbar u profondi meta kienet għadha tgħix bejn l-erba’ ħitan ta’ darha flimkien ma’ Ġesù u l-mastrudaxxa Gużeppi, l-għarus kastissimu tagħha u l-Missier Putativ ta’ Ġesù.  Sebgħa duluri kellha ġġarrab li fnewha sa l-aħħar.  Dawn id-duluri kienu ta’ tliet xorta;  Marija sofriet  fil-ħsieb tagħha  għaliex kienet dejjem tistenna  l-agħar li għandu jiġi.

Li tgħix f’tensjoni kontinwa hi xi ħaġa li tista’ twassal għal ġenn, li therri n-nervi, li tkisser u ġġib fix-xejn il-qlub anke ta’ l-iprem azzar. Marija, imbagħad, sofriet fil-qalb tagħha  għax kellha mħabba perfetta lejn binha Ġesù.  It-tama tagħha kienet kollha fih;  għaliha dan binha, kien l-alfa u l-omega, il-bidu u t-tmiem ta’ kollox.  Marija sofriet ukoll fir-ruħ u r-rieda tagħha, għaliex hija kienet marbuta ħaġa waħda mal-volonta ta’ Alla.  Il-fiduċja tagħha kienet biss fih u ma setgħet issib l-ebda faraġ fil-bnedmin, huma min huma.

Jeħtieġ li aħna naħsbu ta’ spiss fuq it-tbatijiet tagħha ħalli jkollna s-sabar u nsibu l-faraġ u l-hena fit-tbatijiet tagħna.  Induru lejha fis-siegħa tat-tiġrib u tad-dwejjaq tagħna għaliex żgur li ħadd daqsha ma jista’ jifhimna u jagħdirna, hi li għaddiet
minn baħar ta’ niket u hemm, u nitolbuha tgħinna kif għamel darba dak l-imnikket tal-poeżija fil-versi tal-poeta t-tabib Rużar Briffa:

“O Madonna tad-Duluri
Mhux il-ward
Jien fittixt ħa nsebbaħ darek
U nfewwaħlek lil altarek,
Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri
U l-għollieq marrad, musfari,
O Madonna tad-Duluri,
Dana biss.

O Madonna tad-Duluri
L-oħrajn ġew
U bid-deheb għammru lil darek,
U bil-ħaġar sawwru altarek –
Jiena biss kont il-barrani,
Mingħajr ward u deheb il-għani,
Jiena biss!

O Madonna tad-Duluri
Ma stmerrejtx
Int l-imnikket ġewwa darek,
“Mma tbissimt minn fuq altarek,
Kollok ħlewwa, kollok ħniena,
Serraħt int lill-qalb għajjiena,
Inti biss!”

Bir-raġun immela, fi tmiem il-purċissjoni tal-Gimgħa l-Kbira, insibu tiddomina l-istatwa simpatika tad-Duluri, għaliex hija din l-Omm Imnikkta li torbot kollox; hija din l-Omm li ġarrbet waħidha t-tbatijiet ħorox ta’ Binha, seba’ duluri li raw il-bidu tagħhom ma’ għeluq l-erbgħin jum mit-twelid taċ-ċkejken Ġesù sal-mewt u d-difna ta’ Kristu f’qabar li mank biss kien tiegħu.

Fil-ġżira Għawdxija, matul il-ġimgħa tad-Duluri, jsiru iktar minn purċissjoni waħda bl-istatwa ta’ l-Addolorata, xhieda sħiħa f’din l-Omm Imnikkta. Fil-belt Victoria toħroġ waħda mill-knisja qadima ta’ San Gakbu fejn insibu statwa tassew devota tagħha. F’din il-purċissjoni jieħu sehem l-Isqof Djoċesan u l-Fratellanza antika tad-Duluri flimkien ma’ għadd kbir ta’ nsara, ħafna minnhom mexjin ħafjin, sinjal ta’penitenza inkella b’riżultat ta’ grazzji maqlugħa.  Fix-Xewkija mbagħad, din il-Purċissjoni tieħu s-sura ta’ Pageant, bid-daqq tal-banda, u tiġbed nies minn kull rokna tal-gżira tagħna.

Il-Ġiżwita Raoul Plus, fil-ktieb tiegħu “Mary, our Soul Life”, jirrakkonta leġġenda dwar it-Tmien Dulur tal-Madonna.  Huwa jgħid li kien hemm raġel żagħżugħ li kellu drawwa li jżur id-Duluri kuljum.  Darba fost l-oħrajn, disgrazzjatament, kien jinsab fid-dnub il-mejjet.  Meta bħas-soltu mar iżur lill-Addolorata, ħa l-qatgħa ta’ ħajtu – lemaħ stallett ieħor f’sider Marija biswit is-sebgħa l-oħra.  Bilġri mar jistqarr ħtijietu fi ħdan il-konfessur.  Kbir kien il-ferħ tiegħu meta reġa’ lura f’riġlejn il-Madonna u sab li dak it-Tmien Dulur kien għeb.

Din hija biss storja iżda kemm għandha messaġġ qawwi għalina l-insara tas-Seklu 21!  Għandna nagħmlu minn kollox biex lil din l-Omm tagħna mhux biss ma nżidulhiex mad-duluri tagħha, iżda nagħmlu ħilitna biex dawk li għandha  nnaqsuhomlha jew ta’ linqas intaffuhomlha mill-aħjar li nistgħu.

Nixtieq għalhekk nagħlaq din il-kitba billi nissellef xi ftit mill-vrus tal-poeta Rużar Briffa li huwa kiteb fl-l957 fil-poeżija tiegħu “Mater Dolorosa”, biċċa xogħol li tiddeskrivi t-triq imwiegħra li kellha tterraq Marija wara Binha sakemm ratu arbulat fuq salib ta’ l-għuda f’agunija l-aktar ħarxa:

“Fil-ħemda ta’ ġnejna mudlama
Taħt kenna ta’ xwejħa żebbuġa
Qed togħtor, bil-għaja miksura
Il-qalb minn ta’ bniedem mifluġa.

Kemm bogħod qiegħed jidher is-Sema
Fejn qiegħed isaltan Missieru
Fuq l-art qed tinfena Qalb Ommu
Dik l-Omm li għażillu Missieru.

U l-bniedem, li twieled bħal Bniedem,
Fil-ġuf minn tal-Mara magħżula
Xtaq jerġa’ ġol-kenna ta’ ġufha
Imbiegħed mis-slaleb u l-ħbula.

‘Mma l-bniedem sab mewtu bħal bniedem
Imqaċċat mill-Omm li ħabbitu
}a jifdi lid-dinja qarrieqa
Li f’ġenn ta’ mibegħda sallbitu.

U l-Omm li minn dejjem magħżula
Biex twelled il-Bniedem bla dnub,
Għad-dnub ta’ ħaddieħor tilfitu
Imżeblaħ, għarwien u Mislub.”


Kav. Joe M. Attard
Victoria Għawdex