Tuesday, June 24, 2014

10 snin mill-mewt tal-Fundatur tal-Għaqda Poeti Maltin, Mons. Rev. Amante Buontempo

L-24 ta’ Ġunju 2014 jaħbat l-10 anniversarju mill-mewt tar-Rev. Mons. Amante Buontempo. Huwa twieled l-Isla, fil-15 ta’ Ottubru 1920. Ħa l-ewwel trobbija tiegħu f’Bormla fejn għex ma’ familtu sakemm kellu 18-il sena. Wara marru joqogħdu l-Belt Valletta u waqt il-gwerra fix-Xagħra, Għawdex. Ta’ 14-il sena daħal is-Seminarju u aktar tard studja l-Vatikan. Kien membru tax-Xirka għat-Tixrid tal-Ilsien Malti. Kiteb mijiet ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan li bdew jidhru sa mill-1940. Amante Buontempo waqqaf l-Għaqda Poeti Maltin fl-1975 u tagħha kien President għal snin twal. Aktar tard kien ukoll President Onorarju. Il-poeżiji tiegħu dehru f’pubblikazzjonijiet kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta. Ironikament il-versi tiegħu ġew apprezzati iktar barra minn xtutna. Xi jgħidu tliet persuni li ħadmu qribu?

Charles Magro (President tal-Għaqda Poeti Maltin) - Mons. Buontempo ħalla din il-ħajja propju f’Ġunju 2004, għaxar snin ilu.  Meta miet kellu 84 sena.  F’ħajtu kellu tliet missjonijiet li kien jaqdi b’passjoni kbira.    L-ewwel missjoni kienet is-Saċerdozju.  Mons. Buontempo kien Qassis li kien iħobb il-Knisja iktar minn kull ħaġa oħra.  Il-Ministeru għalih kellu prijorità assoluta.  Kien bniedem intelliġenti ħafna u għamel żmien jaħdem ukoll fit-Tribunal Ekkleżjastiku.  Ftit snin qabel ma miet inħatar Kappillan tal-Q.T. San Ġwanni Pawlu II, Papa. It-tieni kienet il-familja.  Il-familja numeruża tiegħu kienet magħquda ħafna, u kienu ħafna l-membri li ddistingwew ruħhom f’xi qasam tal-ħajja jew f’ieħor.  Wara l-mewt t’ommu u ta’ missieru baqa’ jgħix m’oħtu, u meta beda javvanza fl-età żewġ ħutu sorijiet telqu l-kunvent biex iduru miegħu aħjar. It-tielet kienet il-poeżija.  Kiteb eluf u eluf ta’ poeżiji  bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan.  Dan barra l-proża u xogħlijiet oħra ta’ drama.  Rebaħ għadd kbir ta’ premjijiet u onorifiċenzi.  L-Akkademja tal-Arti u l-Kultura ta’ Taiwan ħatritu Poet Laureate Internazzjonali.  L-Awstralja ħatritu International Bard.  Kien onorat miċ-Ċentru tal-Bijografija Internazzjonali ta’ Cambridge, l-Ingilterra, li ħatru wkoll Deputat Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni.
Fl-1975 waqqaf l-Għaqda Poeti Maltin, li għadha attiva ħafna sal-lum.  Kien il-President tagħha għal 25 sena, u mbagħad inħatar President Onorarju sakemm miet.  Bil-ħidma sfiqa tiegħu u tad-diversi Kumitati l-Għaqda Poeti Maltin kellha ħafna suċċessi, u rnexxielha xxerred l-imħabba għall-poeżija mal-erba’ rjiħat ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll barra minn xtutna.  

Alfred Massa (President Onorarju tal-Għ.P.M.) - Mons. Dr Amante Buontempo u jien konna ilna nafu lil xulxin mis-sittinijiet, imma l-ħbiberija tagħna ssuktat tidħol ’il ġewwa mat-twaqqif tal-Għaqda Poeti Maltin fl-1975. Mons. Buontempo kien bniedem ta’ prinċipju u għat-twemmin li kien jemmen fih kien lest jagħti ħajtu.  Fil-fatt, bata bosta inġustizzji għax wera bil-miftuħ  il-prinċipji tiegħu. Kien jaf tajjeb diversi lingwi b’mod partiklari t-Taljan, l-Ingliż, il-Latin u naturalment il-Malti.  Kellu kuntatti ma’ diversi għaqdiet kulturali barranin; tant, li kien mistiedem jindirzza għal darba, tnejn  il-World Congress of Poets. Il-ħasra hi, li Mons. Buontempo kulturalment kien aktar apprezzat barra minn xtutna milli f’art twelidu; qasma ta’ qalb li ġarrha miegħu fil-qabar. Nittama li llum, għaxar snin wara mewtu, Mons. Buontempo għadu u nittama jibqa’ ħaj għal ħafna u ħafna snin għas-sehem li ta b’risq il-poeżija, b’mod partikulari f’pajjiżna.
 
Emmanuel Attard-Cassar (Membru tal-Għ.P.M.) - Għandi ħafna tifkiriet ta’ Mons. Amante Buontempo. Fis-snin disgħin billi kont għadni ġuvni u kont noqgħod il-Furjana kont inħobb nidħol sal-Belt u kif inkun hemm ngħaddi sa għandu u noqogħdu npaċpċu ftit. Kien bniedem bla kantunieri u kelma jgħidha kif iħossha imma darba qalli li jekk l-argumenti tiegħu jeħduha kontra l-argumenti ta’ ħaddieħor ma jfissirx li hu qed jeħodha kontra ħaddieħor. Kien iħossu bħala dmir li jiddefendi dak li hu jħoss li huwa s-sewwa u qatt ma qagħad lura minn dan. Kien saċerdot u poeta leali għal dawn iż-żewġ vokazzjonijet. Lill-Knisja kien jiddefendiha bi ħġaru u fil-kitba tiegħu kien spiss jesprimi ruħu permezz tal-poeżija.

[3 ġabriet ta' poeżija ta' Amante Buontempo: Mix-Xquq ta' Qalbi (1987); Quid Retribuam? (2000); Si Vis Pacem Cane Semper (1973)]