Wednesday, July 28, 2010

MEMBRU TAL-GHAQDA POETI MALTIN F'MELBOURNE

Il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria

jilqa' lill-Poeta Malti

Emmanual Attard-Cassar

(minn Paul Vella)

Nhar il-Ħadd, 11 ta’ Lulju, il-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria (GLM), organizzaw Serata ta’ Poeżija u Mużika Maltija, fis-Sala taċ-Ċen

tru Malti ta’ Parkville.

F’din is-serata huma taw merħba lill-poeta Malti Dr Emmanuel Attard-Cassar, li bħalissa jinsab fuq btala f’Melbourne.

Għal xhur sħaħ kienu qed isiru preparamenti bejni u bejn Emmanuel

għal din il-laqgħa.

Emmanuel huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin, li l-President tagħha huwa s-Sur Alfred Massa. Emmanuel iżomm il-pożizzjoni ta’ Segretarju Internazzjoni fuq l-istess kumitat.

Din hija t-tieni żjara tiegħu f’Melbourne, għalkemm l-ewwel darba

kien ġie hawn waħdu. Din id-darba huwa ġie flimkien mal-familja tiegħu -- martu, Maria, u żewġ uliedhom, Valentina u Jack.

Madwar 50 ruħ attendew għal din is-Serata li bdiet fis-2 pm.

Fost dawk preżenti kien hemm il-Konslu Ġenerali ta’ Malta fil-Victoria, is

-Sur Charles Mifsud, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Anna Maria. Jirrappreżenta lill-Kunsill Malti tal-Victoria, kien hemm il-Viċi President, is-Sur Gejtu Deguara, flimkien mas-Sinjura tiegħu, Mary.

Paul Vella, PRO tal-GLM, flimkien ma’ Ray Anastasi, Teżorier, mexxew il-programm.

Paul beda biex ta merħba lil dawk preżenti u rringrazzjahom li għoġobhom jattendu.

Wara li tkantaw l-Innu Malti u dak Awstraljan, il-President tal-GLM, Dr Victor Sammut, indirizza lil dawk preżenti, fejn fisser il-għan tal-Grupp.

Imbagħad, il-mistieden tal-lejla, Emmanuel, ġie mistieden biex jaqra xi xogħol poetiku tiegħu. Imbagħad membri tal-GLM qraw poeżiji, kemm tagħhom kif ukoll ta’ poeti oħra, b’interventi mużikali, kemm kanzunetti Maltin kif ukoll mużika fuq il-mandolina mill-membru Laurie Armato.

Membri tal-Grupp li qraw xi xogħol, kienu Dr Victor Sammut, is-Sur Charles Mifsud, Ray Anastasi, Marie Louise Anastasi, Paul Vella, Joe Camilleri, Dr Lou Drovenik, Michael Xuereb, Maria Catania, Laurie Armato, Rosemary Attard, Fredu Cachia u Manwel Cassar.

Bejn il-qari ta’ dawn il-poeti Maltin-Awstraljani, indaqqet aktar mużika Maltija u sar aktar qari minn Emmanuel, fejn kompla jaqra xogħol ta’ membri tal-Għaqda Poeti Maltin ta’ Malta. Il-membri tal-Ghaqda Poeti Maltin li taghħom inqrat poeżija huma Alfred Massa, Mary Doris Chircop, Miriam Ellul, Charles Magro, Dr Joseph Axiaq u Patrick Sammut. Inqrat ukoll poeżija bl-isem ta' "Malta" miktuba mill-poetessa Taljana Paola Mara De Maestri. Il-poeżija originali hija bit-Taljan imma fil-laqgħa inqrat traduzzjoni bil-Malti minn Emmanuel.

Wara li spiċċa l-qari kollu, Emmanuel wieġeb għal xi mistoqsijiet li sarulu minn dawk preżenti dwar l-Għaqda tagħhom f’Malta u l-poeżija Maltija.

Imbagħad, il-President tal-GLM, f’isem il-Grupp, ippreżenta numru ta’ kotba lis-Sur Attard-Cassar, fosthom antoloġiji ta’ poeti Maltin Awstraljani, CD b’poeziji minn Laurie Armato u recording tal-Lejla Mużiko-Letterarja li nżammet fic-Centru Malti f’Settembru li għadda, xogħol ta’ Paul Vella.

Min-naħa tiegħu, Emmanuel, f’isem l-Għaqda Poeti Maltin, għamel preżentazzjoni ta’ kotba ta’ poeżiji u antoloġiji, kif ukoll midalja li l-Għaqda tagħhom ħarġet f’għeluq l-għaxar snin mit-twaqqif tagħha, snin ilu.

Il-President tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Alfred Massa, bagħat messaġġ lill-membri tal-GLM u l-Komunita` Maltija, f’forma ta’ DVD.

Wara li spiċċa kollox ġew servuti xi rinfreskanti u xi ħaġa tal-ikel u ħelu lil dawk preżenti.

Grazzi jmur għal dawk li għenu b’xi mod jew ieħor biex din is-serata tkun ta’ suċċess li kienet, speċjalment lil Laurie Armato, is-Sur Gejtu Deguara u lill-MCCV li pprovdew is-sala, kif ukoll lil Salvina Vella u Sam u Yvonne Caruana u ħadu ħsieb jippreparaw l-ikel għal wara.

Din is-serata kienet bla ebda ħlas għal dawk li attendew.

RAPPORT FUQ L-ISTESS ATTIVITA` JISTA' JINQARA BIT-TALJAN F'DIN IL-LINK:

UN RAPPORTO SU QUESTA ATTIVITA` PUO` ESSERE LETTO IN ITALIANO SU QUESTO LINK:

http://www.tellusfolio.it/index.php?prec=%2Findex.php&cmd=v&id=11385