Sunday, October 21, 2018

XEMX SEWDA. PASSIĠĠIERI MUTI: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL TARĊISJU ZARB:


1.     Xemx Sewda Passiġġieri Muti u Fraġli. Poeżiji u  Metalinji (ko-awturat ma’ Andrew Sciberras) huma l-iktar ġabriet ta’ poeżija riċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldu? Il-poeżiji li nsibu hawn huma mera tal-vjaġġ riflessiv/spiritwali tiegħek. Xi tgħid dwar dan?

Il-poeżija, għalija, illum il-ġurnata, saret mod kif jiena nitkellem... jekk xejn, waħdi. Mod kif jiena nikteb dak li n-nixxiegħa tas-subkuxjent... il-fluss tal-ħsus-intuwizzjonijiet-konjizzjonijiet isenslu minnhom infushom u ma' xulxin, hekk kif inkun qiegħed nikteb. Ovvjament, jorbtu lil dawn in-nixxigħat ikun hemm xi tip ta' angst, diq, sensazzjoni, emozzjoni, emmna... xi tip ta' qagħda ta' ruħ speċifika, u l-poeżija jew forsi aħjar, il-poelinji tiegħi jservu bħala l-'kontenitur', jew il-'veikolu' ta' dawn is-sottorenitajiet ta' ruħi. Huma mod, għaldaqstant kif jiena naċċessa xi naħa jew oħra tal-memorji remoti tiegħi, hekk kif dawn jidħlu fil-memorja tat-tiħdim tiegħi, kif ukoll fil-memorja hekk imsejħa l-qasira. Minnhom jiena niskopri x'jista' hemm li qiegħed isawwarni fil-keded u l-ferħiet ta' kuljum... fin-nisġiet interminabbli tat-tidwid u thewdiniet ta' dak li hawn min forsi jsejjaħlu s-subkuxjent, jew il-qagħdiet għaddejjin jissingjaw minn naħa għal oħra tar-reġjuni tal-moħħ.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fil-versi tiegħek?

Iċ-ċans hu li forsi hemm xi tema jew tnejn jew forsi aktar fil-poelinji tiegħi. Imma, naħseb jiena aktar milli jiena tematikament xprunat f'kitbieti, aktar hemm xi qagħda jew oħra ta' ruħ... xi tip ta' 'forma mentis' li taħkimni għal xi żmien, u din issib il-mod kif titla' fil-wiċċ permezz ta' strateġiji lingwistiċi varji, li aħna nsejħulhom poeżiji, poelinji, poeproża, proża-poetika u l-bqija. Għaldaqstant għalkemm, forsi hawn min iqis li d-'diq' jista' jkun 'perennità' fil-poelinji tiegħi, fil-qiegħ nett ta' dan id-'diq', forsi hemm mhux wisq daqshekk diq... mhux wisq daqshekk 'xemx.sewda. passiġġieri.muti', daqskemm it-tidwid tas-sensazzjonijiet u t-taħdit-ġewwieni kontinwu li ilu jsawwarna sa mill-ewwel jiem tal-infanzja tagħna. Huwa dan li jwassalni biex nikteb... jekk xej', nara xi jkun għaddej. Meta, madankollu, niġi wisq konxju ta' dak li nkun qiegħed nikteb, u għaldaqstant it-tema tirbaħ lil-'lehma', inħossni xi ħaġa oħra, aktar milli poelinjatur. Madankollu jekk wieħed kellu jilbes il-libsa tal-'kritiku', iċ-ċans hu li wieħed isib fil-poelinji tiegħi, temi eżistenzjali, daqskemm plebejċi, daqskemm ta' xeħta kritika marbuta ma' din l-art li tatna isimha.

3.      Min huma l-qarrejja ta’ Tarċisju Zarb? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Il-qarrejja ta' Tarċisju Zarb huma Tarċisju Zarb innifsu, li waqtiet jieqaf jara x'kiteb, bħala l-qarrej, tad-darba waħda 'kittieb', u dawk l-inzertaturi ta' nies, li jkunu preżenti fil-facebook, u waqtiet jieqfu jaraw xi linji jew tnejn, jew forsi aktar minn dawn il-poelinji. Hemm min, madankollu li jieqaf wisq aktar minn daqsxejn jirrumina fuq dawn, jew xi wħud minn dawn il-poelinji. Il-mara tal-ġmiel, ngħidu aħna, darba waħda tolqot korda f'xi qarrej/ja partikolarti, tista' twassal biex wieħed/waħda jħoss/tħoss li qiegħda tiġi indirizzat/a hu/hi, u għaldaqstant, jibda d-djalogu intimu bejn il-poelinjatur u l-qarrej/a. Wara kollox kull att ta' kitba, jeżisti dejjem f'termini ta' kittieb-qarrej, u dan il-proċess kittieb-qarrej, jinsab għaddej il-ħin kollu, anke meta l-kittieb innifsu jerġa' jaqra u għaldaqstant 'jikkonstraktja', jew 'jiddikonstraktja' mill-ġdid id-discourse poelinjiku tiegħu. Tajjeb ingħid, madankollu, li mara, illum mejta, kitbitli minn fuq is-sodda tal-isptar u qaltli li kienet taqra l-poeżiji tiegħi, mill-isptar fejn imbagħad wara mietet. (Hawnhekk ħassejt li l-linji tiegħi kienu jeżistu wkoll x'imkien ieħor... fi bniedma li kienet fil-qagħda estrema tal-ħajja, li fiha tħobb issorġi l-poeżija - il-linja-rqiqa ta' bejn il-mewt u l-ħajja.) Oħrajn, jidħlu f'dawn l-istess poeżiji b'saħħa, saħansitra li jimmedesimaw ruħhom mal-protagonistiċità ta' xi karattru jew spirtu, u jew jiktbu huma nfushom bl-istess mod, jew inkella jsawru xi kostrutt poelinjiku skont huma. Il-poeżija darba waħda tinkiteb, kif nafu lkoll, imbagħad tieħu l-linji tagħha u l-forom tagħha hi. Hi ssir xi ħaġa oħra, indipendentement mill-poelinjiku nnifsu, kif ukoll mill-istess lingwa-użata biex tinbena.



4.      Kotba oħrajn reċenti tiegħek huma Solitudnijiet Imkenna u Titwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom (flimkien ma’ Andrew Sciberras), fejn naraw lilek anki bħala kritiku u kummentatur tal-letteratura. X’hemm li jorbot il-poeżija u l-ħsieb kritiku tiegħek flimkien? X’hemm li jiddistingwihom, anki fil-fażi meta tkun qed tiktibhom?

In-nebħ kritiku, jew l-akkumpanjament analtiku tiegħi, huwa sors ieħor ta' nebħ poelinjiku. Huwa mod kif jiena naqra l-poeżija, test jew xi tip ieħor ta' ġeneru ta' kitba, li jista' jkun lingwistiku, antropoloġiku, narrattiv, psikoloġiku, soċjoloġiku u l-bqija u jiena nipprova narah jiena, skont il-metanarrattiva tiegħu. Dan hu proċess, li kif taf int bħala għalliem, aħna nagħmluh il-ħin kollu mal-istudenti. Għaldaqstant, fil-kritiċità ta' test speċifiku, aħna noħolqu, bħal qisu t-test/text mill-ġdid, jew għal rasna, jew flimkien mal-istudenti, biex hemmhekk aħna nkunu nistgħu naraw bħal qisu l-iskeletriċità tat-test inkwistjoni. B'dan il-mod, anke aħna hawnhekk niksbu esperjenzjalità ġdida, u dan niżżuħajr 'l Alla, permezz u mal-istudenti tagħna, li flimkien ikollna ċ-ċans nissussultaw minn test 'mejjet', ħajja oħra li twassalna biex naraw kif kittieb speċifiku / kittieba speċifika, jirnexxilna twassal xi tip ta' realtà soċjali-psikoloġika-filosofika-teoloġika. B'dan il-mod ngħixu u ngħajxu lill-ispiritwalità -- il-filosofiċità u l-ħajja 'intellettwali' tagħna. Kull test li jiġi mgħoddi mill-għarbiel tal-analiżi huwa test li jgħinna mhux biss 'nifhmuh', jew 'inħossuh' jew 'insawruh' mill-ġdid skont aħna, imma nagħtuh ukoll sens ġdid, skont il-burdata... qagħda ta' ruħ... għerf u għarfien li jkollna dwar is-'suġġett', tema jew stat mentali li jkun mgħobbi bih it-test.

5. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Il-letteratura, kif ukoll kif tip ta' test miktub, moqul jew mismugħ hu mod kif aħna nistgħu ngħixu u nixtarru dak li nkun qegħdin ngħixu. Fil-każ tagħna, il-kelma, jew aħjar il-mod kif aħna nsawru u nissingjaw ma' xulxin ġemgħat ta' morfemi li bihom insawru s-semantiċità u l-pragmatiċità tagħna, jgħinuna biex aħna ngħixu, u jekk Alla jagħtik il-grazzja li tkun għalliem/a, ikollok iċ-ċans ukoll li dak li għandu mnejn ikun qiegħed iseħħ fis-solitudnijiet tiegħek, issa jkollok ċans taqsmu ma' ħaddieħor. Idealment, wieħed għandu 'jikkrossja' bejn lingwi u suġġetti ta' xeħtiet interdixxiplinari, biex b'hekk wieħed jisfronda l-oqfsa ta' lingwa jew qasam ta' tagħlim partikolari u jarah dejjem b'mod ġdid fid-dawl ta' paradimmi oħra ta' oqsma ta' għerf-għarfien oħra.

(F'dan il-proċess nista' niżżiħajr lill-istudenti tiegħi ta' kull żmien u dawn l-aħħar snin, lil Dr Andrew Sciberras, kollaboratur uniku, lilek Patrick Sammut, bħala ż-żagħżugħ-għalliem ta' dejjem, u lil kull min jieqaf, kif nieqaf jien jipprova jisma' l-poetiċità tal-qiegħ ta' ruħna, bil-lingwi li jsawrulna ħsusna u ħsibijietna.  Ovvjament hemm oħrajn, fosthom Prof. Charles Briffa u oħrajn li l-preżenza tagħhom fil-poeżija hija wisq akbar minn isimhom, għax huma l-qarrejja assidwi li jimmedesimaw ruħhom fl-eżistenzjalità tal-istess terriċċju poetiku.)



No comments: