Monday, October 22, 2018

PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL ANDREW SCIBERRAS

1. El Duende hi l-iktar ġabra ta’ poeżiji reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv/spiritwali tiegħek jew hemm ukoll elementi ġodda?
Staqsejtni dwar l-isem tal-ktieb El Duende, hux hekk? L-esej ta’ Federico García Lorca intitolat Play and Theory of the Duende (1933) hu xogħol artistiku tal-ogħla livell. Jien qed nislet ħsieb dwar dan it-terminu mill-ambjent Malti li twelidt fih, imbagħad se nberrħu għall-poeżija tiegħi. Meta kelli bejn wieħed u ieħor għaxar snin, ommi kienet tgħidli biex ma mmurx nilgħab waħdi fil-ġnien ta’ ħdejna, għax fih hemm mistoħbi għafrit ikrah u jiblagħni. Illum naf li dan kienet tagħmlu biex nibqa’ ġewwa u ngħinha fix-xogħol tad-dar.
 
Fir-realtà l-għefieret jeżistu tassew f’kull wieħed u 
waħda minna, u ta’ kuljum irridu nissieltu magħhom 
biex ma jagħmlux ħajjitna u ħajjet l-oħrajn 
miżerabbli. Fil-Buddiżmu dawn jissejħu 
emozzjonijiet afflittivi (afflictive emotions) li 
jikkawżaw xi forma ta’ tbatija. Dawn huma r-regħba 
(lobha), il-mibegħda (dosa), id-delużjoni (moha), il-vanità (māna), il-fehmiet żbaljati (micchāditthi), 
id-dubju (vicikicchā), l-apatija (thīnaṃ), in-nuqqas ta’ sabar (uddhaccaṃ), in-nuqqas ta’ mistħija 
(ahirikaṃ), u n-nuqqas ta’ ħsieb korrett (anottappaṃ).
 
Fil-poeżiji tiegħi (b’mod konxju u aktar inkonxju) jirnexxili noħloq kwadri li t-tema prinċipali 
tagħhom hija t-tbatija, l-aktar dik eżistenzjali. B’xi mod jew ieħor dawn l-għaxar emozzjonijiet 
afflittivi li semmejt hawn fuq isibhom inċiżi f’xogħlijieti, b’dak kollu li tirrikjedi l-poeżija. Il-kitba 
tiegħi żgur li ma tridx twassal xi kmandament ġdid jew toħloq xi strutturi  kif wieħed għandu 
jġib ruħu moralment. Dan qed jagħmluh ferm u ferm tajjeb l-istituzzjonijiet organizzati ta’ kull 
tip għal skapitu ta’ poter. Imma jekk wieħed ifittex sew fil-qiegħ nett tal-poeżija tiegħi għandu 
jsib il-kunċett tal-‘ispiritwalità kożmika’ li tappartjeni lill-umanità kollha. U din l-ispiritwalità 
ilha li ġiet mifhuma fl-Orjent ferm qabel il-filosfi tal-Oċċident. Illum anki n-nozzjoni ta’ 
‘Konoxxenza Unifikatriċi’ qed issib bosta appoġġ mix-xjenzati. Skont il-matematiku Ingliż, 
Sir Roger Penrose, iż-żerriegħa tal-Konoxxenza tinsab propju fil-qalba tal-univers. U din 
l-asserzjoni ġejja mill-fatt li t-teorija tal-quantum iġġagħalna bilfors inħarsu lejn il-kożmu mhux 
bħala kollezzjoni ta’ oġġetti fiżiċi, imma bħala xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet bejn kull partiċella 
subatomika li teżisti fih. Min studja ftit newroxjenza jaf li dan il-kunċett jgħodd ukoll għall-moħħ 
il-bniedem. Dan kollu li għedt hawn jirrelata flimkien. Il-vjaġġ poetiku tiegħi jsegwi din in-nixxiegħa 
ta’ kuxjent, u se jkompli jagħmel dan għax fil-frejm mentali tiegħi nemmen li ma jistax ikun mod
ieħor.

2. Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fil-versi tiegħek?

Dak kollu li jaqa’ taħt is-sensi tagħna, kif ukoll dak kollu li ma nistgħux nipperċepixxuh bihom.

 3. Min huma l-qarrejja ta’ Andrew Sciberras? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Staqsejtni min huma l-qarrejja tiegħi bħala poeta, hux hekk? Imma l-ewwel se nibda billi ngħid li l-mantell ta’ poeta jbeżżagħni qatigħ u żgur li mhux faċli li nxiddu. Fih toqol immens li ħafna drabi anki meta nikteb ikolli ma nilbsux. Nistqarr li kienu ftit il-mumenti li rnexxieli nilbsu u kienu ta’ turment tremend. Il-qarrejja tiegħi huma dawk li għandhom paċenzja ta’ Job biex jaqraw ħsus ruħi, għax dawn ma nwassalhomx b’mod dirett imma b’metafori, b’simboli, bi xbihat u b’għadd ta’ referenzi varji. Nemmen li għad jasal iż-żmien li ħadd aktar ma jinteressa ruħu fil-poeżija tiegħi, u għalija din ma tkunx sorpriża. Iżda sakemm l-inkwetudnijiet jew il-ħsejjes li għandi f’moħħi jibqgħu jippersegwitawni – u nħoss il-kilba li niktibhom – ma jkollix triq oħra għajr li nwettaq dan. Tal-anqas ikolli waqtiet qosra ta’ rilass mill-ansjetajiet eżistenzjali li jkidduni qatigħ.
4. Kotba oħrajn reċenti tiegħek huma Amor Fati u Titwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom (bis-sehem ta’ Tarċisju Zarb), fejn naraw lilek anki bħala kritiku u kummentatur tal-letteratura. X’hemm li jorbot il-poeżija u l-ħsieb kritiku tiegħek flimkien? X’hemm li jiddistingwihom, anki fil-fażi meta tkun qed tiktibhom?


Nemmen li l-ktieb Amor Fati (l-imħabba tad-destin) hu xogħol uniku fil-letteratura Maltija, u dan mhux jien għedtu imma bosta kittieba u l-aħjar kritiċi li għandu dan il-pajjiż. Kull min qara dan il-ktieb jaf li l-ewwel parti tiegħu hija introduzzjoni kemxejn twila bl-Ingliż biex wieħed jifhem ħajjet u xogħol il-filosfu Friedrich Nietzsche. Fit-tieni parti tal-ktieb wieħed isib poeżiji tiegħi bil-Malti li sawwarthom fuq xi wħud mill-ħsibijiet ta’ dan il-filosfu kbir, biex inkompli nuri kemm kien dinamiku u artistiku f’xogħlijietu. Dan hu forsi l-aktar ktieb li ngħożż għal bosta raġunijiet varji.
Fil-ktieb Mit-Titwila ta' Ruħhom naqbel kompletament mar-riċerka li ġabar Tarċisju Zarb dwar id-differenza bejn il-poeti u l-kritiċi. U hawn taħt se nislet silta minn studju xjentifiku li jikkonferma dan. Nissuġġerixxi lil dawk kollha li għandhom kopja ta’ dan il-ktieb biex jaqraw din il-kitba dettaljata li tibda minn paġna 71 u tispiċċa f’paġna 76. Dan l-istudju ta’ hawn taħt isostni li moħħ il-bniedem għandu l-fakultà li joltera minn sistema għal oħra meta wieħed ikun qed jikteb poeżija jew xi xogħol kritiku. (Dan jgħodd ukoll fejn jidħlu kunċetti oħra). Nemmen li dan ikun qed iseħħ f’moħħi meta nwettaq dawn iż-żewġ proċessi.
“Ta’ min jgħid, għall-inqas hekk isostni Jerry McGuire, li hemm iċ-ċans li filwaqt li dawk li aħna nsejħulhom kritiċi huma kkonċernati l-aktar f’aspetti bħalma huma r-ripetizzjonijiet u l-kuntrasti tat-temi u t-tifsiriet, il-poeti hemm ċans li jkunu aktar interessati f’dawk li huma ripetizzjonijiet u kuntrasti tal-vokali u l-konsonanti, il-fasliet ritmiċi, u kull tip ieħor ta’ ħoss tal-poeżija. Jew, biex inkunu aktar ċari, dawn iż-żewġ naħiet jidħlu f’xulxin, imma ċ-ċans hu li poeti u kritiċi jaqraw il-poeżija b’modi differenti.
Hemm ċans, hawnhekk, mingħajr ma nidħlu f’ħafna dettall, li l-kritiku u l-poeta jużaw sistemi differenti tal-moħħ. Kenneth Heilman, newropsikologu mill-Università ta’ Florida, jitkellem dwar tmien blokok interkonnettjati ma’ xulxin, li xi wħud minnhom jirreferu għal reġjunijiet tal-moħħ li huma magħrufa sew u definiti b’mod ċar, filwaqt li hemm oħrajn li l-ġeografija tagħhom mhijiex daqshekk ċara. Huwa jitkellem, fost ħwejjeġ oħra, dwar dak li jissejjaħ il-kortiċju awditorju (il-giru Heschl/Heschl’s gyrus) li b’xi mod – li ħadd ma jaf – jaqsam il-ħsejjes li jkunu deħlin fil-moħħ f’fonemi. Imbagħad ikun hemm il-lessiku tal-input – tidħil fonoloġiku (phonological input lexicon) li jikkorrispondi għall-erja Wernicke, li tiftakar il-ħsejjes tal-kliem varju. L-erja Broca għandha funzjoni motorja, li l-għan tagħha huwa li tagħmel il-ħsejjes tal-ħdit/taħdit (speech) u l-programmi tal-movimenti tal-ħdit-fonetiku (phonetic-speech movement programs). Fiha nsibu l-programmi biex niffurmaw kliem ġdid u ħsejjes oħra. Dawn iż-żewġ sistemi jiddependu fuq il-phonological output lexicon – li xogħlu hu li jiftakar il-kliem u ħsejjes oħra – u dak li jkun jistenna li jinterpretahom kif suppost għandhom jinstemgħu.
F’livell ogħla ta’ pproċessar tas-sistemi intenzjonali tal-moħħ (iċ-ċingulat anterjuri u l-lobi frontali) joħolqu dak li Steven Pinker isejjaħlu l-mentalese u jistimulaw is-sistemi tal-produzzjoni tal-ħdit (speech) biex ibiddlu dawk il-ħsibijiet mentali jew proto-utterances fi kliem fiżiku u sentenzi.
Fuq is-sit tal-input, hemm unitajiet ta’ għarfien ta’ oġġett (object recognition units) li jissejħu ventral temporal occipital lobe, li jassoċjaw kliem mal-perċezzjonijiet tal-oġġetti. Għaldaqstant, fl-ogħla livell tas-sistema verbali, hemm għalqa konċettwalment-semantika li għandha x’taqsam mat-tifsiriet (probabbilment imferrxa sew fil-lobi parjetali u temporali).
Quddiem dan it-tagħrif, wieħed jasal biex jgħid, f’termini sempliċi, li l-poeti jaqraw il-poeżiji primarjament f’termini tal-erjas Broca u Wernicke, filwaqt li l-kritiċi jaqraw primarjament f’termini ta’ għelieqi kunċettwali semantiċi fil-livell ta’ fuqu. Il-poeti huma aktar ikkonċentrati fuq l-output tal-ħwejjeġ, u dak li huwa speċjali fuq il-poeżija huwa l-ħoss.”

5. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-messaġġ tiegħi huwa għall-poeti t’għada. Fl-ewwel lezzjoni li tani l-Prof. Oliver Friggieri – li għadha stampata ġo moħħi sal-lum – kien qalli dawn il-preċiżi kelmiet: “Aqra kemm tiflaħ minn sferi ta’ għerf differenti, ara x’inkiteb qablek, u biex tikteb poeżija moderna tajba trid titkisser fuq il-metrika tradizzjonali.” Fl-aħħar nozzjoni Oliver Friggieri ried ifisser li kull tip ta’ kitba – f’dan il-każ il-poeżija – hija kontinwazzjoni ta’ dak li nkiteb qabilha. Fi kliem ieħor il-kitba hija bħal katina, li jekk tinqata’ ħolqa jew tnejn minnha ma tibqax sħiħa imma ssir bċejjeċ li jitferrxu ’l hemm u ’l hawn.

No comments: