Bħall-poeta nazzjonali Malti, Dun Karm Psaila, anki
l-poeta Taljan Andrea Zanzotto twieled u miet fix-xahar ta’ Ottubru. Zanzotto
twieled fl-10 ta’ Ottubru tal-1921, u dan fi Pieve di Soligo fil-provinċja ta’
Treviso, fir-reġjun tal- Veneto, mela fin-naħa ta’ fuq tal-Italja tal-Lvant.
Fis-sena 1922 il-familja Zanzotto marret tgħix f’dar fil-kwartieri ta’ Cal
Santa, dik id-dar li l-poeta spiss iddeskriva fix-xogħlijiet tiegħu, fosthom f’Autoritratto
tal-1977.
Matul is-snin 20 missieru, li kien pittur, disinjatur, u politikament
sostenitur ta’ Giacomo Matteotti, ġie akkużat li hu anti-faxxista, u dan meta
s-setgħa ta’ Mussolini kienet qed tikber bil-mod il-mod. Kien għalhekk diffiċli
għalih isib xogħol u b’hekk fl-1925 kellu jaħrab fi Franza fejn ħadem għal xi
ħbieb tiegħu.
Andrea Zanzotto kien diġà jaf jikteb ta’ 6 snin meta
daħal fl-iskola Primarja. Huwa jsostni li sa minn età bikrija kien jieħu gost
jisma’ l-kelma mużikata jew kantata.
Fl-1929 il-mewt ta’ oħtu Marina (ta’ 6 snin) baqgħet
tinfluwenzah matul ħajtu kollha. Missieru kellu jbati l-eżilju mill-ġdid
minħabba kwistjonijiet politiċi u familtu kellha tgħaddi minn problemi
finanzjarji minħabba d-dejn. Kien f’dan il-perijodu meta Andrea qorob lejn
in-nanna materna u zitu Maria, li, kif kiteb f’Uno sguardo dalla periferia, involvietu
f’biċċiet żgħar tat-teatru. Kien jieħu wkoll lezzjonijiet fil-mużika.
Aktar kemm Andrea avvanza aktar issaħħet id-deċiżjoni li
jikseb Diploma fit-Tagħlim, u dan biex jgħin fil-qagħda finanzjarja mwiegħra
ta’ familtu. Biex jagħmel dan kellu jivvjaġġa regolarment bejn id-dar u
Treviso. Kien f’dan iż-żmien (snin 30) meta twieled fih interess b’saħħtu
fil-letteratura. L-ewwel kitbiet li ppubblika kienu influwenzati sew mill-versi
ta’ Giovanni Pascoli. Fl-1937 mietet oħtu l-oħra, Angela, ta’ 14-il sena. Din
it-traġedja, flimkien mal-ivjaġġar lejn Treviso u l-istudji tiegħu dejjem
jiżdiedu bdew jgħajjuh sewwa. Beda jistudja l-Grieg u l-klassiċi, imma
fl-istess ħin beda jintlaqat spiss minn bosta allerġiji u anki mill-ażma, tant
li dawn bdew inisslu fih sens ta’ esklużjoni mill-attivitajiet soċjali.
Fis-sena 1939 daħal fl-Università ta’ Padova biex
jistudja l-Letteratura. Hawn beda jaqra x-xogħlijiet ta’ kittieba kbar bħal
Baudelaire, Rimbaud, Hölderlin, imma anki Goethe u Heine. Beda jistudja
l-Ġermaniż biex jaqra lil dawn tal-aħħar fl-oriġinal. Minkejja li qabel ta
lezzjonijiet privati, għallem għall-ewwel darba fi skola fis-sena 1940 bħala
għalliem sostitut. L-aħbar tal-bidu tal-Gwerra rat lill-familja Zanzotto
furzata tbigħ nofs id-dar ta’ Col Santa.
Minkejja li kienu s-snin tad-dittatura faxxista Zanzotto
skopra li bosta studenti kienu jaġixxu indipendentement. Fis-sena 1942 għamel
preżentazzjoni dwar il-poeta Taljan Eugenio Montale, fejn interpreta
l-pessimiżmu tiegħu f’dawl politiku u etiku. Fl-istess sena rċieva d-Diploma
fil-Letteratura Taljana b’teżi dwar Grazia Deledda. Andrea rnexxielu jevita
l-lieva minħabba bosta dgħjufijiet ta’ natura fiżika u b’hekk evita l-kampanji
militari fir-Russja u fil-Greċja li ħallew eluf ta’ suldati Taljani mejtin.
Aktar tard irrifjuta li jingħaqad mal-forzi tal-volontiera tal-Partit Faxxista.
Minflok ingħaqad mal-forzi tar-Resistenza fi ħdan il-partit “Giustizia e
Libertà” billi ħadem fil-qasam tal-istampar u tal-propaganda.
Fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, wara perijodu fi Franza
u fl-Isvizzera, reġa’ lura fl-Italja fejn iddedika ruħu għat-tagħlim. Is-sena
1951 ġabet bidla f’ħajtu proprju għax Zanzotto ddedika ħajtu lill-poeżija,
lill-kritika letterarja u anki lill-kitba ta’ xeneġġaturi u djalogi
f’kollaborazzjoni mar-reġista tal-films Fellini (per eżempju, il-film Casaova).
L-ewwel ġabra poetika kienet Dietro il paesaggio
(1950). Fis-sena 1957 ħareġ il-ġabra Vocativo. Fil-poeżiji tiegħu qatt
ma waqaf jirrifletti dwar in-natura, il-vjolenzi differenti matul l-Istorja,
is-soċjetà u l-politika. Il-lingwaġġ tiegħu kien jitlaq mir-realtà u
mill-mistoqsijiet il-kbar tad-dinja tal-Punent, imma xi drabi kien diffiċli. Kien
lingwaġġ li jintrabat mad-dinja tal-pubbliċità u tal-psikanaliżi, u jirrifletti
d-diżordni li fih kienet tinsab id-dinja moderna li tbiegħdet mill-għeruq u
investiet fil-konkrit. Kien hemm drabi meta l-lingwa li kien iħaddem kienet
qrib id-dinja tal-ħolm, u li timita mekkaniżmi tal-inkonzju. Fl-aħħar però dan il-lingwaġġ kien jinbidel f’messaġġ ta’ tama, b’tifħir
kemm tal-libertà u tar-realtà. Ma ninsewx li d-dinja ta’ madwaru kienet
għaddejja minn tibdiliet kbar: l-Italja kienet għaddejja minn realtà
industrijali u konsumistika ġdida, realtà li lil Zanzotto poeta u intellettwali
xejn ma niżlitlu. Is-snin 60 għalhekk kienu maħkuma mit-tema
tal-“aljenazzjoni”. Is-sena 1962 rat
il-pubblikazzjoni ta’ IX Ecloghe.
Is-sena 1968 rat il-pubblikazzjoni ta’ ġabra poetika oħra
minn tiegħu: La Beltà. Ġiet ippreżentata Ruma minn Pier Paolo Pasolini,
u kkunsidrata mill-kritiċi bħala wieħed mill-aqwa riżultati tal-poeżija Taljana
tat-tieni nofs tas-seklu 20. Fiha l-oġġetti esterni, il-pajsaġġ u n-natura
jibqgħu preżenti imma ċċattjati ladarba r-realtà ta’ barra issa ġiet meqruda
mis-soċjetà konsumistika. Kollox jinsab fi kriżi u f’dan id-dagħbien l-uniku
punt fiss huwa l-lingwaġġ li jitlef mis-solidità tiegħu, isir ponn fonemi u
tlaqliq. Huwa l-linġwaġġ tat-tfal. Pasque ħareġ fl-1973. Niltaqgħu
fil-kitba ta’ Zanzotto ma’ personaġġi li ma jintesewx, anki għax jintrabtu ma’
dinja “antika”, ma’ għerf u tagħlim li la għandhom bidu u lanqas tmiem.
Bejn l-1978 u l-1986 ippubblika versi bid-djalett tal-Veneto:
Galateo in Bosco (1978); Fosfeni (1983); u Idioma (1986).
Ippubblika anki saġġi letterarji - dwar poeti Taljani bħal Petrarca, Zanella,
Leopardi, Foscolo, imma anki poeti barranin – bħal Fantasie di avvicinamento
(1991) u Aure e disincanti nel Novecento letterario (1994). Zanzotto
kien iħobb jaqra ħafna: diġà fis-snin 60 punt ta’ riferiment għalih kienu
x-“xjenzi umani” (Lacan u Foucault), imma anki l-matematika, il-fiżika,
iċ-ċibernetika u l-bqija. Dawn kienu jgħinuh biex iwessa’ l-għalqa tal-għarfien
tiegħu imma anki l-prospettiva, u bosta traċċi tagħhom jidhru fil-poeżiji li
kiteb.
Is-sena 1996 rat il-pubblikazzjoni ta’ Meteo li xi
wħud qiesu bħala tislima lis-seklu 20, filwaqt li Sovrimpressioni li
ħareġ fl-2001 tqies bħala tkomplija jew trasferiment tal-elementi poetiċi
tat-tieni nofs tas-seklu 20 għat-tielet millennju. Bejn dawn it-tnejn, fl-1999,
kienet ħarġet il-ġabra Tutte le poesie e una scelta di prose. Għaxar
snin wara, fl-2009, ħarġet il-ġabra poetika Conglomerati: il-motivi
ewlenin kienu dawk marbutin ma’ ċiviltà li tiftaħar b’bosta żviluppi xjentifiċi,
imma mhix kapaċi tħares ġewwa fiha u twaqqaf il-ġirja sfrenata lejn il-qirda
tagħha nnifisha. Zanzotto hawn jerġa’
jimraħ fl-ispazji tant għal qalbu imma din id-darba umiljati u sfigurati
mill-“progress”.
Apparti l-kitba tal-poeżija Andrea Zanzotto kien ukoll
kittieb impenjat. Din it-tip ta’ kitba bdiet fir-reġjun fejn twieled,
il-Veneto, l-art li tant ħabb u għanna,
u li ddefenda kontra l-ispekulazzjoni u l-qirda tal-pajsaġġ, u anki kontra
l-partit tal-Lega Nord li huwa ddeskriva bħala “pesta” waqt intervista fil-programm
“L’Infedele”, meta kellu 88 sena. Kien tassew poeta-gwerrier. Andrea Zanzotto
kien kandidat għall-Premju Nobel fl-2008. Huwa miet reċentement fit-18 ta’ Ottubru tal-2011 (mela 150 sena
wara d-data tat-twelid ta’ Dun Karm Psaila). Kellu 90 sena u tmint ijiem.
Biblijografija:
RAMAT, Silvio, “Andrea Zanzotto – L’impeno del poeta”, f’POESIA, Dicembre 2011, N. 266, pp. 18-26.
Żewġ poeżiji ta’ Andrea Zanzotto:
Dietro il
paesaggio
Nei luoghi chiusi dei monti
mi hanno raggiunto
mi hanno chiamato
toccandomi ai piedi.
Sulle orme incerte delle
fontane
ho seguito da vicino
e senza distrarmi
le tenebre tenere del polo
ho veduto da vicino
le spoglie luminose
gli ornamenti perfettissimi
dei paesi dell’Austria.
Hanno fatto l’aria tutta
fresca
di ciliegi e di meli nudi
hanno lasciato soltanto
che un piccolo albero
crescesse
sulla soglia della sua
tristezza
hanno lasciato fuggire in un
riverbero
un tiepido coniglio di pelo.
Per le estreme vie della terra
caduta
assistito da giorni tardi e
scarsi
discendo nel sole di brividi
che spira da tramontana.
Colloquio
...Improbabile esistere di ora
in ora allinea me e le siepi
all’ultimo tremore
della diletta luna,
vocali foglie emana
l’intimo lume dela valle E tu
in un marzo perpetuo le
campane
dei Vesperi, la meraviglia
delle gemme e dei selvosi
eccelli
e del languore, nel ripido
muro
nella strofa scalfita
ansimando m’accenni;
nel muro aperto da piogge e da
vermi
il fortunato marzo
mi spieghi tu con umili
lontanissimi erori, a me nel vivo
d’ottobre altrimenti
annientato
ad altri affanni attento
Sola sarai, calce sfinita e
segno,
sola sarai fin che duri il
letargo
o s’ecciti la vita.
......
E marzo quasi verde quasi
meriggio acceso di domenica
marzo senza misteri
inebeti nel muro.
Tagħrif u poeżiji miġburin
minn Patrick Sammut