Intervista li jiena kont għamilt lil Charles Magro fis-sena 2008 u li kienet dehret fil-Paġna Letterarja ta' IL-ĠENS ILLUM:
(Charles Magro: 26 ta' Settembru 1943 - 24 ta' Ġunju 2016)
Ara wkoll: http://ghpm.blogspot.com.mt/2016/06/charles-magro-1943-2016.html
M.
Meta, u fejn, twelidt?
T.
Meta missieri,
Victor, iżżewweġ lil ommi, Ċettina,
il-Gwerra kienet fl-eqqel tagħha, 1941. Missieri kien Steward
fin-Navy Ingliża, u kien stazzjonat Kalafrana. Għalhekk, ommi u missieri marru joqogħdu Birżebbuġa,
fejn twelidna jien u oħti, Marion. Jien
twelidt fis-26 ta’ Settembru 1943, u oħti sena warajja. It-tnejn tgħammidna fil-parroċċa ta’ San
Pietru.
Missieri kien minn Bormla, u ommi mill-Birgu. Ma tantx domna Birżebbuġa, għax malli twelidt
jien missieri daħal jaħdem id-Dockyard, u morna noqogħdu Bormla, fejn għexna
sakemm jien kelli xi tlettax-il sena.
Bormla twieldu oħti Mary Grace u ħija Paul.
Minn Bormla morna l-Isla, u jien għext hemm sakemm iżżewwiġt
lil Monica, imwielda Tanti, minn Ħal Tarxien, fl-24 ta’ Diċembru 1972.
Mill-erbat aħwa jien biss iżżewwiġt. Fil-familja tagħna kellna ħafna xebbiet u ġuvintur
li ma żżewġux. Monica u jien kellna
tifla waħda, Lorraine, illum miżżewġa lil Michael, mill-Qrendi, u għandhom
tifel, Matthias, li għandu ħames snin.
Sa tliet snin ilu konna għadna familja sħiħa. Binti għamlet lil missieri u ommi bużnanniet. Iżda fil-31 ta’ Jannar 2004 mietet ommi, u
fis-17 ta’ Awwissu 2007 miet missieri.
It-tnejn mietu ta’ 88 sena.
M.
Meta bdejjt tinnamra mal-poeżija, u liema kienet l-ewwel
poeżija li ktibt?
T. Nistqarr li l-poeżija kienet iddejjaqni, u rari kont naqraha, anqas fil-gazzetti fejn kienet tkun xi drabi ppubblikata. Jista’ jkun li ħtija ta’ dan hu l-fatt li
fl-iskejjel tagħna konna niġu mġiegħla nistudjaw il-poeżiji bl-amment. Jekk l-istudent ma kienx ikun kapaċi jdaħħal
il-poeżija f’moħħu kien jiġi mġiegħel jikkopja l-poeżija għal xi għoxrin darba.
Bdejt nieħu gost nisma’
l-poeżija tinqara, imbagħad, u nistudjaha bis-serjetà, matul il-Kors
tal-Baċellerat fl-Università. Wieħed mill-għalliema
tagħna kien il-Profs. Franco Lanza, li lil Dante kien jirreċtah. Saħħritni ukoll il-poeżija ta’ Giacomo
Leopardi, tant li uħud mill-poeżiji tiegħu kont naqrahom kuljum qabel norqod.
Il-Profs. Oliver Friggieri, imbagħad, għallimni nħobb dak
li hu Malti permezz tal-poeżija tal-Poeta Nazzjonali Malti Dun Karm
Psaila. Permezz tal-poeżija ta’ Dun Karm
tgħallimt infittex it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-ħajja fl-għeruq ta’
l-identità Maltija.
Bdejt nikteb il-poeżija tard ħafna fil-ħajja. Niftakar li l-ewwel tliet poeżiji li ktitbt
talbuhomli l-mexxejja tal-Għaqda Poeti Maltin biex inkun nista’ nsir Membru
tal-Għaqda. Dawn il-poeżiji ġew iġġudikati
li kellhom ċertu livell, u għalhekk ġejt aċċettat fl-Għaqda. Dan kien fl-1983, u mill-ewwel inħtart
Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltn, u għadni nżomm din il-kariga sa llum.
Dawk l-ewwel poeżiji li ktibt kienu tajbin biżżejjed biex
ġew tradotti għall-Ingliż min-Nutar, Poeta, Prożatur u Politiku, Dr. Vincenzo
Maria Pellegrini, u sabu ruħhom f’Antoloġija ta’ Poeżiji: A Poetic Galaxy,
ippubblikata mill-Għaqda Poeti Maltin fl-1983.
M.
X’tip ta’ poeżija tikteb?
T. Dawk l-ewwel tliet poeżiji li kitbt għamluli kuraġġ kbir, u sa llum akkumulajt għadd sabiħ ta’ poeżiji li ktibt jien matul is-snin. Għalkemm għadni ma ppubblikajtx ktieb ta’ poeżiji,
ħafna minn dawn il-poeżiji dehru f’diversi antoloġiji, rivisti u gazzetti, kemm
Malta kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. B’uħud
minnhom irbaħt għadd ta’ Premjijiet ukoll.
Togħġobni ħafna
l-lirika. Fil-lirka nitfa’ dak kollu li
hu personali. Fil-versi nħossni nistrieħ,
għax fihom inferra’ dak li nħoss u li m’inix kapaċi nesprimi meta nkun iffaċċjat
bin-nies.
Nikteb ukoll poeżiji
b’tema reliġjuża, b’mod speċjali fuq il-Madonna. F’dan ġejt irpirat mill-Poeta Patri Anastasju
Cuschieri, Patri Karmelitan, li lill-Madonna ddedikalha versi mill-isbaħ. Illum, lil Patri Anastasju żgur għaddejtu
mill-għadd ta’ poeżiji tiegħu fuq il-Madonna; fuq il-livell letterarju ma’
nafx. Inħalli lil ħaddieħor jiġġudika; għalkemm
darba ġiet imqabbla poeżija tiegħi ma’ waħda minn tiegħu, u qaluli li
s-sentimenti fil-poeżija tiegħi għandhom livell artistiku ogħla minn dak imħaddem
fil-poeżija tiegħu.
Ktibt ukoll ħafna innijiet li ġew immużikati. L-Innu tal-Fgura, li jindaqq f’kull
manifestazzjoni organizzata mill-Kunsill Lokali, hu wieħed minnhom. Dan ġie mmużikat għall-Kor u għall-Banda minn
Patri Mario Enriquez, O.Carm.
Poeżiji oħrajn tiegħi ktibthom għal ċerti anniversarji,
jew huma marbutin ma’ ċerti avvenimennti li ġraw f’Malta u ukoll fix-xenarju
internazzjonali. B’dan il-mod, bil-poeżija
tiegħi ikkommemorajt il-gwerra fis-Serbja, it-traġedja f’Beslan, u l-massakru
ta’ l-istudenti fi Tienanmen.
M.
B’liema ilsna tikteb?
T. Naturlament, il-preferenza tiegħi tmur għall-Malti,
li studjajt ukoll fil-livell terzjarju fl-Università. Imbagħad, nikteb
ukoll bit-Taljan. B’din il-lingwa jien
kont naqla’ l-ħobżna ta’ kuljum, billi għallimtha f’kull livell ta’ l-iskejjel
tagħna, u ukoll lill-adulti u lil żgħażagħ ta’ l-istudji ogħla. Għandi ukoll xi poeżiji bl-Ingliż, li jogħġbuni
ħafna.
M.
Int ħdimt ukoll ħafna fit-traduzzjoni; x’tikkummenta?
T. Matul il-Kors fl-Università l-Profs. Oliver Friggieri għallimna l-importanza tat-traduzzjoni. Meta l-metodu
tat-tagħlim tal-lingwi fl-iskejjel tagħna kien differenti, jien kont ngħallem
lill-istudenti kif jittraduċu mit-Taljan għall-Ingliż, jew kuntrarju. Għalhekk inħossni mħarreġ sewwa biex inwassal
xogħlijiet letterarji Ingliżi, Taljani u Franċiżi bil-Malti, biex min m’hux
komdu jaqra b’dawn il-lingwi jkun jista’ jduq mis-sbuħija u l-għerf li
jittrasmettu l-kapulavuri fil-lingwi li semmejt.
It-traduzzjoni hi arti minnha nnifisha. Min jittraduċi,
filwaqt li ma jistax jevita milli jitfa’ ċerti personaliżmi fix-xogħol tiegħu,
jeħtieġ joqgħod attent li ma jitbiegħedx wisq mis-sustanza tax-xogħol li jkun
qed jittraduċi. Dan hawn min hu kapaċi
jagħmlu b’mod ammirevoli, biex it-traduzzjoni tasal sal-livell tal-kapulavur
oriġinali. Biex dan isir, min jittraduċi
jeħtieġ li jkun familjari mhux biss max-xogħol oriġinali, iżda ukoll
mal-kittieb innifsu, ma’ xogħlijietu u mal-kwalità ta’ ħajja u
ambjenti li kien, jew għadu, jgħix fihom il-kittieb tax-xogħol li jkun qed
jittraduċi.
M.
Temmen li l-poeżija għandha jkollha messaġġ? X’taħseb fuq Art for Art’s sake?
T. Il-Profs. Oliver Friggieri u oħrajn jemmnu li l-poeżija ideali hi dik li
tixbah lin-noti ta’ sinfonija: ħsejjes imqegħdin ħdejn xulxin bis-sens u b’ċerta ħila,
li meta wieħed jismagħhom jitfgħuh f’dinja oħra. Dan ifisser li l-arti m’għandhiex għalfejn
ikollha messaġġ, basta taħsad b’mod pjaċevoli lil min hu espost għaliha.
Din l-idea hi mħaddna ukoll mill-astrattisti,
mill-pitturi tal-popart, mill-poeti ermetiċi. Iżda jien insostni li anki pittura astratta
tittrasmetti messaġġ. L-arti kollha,
inkluża l-poeżija, tittrasmetti messaġġ.
Id-differenza bejn il-poeżija ‘moderna’ u dik ‘tradizzjonali’, barra
mill-istil u l-estetiżmu, hi li l-messaġġ li tittrasmetti l-poeżija
tradizzjonali jkun fil-wiċċ, u allura jiftihem malajr, filwaqt li fil-poeżija u
fl-arti kollha moderna wieħed irid jagħmel ċertu sforz u jqiegħed l-arti
f’kuntest biex il-messaġġ jiċċara.
Hemm modi diversi kif joħroġ il-messaġġ. Jista’ jinstab fl-istil; jista’ jinstab
fit-tema; jista’ jinstab fil-ħsejjes tal-versi, mogħtija mir-rima jew
mir-ritmu. Il-qarrej, jew is-semmiegħ,
jista’ jsib il-messaġġ tal-poeżija fis-sentimenti li jitfa’ fil-versi tiegħu
l-poeta.
M.
X’importanza
għandhom il-Konkorsi u l-Antoloġiji tal-poeżija?
T.
Il-poeżija ma
tinkitibx għall-Konkorsi; iżda l-Konkorsi huma manifestazzjoni glorjuża tal-poeżija.
Xejn xejn, jagħtu stampa tal-livell ta’ poeżija li tkun qegħda tinkiteb
fil-kontemporanjetà. Il-konkors
jista’ ukoll jagħti indikazzjoni ċara ta’ kemm il-poeti kontemporanji huma
impennjati fil-ħajja ta’ kuljum. Jista’
ukoll iservi ta’ xprun biex tinħareġ fil-beraħ il-poeżija moħbija, li minnha
nemmen li teżisti ħafna, fi djarji, fil-kxaxen ta’ skrivaniji.
L-antoloġiji, imbagħad, jissodisfaw ix-xewqa tal-poeta,
jew tal-kittieb, biex jippubblika x-xogħlijiet letterarji tiegħu, u biex
jikkomunika mal-poplu. Ilum, aktar
mil-lbieraħ, l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni jaqtgħu qalb kulħadd. Għalhekk, ħafna huma dawk li jippubblikaw
il-poeżiji tagħhom f’antoloġiji b’xogħlijiet minn aktar minn poeta wieħed, biex
almenu jinqasmu l-ispejjeż. Hawn ukoll
il-qarrej, jew l-istudjuż, jista’ jsib spektrum wiesa’ tal-poeżija li tinkiteb
illum, u jkunu jistgħu jitqabblu l-livelli letterarji, l-istili, it-tematika, u
elementi oħajn.
M.
X’inhu r-rwol tal-Għaqdiet letterarji f’Malta.
T. Hawn Malta, għaċ-ċokon ta’ Gżiritna, għandna għadd mhux ħażin ta’ Għaqdiet
letterarji. Uħud minnhom għandhom
tradizzjoni ta’ għexieren ta’ snin u storja prestiġġjuża ħafna. Iżda llum mhux kollha huma attivi bl-isess
mod, u kważi lkoll kemm huma jitħabtu mhux ftit biex jirreġistraw membri ġodda.
Li dilettant tal-letteratura ikun membru f’Għaqda hu
dejjem tajjeb, għax hemm isib ma’ min jaqsam l-ideat tieħgu u l-għajnuna meħtieġa biex jiżviluppa
t-talent tiegħu f’xi qasam ta’ l-arti li
jħossu miġbud l-aktar lejh. Hi sfortuna
kbira li mhux l-Għaqdiet Letterarji kollha joffru dan il-forum. Uħud jużaw l-Għaqdiet bħala tarġa li tgħinhom
jitilgħu ‘l fuq u meta jilħqu l-quċċatta
jabbandunaw lill-Għaqda u jibdew jaqdfu għal rashom. Billi s-suq Malti hu żgħir, ħafna drabi dan
jissarraf fi ġlieda kontinwa biex wieħed ibiegħ l-arti tiegħu lill-akbar għadd
ta’ nies possibbli. U dan la jagħmel
tajjeb lill-Għaqdiet u anqas lill-arti.
Ħafna drabi l-istess nies huma membri ta’ diversi Għaqdiet. B’eżempju ngħidlek li, filwaqt li jien
is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, jienu koll membru tal-Għaqda tal-Malti
(Università) u ta’ l-Akkademja
tal-Malti. U hawn ħafna bħali. Dan jista’ jkun ta’ vantaġġ jekk fl-aħħar l-Għaqdiet
Letterarji kollha jiddeċiedu li jaħdmu flimkien. L-Għaqda Poeti Malitn ma nafx kemm-il
tentattiv għamlet biex dan iseħħ. Ġieli
rnexxielna norganizzaw attivitajiet ma’ xi Għaqda oħra, Iżda uħud mill-Għaqdiet
jippreferixxu jaħdmu għal rashom.
M.
Kif inhi r-relazzjoni bejn il-kittieba Maltin , u kif
tista’ titjieb?
T. L-ewwelnett trid issir distinzjoni bejn il-kittieba stabbiliti, li xogħolhom jinħataf malli jitqiegħed fis-suq, u l-kittieba li għadhom kif bdew
jippubblikaw xogħlijiethom. Is-suq Malti
hu żgħir wisq, u l-poplu Malti m’hux poplu li jaqra, għalkemm f’dawn l-aħħar
snin is-sitwazzjoni tjiebet xi ftit
Jien nagħmel mat-tieni kategorija ta’ kittieba. Uħud mill-kotba li ppubblikajt tqassmu b’xejn
għax kienu ffinanzjati minn Għaqdiet volontarji, u dak li daħal minnhom mar għall-benefiċenza. B’hekk il-kopji ta’ dawn
il-pubblikazzjonijiet marru kollha.
Pubblikazzjonijiet oħra għad baqa’ minnhom xi kopji, u
r-raġuni prinċipali hi li s-suq ma jiflaħx iktar minn elfejn kopja.
Imbagħad, hemm il-problema tal-pubblikaturi. Ħadd ma jlumhom milli jidħlu għal
pubblikazzjonijiet li l-kitteba tagħhom huma magħrufa biżżejjed biex
il-pubblikazzjoni trendi. Iżda xi drabi
dan jagħmel ix-xogħol tal-kittieba li għadhom jibdew diffiċli ħafna.
Jekk nieħdu s-sitwazzjoni reċenti, mill-ftit esperjenza
li għandi nista’ ngħid li l-aktar li jimxu huma l-kotba għat-tfal, għax għal
dawn il-qari hu bżonn. L-aħħar ktieb għat-tfal
li ppubblikatli l-Malta Union of Teachers, bl-isem: “Dawra Ma’ l-Ewropa
bl-Istejjer”, inħatatf kollu f’erbat ijiem!
L-ikbar problema li jippreżenta s-suq hi għall-kotba tal-poeżija. M’hemmx għalfejn wieħed jidħol fir-raġunijiet
għal dan, għax jafhom kulħadd. Hi ħasra
li l-gost li tagħti l-poeżija mhux irrikonoxxut b’mod universali. Wieħed mill-għanijiet tal-Għaqda Poeti Maltin
hu propju li tifrex l-imħabba għall-poeżija fost il-poplu. Qegħdin naħdmu ħafna għal dan il-għan, u
kultant nagħmlu ukoll ftit kuraġġ, għax kulfejn immorru n-nies juruna li ħadu
gost b’dak li noffrulhom.
M.
Xi tgħid fuq
l-importanza tal-Qari?
T.
Niftakarni naqra
mindu bdejt l-iskola. Dan l-aħħar
il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb nieda kampanja : Ħu Ktieb Miegħek Ħdejn il-Baħar. Jien dan ili nagħmlu mindu kelli xi
sitta/seba’ snin. Niftakar li l-iskola,
waqt il-break, li fi żmieni kien ikun twil mhux ħażin, kont immur
il-librerija ta’ l-iskola u naqra ktieb sħIħ.
Barra minhekk, kont naqra b’sens kritiku, biex nifhem
sewwa x’inkun qed naqra. Meta fil-klassi
l-għalliem kien jistaqsi min se jaqra, sħabi tal-klassi kienu jippuntaw subgħajhom
lejja, għax bil-mod li kont naqra bih jien kien jifhem kulħadd.
Dak iż-żmien kont naqra l-kotba l-aktar popolari, bħal The
Water Babies, ta’ Charles Kingsley, Ivanhoe ta’ Sir Walter Scott, Robinson
Crusoe, ta’ Daniel Defoe, A Journey to the Centreof the Earth,
il-kotba ta’ Enid Blyton, u oħrajn bħalhom.
Meta kbirt, imbagħad, bdejt nippreferi kotba awtobiografiċi jew
biografiiċi. L-għixien f’kuntesti
differenti dejjem affaxxinani, u f’dawn il-kotba, aktar milli kif bena
l-karriera tiegħu l-protagonista, jinteressani kif kien jgħix hu u n-nies ta’ żmienu.
M. X’kienu l-attivitajiet tiegħek matul ħajtek?
T.
L-attività prinċipali tiegħi
kienet dik ta’ għalliem. Bdjet
lfpiskjjel primarji tal-Gvern, u komplejt fl-iskejjel sekondarji, fejn kont ngħasllem
it0-Taljan. MAurfl iż-żmien li kont ngħallem
kont ukol għal xi żmien Guidance teacher u, għal żmien konsiderevoli, Teacher
Librarian. Għallimt ukol it-Taljan
fl-Akademja taklpUlizija u fl-Iksola ta’ l-International Tourism Studies. Barra minhekk, kont Page setter u Script
Marker fl-eżamijiet pubbliċI u fis-Secretarial School. Għallimt ukol it-Tlajn fis-Società Dante Alighieri, fjen kont ukoll ViċI President, u fl-Evening Calsses
tal-Gvern.
Wara l-ħin ta’ l-iskola, imbagħad, jien kelli ħajaj oħra
f’Gaħqdiet Volontarji, l-aktar tal-KInisja.
Fil-Parroċċa tal-Fgura gamilt 13-il sena Chairman tal-Kunsill
pastorlai Parrokkjali. Bħala tali nista’
ngpġid li kemm ili noqgħġod f’dan ir-raħl kelli seem f’dak kollu li sar fih,
ukoll gġax ħdimt id f’id mal-Kunsill Lokali, mal-Każini tal-Pariti PolitiċI u
mal-Każin tal-banda. Dan kllu gġenni
nkun viċin in-nies il-ħin kollu, u gpġasndi s-sodisfazzjon li ħdimt kem għall-ġid
spiritwali kif ukoll għal dk tmeporali tan-nie stal-Fgura kollha. Dan ġie rrikonoxxut din iss-ena, fit-28 ta’
Ottubru 2007, meta ngħatjat ‘Ġieħ Il-Fgura’.
Ili ħafna okkupat ukoll bil-passataemp tiegħI, li hu
l-kitba. Fl-1983 dħalt membru fl-Gaħqda
Poeti Maltin, u mill-ewwel ħatruni Segretarju..
Dħalt għal dinil-kariga b’saħħti kollha u, flimkine mal-Kumitat, ħdimt ħafna
bie xl-Gaħqda Poeti Maltin żviluppat fl-Gaħqda letterarja l-aktar attiva ta’
llum. Din il-kariga ġabitli ukoll
rsdposnabbiltajiet oħra, bħalma huma r-riċensjonijiet bl;a għad li gpġamilt, u
s-saġġI kritiċI u t-traduzzjonijiet li ppubb,ikajt. Għal qalbi ħafmna t-traduzzjoni ta’ Novelli
ta’ Francis Ebejer għat-Tlajn, li ġe wippubblikati fl-Italja. Għal xi żmien ukoll kont impjegat part
time ma’ aġenzija tar-reklamar biex nagħmel xogħlijiet ta’ pubbliċità bit-Taljan.
Fl-1995 saret sejħa għal Assistenti kapjijiet ta’
l-iskejjel. Jien applikajt u ngħażilt
kemm għall iskejjek primarji (ikklassifikajt fis-16-il post), ki fukol għal
dakw sekondarji (fil-31 post). L-ewwel
vaknza li nħolqot kienet fis-settur primarju, u nbagħtuni fl-Iskola Pirmarja
‘B’ ta’ Ħaż-Żabbar.
Iżda fl-istess ħin bagħat għalija l-President
tal-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tal-Ħaddiema Maltin (C.M.T.U.), u qalli li
mal-Konfederazzjoni kien hemm vakanza ta’ Segretarju Ġenerali. Kemm domt fl-Iskejjel jien kont dejjem
Delegat ta’ l-M.U.T., u għamilt 14-il sena fil-Kunsill ta’ l-Istess Union,
u okkupajt diversi karigi. Għalhekk,
il-post interessani, u on secondment sirt Segretarju Ġenerali
tas-C.M.T.U., u domt sakemm iritirjat bil-pensjoni. Hemm kont immexxi 11-il Trade Union,
b’kuntatti kontinwi ma’ kull Dipartiment tal-Gvern, ma’ Isituzzjonijiet Għolja
bħall-Ambaxxati u Kummissarjati, u mal-Pajjiżi kollha li, bħas-C.M.T.U. huma
affilajti mal-Konfederazzjoni tal-Għaqdiet tal-Ħaddiema Ewropej (E.T.U.C.) u
mal-Konfederazzjoni Dinjija tax-Xogħol (W.C.L.). Ħdimt ħafna ukoll, ma’ mijiet ta’ nies oħrajn,
fit-tħejjijiet biex Malta ssir Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Meta Malta saret Pajjiż Membru ta’ l-U.E.,
jien kont ukoll rappreżentant Malti għall-Għaqdiet tal-Ħaddiema f’diversi
Istituzzjonijiet Ewropej.
M. Fis-sena 2004 int irtirajt minn dan kollu. Għidilna fiex int involut illum.
T.
Fl-2004 jien
irtirajt bħala Assistent Kap ta’ Skola u Segretarju Ġenerali tas-C.M.T.U. Meta
ngħid ‘iritirajt’ nikkwalifika li ma rtirajtx għal kollox, minħabba li għadni nżomm
xi attivitajiet li kont involut fihom meta kont fis-C.M.T.U. u oħrajn li kont
nagħmel wara l-ħin tax-xogħol.
Illum jien Membru tal-Bord tal-Gvernaturi taċ-Ċentru
Malti għall-Medjazzjoni; Membru tal-Panel tat-Tribunal Industrijali;
Membru tal-Bord tad-Dixxiplina ta’ diversi Kumpaniji, fosthom l-APS Bank,
il-Melita Cable plc, il-Malta International Airport; jien ukoll Chairman
tal-Bord tad-Dixxiplina tal-Malta Shipyards Ltd.
Fix-xena letterarja jien is-Segretarju tal-Għaqda
Poeti Maltin; Membru ta’ l-Akkademja tal-Malti; Membru tal-Għaqda tal-Malti
(Università); Accademico
di Merito fl-Accademia Internazionale Iblea di Lettere, Scienze
ed Arte, ta’ Sqallija.
Jien Membru tal-Bord Editorjali ta’ VERSI
(ir-rivista tal-Għ.P.M.); Membru tal-Bord Editorjali u Editur Letterarju ta’
FLIMKIEN, maħruġa mill-Kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi Maltija; Editur Eżekuttiv
ta’ THE TEACHER, ir-rivsta għall-Għalliema tal-Malta Union of Teachers;
Membru tal-Bord Editorjali (mis-sena d-dieħla Editur) ta’ SAGĦTAR, ir-rivista għat-tfal
ta’ l-iskejjel; Korrispondent regolari tal-gazzetta “Leħen Is-Sewwa”; kittieb u
reċensjonista.
Fil-Parroċċa tal-Fgura il-mara tiegħi u jien
immexxu l-Kummissjoni Parrokkjali Familja, nagħtu Korsijiet ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ,
u nwasslu l-Katekeżi tal-Magħmudija lill-ġenituri u ‘l-parrinijiet tat-trabi li
jkunu se jitgħammdu. Min-naħa tagħha
l-mara tiegħi hi Membru ta’ wieħed mill-Praesidia tal-Fgura tal-Leġjun
ta’ Marija, u President tal-Kurja ta’ l-istess Għaqda, li tinkludi fiha Praesidia
ta’ Ħaż-Żabbar, Wied Il-Għajn, Bormla, il-Fgura, u l-Marsa.
M.
Kemm hi importanti l-letteratura b’mod ġenerali, u l-poeżija
b’mod partikolari, fid-dinja llum?
T. L-importanza tal-letteratura ġejja mill-fatt li hi riflessjoni tal-ħajja. Il-ħajja ta’ kull żmien, inkluż dak ta’ llum,
hi rrakkuntata kollha kemm hi fil-letteratura.
Il-kittieb hu dak li għandu l-ħila jiġbor fi ktieb l-esperjenzi tal-ħajja
li jgħaddi minnhom kulħadd, iżda li mhux kulħadd għandu l-ħila li jikteb
dwarhom. Veru li l-fatti rrakkuntati
jkunu mħalltin mal-fantasija u l-personaliżmi tal-kittieb, iżda dan hu l-valur
miżjud tal-letteratura, għax dan hu li jagħmel ir-rakkont interessanti għall-qarrej,
u jagħtih il-livell letterarju li jkollu.
Għall-bniedem, ir-realtà, bit-tensjoni u
t-tbatija tagħha, hi dejjem kerha. Ġieli
jinstemgħu espessjonijiet bħal: “Aħjar ma twelidt xejn”. Biex ikun jista’ jgħix u jegħleb
id-depressjoni tal-ħajja, il-bniedem għandu bżonn ‘joħlom’. U hawn hu fejn l-importanza tan-novelli,
tar-rumanzi, tal-poeżija u tal-letteratura kollha kemm hi tikber, għax
il-kittieb u l-poeta, bil-proża jew bil-poeżija, huma kapaċi joħolqu dinjiet li
fihom kemm il-kittieb kif ukoll il-qarrej isibu l-wens li jkunu jeħtieġu f’ħafna
ċirkostanzi tal-ħajja.
Il-letteratura tajba, kemm proża kif ukoll poeżija,
titlaq mill-partikolari u twassal għall-universali. Il-kittieb jgħaddi minn ċerta tensjoni u ċerta
tbatija biex jixħet fuq il-karta dak li jħoss hu f’qalbu, u din it-tensjoni u
din it-tbatija jkunu jinħassu ukoll mill-qarrej jew mis-semmiegħ. Iżda l-qarrej u s-semmiegħ ikollhom sehem
ukoll mis-sodisfazzjon li jħossu l-kittieb u l-poeta mix-xogħol artistiku tagħhom,
għax dan is-sodisfazzjon hu irradjat ukoll lejn il-qarrej u s-semmiegħ.
M.
Taħseb li t-teknoloġija ta’ l-informatika u l-poeżija
jistgħu jmorru id f’id?
T. Illum qegħdin ngħixu f’soċjetà mibnija fuq it-tħaddim tat-teknoloġija tal-informatika, u
l-kittieba ta’ llum ġa ma jgħaddux mingħajr l-użu ta’ din it-teknoloġija. Lill-kittieb din it-teknoloġija tgħinu ħafna,
għax tagħtih aċċess akbar għax-xejriet moderni tal-letteratura dinjija, tħaffiflu
x-xogħol, u tkabbarlu ukoll is-suq.
It-teknoloġija ta’ l-informatika tgħin ukoll lill-qarrejja, għax tagħmel
il-letteraura aktar aċċessibbli u, f’ċerti każi, bi prezz orħos.
M.
Int u l-Għaqda Poeti Maltin; xi tgħid fuq is-sabiħ ta’
din ir-relazzjoni?
T.
L-Għaqda Poeti
Maltin twaqqfet fl-1975, u jien dħalt Membru fiha fl-1983. Dan ifisser li kulma tlift kienu 7 snin, li fihom l-Għaqda kienet għadha
qegħda tasserixxi ruħha fix-xena letterarja Maltija.
Kemm ili fl-Għaqda tajtha ħafna; ebda Għaqda ma timxi
mingħajr Segretarju tajjeb. Jien
ippruvajt inkun Segretarju tajjeb billi f'ħajti, mindu sirt Membru, lill-Għaqda
u lill-attivitajiet tagħha tajthom dejjem l-ogħla priorità.
L-Għaqda pattietli bil-kbir għal kull sagrifiċċju li għamilt. L-ewwelnett ngħodd bħala teżor kbir il-ħbiberija
li għamilt ma’ nies, Maltin u barranin, li għandom interess fil-poeżija bħalma
għandi jien.
L-Għaqda għenietni nħobb iktar il-poeżija, u dan għeni niżviluppa
l-prodott artistiku tiegħi u, b’hekk, kiber ukoll is-sodisfazzjon li nieħu meta
nikteb il-poeżija, u naqraha fil-pubbliku jew naraha ppubblikata.
Il-ħeġġa tiegħi għax-xogħol fl-Għaqda Poeti Maltin ma
naqset qatt. Kont inħoss sodisfazzjon
kbir meta l-President Fundatur tal-Għaqda, Mons. Dr. Amante Buontempo, kien jgħidli:
“Il-ġejjieni tal-Għaqda hu f’idejk!”
GRAZZI CHARLES U STRIEĦ FIS-SLIEM.
GRAZZI CHARLES U STRIEĦ FIS-SLIEM.