Wednesday, January 09, 2013

Ħarġa ġdida ta' IL-PONT

Għadha kemm ħarġet ir-rivista letterarja elettronika IL-PONT ta' Jannar 2013. Min jixtieq jaraha jew jistampa kopja tagħha jista' jsibha f'dan il-link:

http://www.scribd.com/doc/119660414/Il-Pont

Minn hawn ħajr lil Hilary Spiteri għas-setting modern tar-rivista, u lil Omar Seguna talli għoġbu jtella' l-link.

Sunday, January 06, 2013

Intervista ma’ Manwel Cassar (Melbourne)


 Manwel Cassar twieled fl-1933 l-Imsida. L-Awstralja ħadem bħala għalliem, skrivan maċ-Ċivil, editur letterarju ta’ ġurnali u rivisti differenti, u intervistatur-korrispondent tar-Rediffusion. Fl-1959 waqqaf l-Għaqda tal-Letteratura tal-Maltin fl-Awstralja. Huwa pittur ta’ esperjenza u ko-awtur ta’ antoloġiji ta’ poeżiji bħal Driegħ ma’ Driegħ (1971), Mal-Ħmura ta’ Filgħodu (1982), Frott Ieħor (1992) u Riflessi Fiddiena (2000).

1. Illum inti għandek ’il fuq minn 80 sena u ilek li emigrajt lejn l-Awstralja sa mill-1955. Kif tħares lejn Malta u x’hemm minnha li baqa’ jinfluwenzak anki jekk imbiegħed minnha fiżikament u temporalment?

Għandek żball ċkejken, mhux għax jimporta ħafna. It-80 sena nagħlaqhom fit-3 ta’ Jannar 2013. Lil Malta għadni nħobbha, għad li ma nagħlaqx għajnejja għal xi nuqqasijiet li huma marbuta mal-insularità. Il-moralità hi ġeneralment tajba, speċjalment dik li trabbejt fiha li darrietni nirrispetta l-valuri sodi reliġjużi u sekulari, nifraħ li għadha tinfluwenzani. L-Ilsien Malti li spiss insemmi hawn fis-sens li naqra ta’ art għandha Lsienha u dammet bih letteratura ġmielha fil-kwalità, u fil-kwantità proporzjonalment.

2. X’inhi r-relazzjoni tal-poeta u artist Malti-Awstraljan mal-kontinent il-kbir? Kif toħroġ din fil-poeżija/arti tiegħu?

Il-poeta Malti-Awstraljan ġenwin, u mhux il-qabbiel newwieħi emozzjonament għal Malta, jidwi l-ġijografija mil-lat deskrittiv u l-metafora fl-espressjoni tal-kontinent li jinsab fih b’ħajja differenti. Meta jitħallat, kif tajjeb li jagħmel, mal-letteratura lokali, jintlaqat mill-oriġinalità, il-virilità u attitudnijiet li jħarsu lejn suġġetti globali kontemporanji b’moħħ wiesa’. Hemm fl-istess ħin ċerta daqqa  fix-xogħol Awstraljan li diffiċli tfissirha, imma tagħrafha. L-istess il-Malti-Awstraljan  jevolvi  mhux bilfors dejjem jew bl-istess kejl f’leħħa differenti minn ta’ Malta. Madankollu l-ħarsien tal-Malti korrett  bl-idjoma Maltija huma magħżużin.

Intervistajt għadd ta’ artisti Maltin-Awstraljani ta’ Victoria u ta’ New South Wales. Huma jew figurattivi jew ċerebrali. Hemm min għandu rabta ta’ memorja  Maltija, imma hekk jew hekk hawn abbundanza ta’ materjal  u ta’ opportunitajiet.

3. X’inhuma jagħmlu l-poeti u kittieba Maltin-Awstraljani hemmhekk biex iżommu kuntatt ma’ xulxin?

Sfortunatement, il-kittieba Maltin-Awstraljani ma tantx iżommu kuntatt ma’ xulxin. Imma f’Melbourne għandna  ċ-ċans li niltaqgħu darba fix-xahar  f’laqgħat  ta’ qari tal-Maltese Literature Group-Grupp Letteratura Maltija, u darba fis-sena f’kunċert mużiko-letterarju fil-Festival tal-Maltin.

Personalment, jiena ġieli nżid billi naqra xogħlijiet tiegħi f’laqgħat  ta’ qari tal-Awstraljani u multikulturali. Kemm jogħġobhom jistaqsu fuq l-Ilsien Malti u Malta u mhix l-ewwel darba li talbuni naqralhom poeżiji tiegħi bil-Malti meta nkun ippreżentajtilhom traduzzjoni bl-Ingliż!



Intervista ma’ Paul Vella, Melbourne, L-Awstralja.


Paul Vella, twieled Ħal Balzan 1944 għex il-Gżira. Kien jaħdem bħala Linotype Operator it-Times/Berqa fis-sittinijiet bikrin. Din hija intervista qasira li għamilt lilu lejn l-aħħar parti tas-sena 2012.

     1.     Issa li hemm fl-Awstralja dħaltu fir-rebbiegħa x’inhuma l-pjanijiet tal-Maltese Literature Group? Grupp bħal dan kemm hu effettiv biex ilaqqa’ flimkien il-Maltin fl-Awstralja?

Issa li spiccat ix-xitwa u qeghdin fir-rebbiegha, se nergghu nibdew niltaqghu filghaxija fl-ahhar Gimgha tax-xahar ghax matul ix-xhur tax-xitwa konna qed niltaqghu l-ahhar Hadd tax-xahar wara nofsinhar kemm minhabba li hafna jsibuha bi tqila biex isuqu fid-dlam u x-xita u kemm minhabba l-ksieh. Issa fi hsiebna li jkollna l-Laqgha Annwali Generali u l-Festin tal-Milied fejn niltaqgu fuq il-proprjeta` tal-membri taghna Frank u Draga Bonett u naghmlu barbecue bla hlas ghall-membri. Il-Grupp taghna dejjem ihajjar lill-komunita` biex tattendi l-laqghat taghna u forsi jsiru membri imma niehdu gost meta jigu gh-all-Programm Muziko-Lettararju li naghmlu kull sena u niehdu gost ukoll li kulhadd jibqa’ hemm sal-ahhar avolja l-programm idum xi tliet sieghat. Kulhadd jiehu pjacir u japprezza.

     2.     Inti personalment fiex inti impenjat bħalissa?

Jiena, barra li jien il-PRO tal-Grupp Letteratura Maltija u niehu hsieb il-Folju ta’ kull xahar, jien ukoll PRO tar-Reskeon Maltese Associaiton, wahda mill-eqdem u wahda mill-ikbar ghaqdiet Maltin f’Melbourne, segretarju tar-Reskeon Seniors Group, ghaqda ohra kbira u jien xandar ta’ programmi Maltin fuq radju Komununitarju f’Melbourne, 3ZZZ, li programm taghna jistghu jinstemghu minn fuq l-internet ukoll ghax idumu hemm gimgha shiha.

      3.     Kif iħarsu lejn Malta l-Maltin li jgħixu fl-Awstralja llum?
Il-Maltin ta’ hawn, hafna minnhom huma anzjani u ghandhom nostalgija kbira ghal Malta u ghadhom ihobbu u mxenqin minn dak kolllu li hu Malti. Ghalhekk ihobbu jisimghu il-programmi Maltin ghaliex ihossuhom aktar qrib Art Tweldihom.

FEJN KONT?

Fejn kont
Xħin sħab sewdieni
Dallam lil ħajti?
Pruvajt infittex
Lil min iwennisni,
Jimlini bit-tama
Biex ngħix il-ħajja ferħana
Li dejjem kont naf.

Fejn kont
Xħin saħħti ġarrbitni
U ħsibtni qed nara
Tiegħi t-tmiem?
Fittixt lil min nafda
Ħalli jwennisni
U jerġa’ jabbini
Fuq il-karru tal-ħajja
Tas-saħħa li tlift.

Fejn kont
Matul ħajti
Meta mwarrab
Ħassejtni mirbugħ?
Xtaqt il-wens tiegħek
Biex terġa’ tibnili
L-fiduċja li kelli
Matul ħajti kollha
U li issa kont tlift.

Fejn kont?
Għidli: fejn kont?

Kont hawn...
Dejjem ħdejja!

PAUL VELLA
Melbourne, Mejju, 2012