Fuq il-palk qed issir reċta tal-Passjoni. Imma mhux bħal dawk li naraw f’dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. F’rasu Kristu mhux liebes ix-xewk imma kandelabru u mit-toqob ta’ jdejh qed jippruvaw joħorġu bi tbatija żewġ ħamimiet feruti. U d-demm se jaħsad lill-pubbliku fil-platea. Xejn mhu tas-soltu.
Din hi parti mill-Istorja ta’ Jahwe, profeta tat-triq, skond kif jirrakkuntaha Mario Azzopardi, fl-aħħar ktieb tiegħu Skizzi tal-Karnival, li ħiereġ f’dawn il-ġranet minn Horizons Publications. U bħalma jiġri dejjem fil-kitba ta’ Azzopardi, is-sorpriżi ma nonqsux, inkluż dik li l-istil tiegħu hu mibdul għal kollox.
Skizzi tal-Karnival hu deskritt bħala sensiela ta’ epistoli forma ta’ poeżiji-saġġi (jew poesaġġi) li jgħaqqdu stil liriku ma’ stil prożajku u ġurnalistiku. Min jirċievi dawn “l-epistoli” għandu konnessjoni li ma tafx hijiex reali jew le, mal-awtur. Iżda li hu ċert hu li l-karattri kollha li jidħlu f’dawn il-poesaġġi għandhom dik li l-Professur Oliver Friggieri isejħilha “arja minn xi Fellini.”
Ħafna xeni huma strambi, grotteski, provokatorji u erotiċi, u jiġri minn taħt, imħallat mas-sesswalità, hemm il-motiv tal-mewt.
F’epilogu għal din il-ġabra ġdida minn awtur li dejjem kien kontroversjali, Friggieri jgħid li “Mario Azzopardi qed jidher hawn bl-enerġija verbali u intellettwali tal-aħjar fażijiet tiegħu, iħoss b’intensità u b’maturità.” Friggieri jgħid li hawn għandna dokument rari li ma jametti l-ebda rbit u l-ebda ċensura.
Skizzi tal-Karnival għandu daħla dettaljata tal-Professur Charles Briffa, li jispjega kif Azzopardi joħloq, f’dawn il-kitbiet, passaġġi, konflagranti ta’ ambjenti vjolenti, korrotti, ħorox, inġusti u oppressivi. Bħas-soltu, Azzopardi ma jaċċettax kompromessi dwar il-fragmentazzjoni tal-ħajja moderna. Din id-darba qed juża l-poeżija, il-proża u l-ġurnaliżmu biex jipproponi “trasformazzjoni tal-funzjoni letterarja.”
F’dan il-ktieb, isostni Friggieri, hawn cocktail ta’ temi u stili f’idejn poeta u direttur tal-palk li dejjem jagħżel “li jimxi fuq ix-xifer bil-bravura tal-akrobata.” L-effett totali hu eċċitanti u sorprendenti tassew.
Ara r-riklam fuq: http://www.youtube.com/watch?v=D3Oq_OdZ2e0
Ara studju dwar il-ktieb: http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=2&news=2167