Sunday, October 21, 2018

L-EWWEL PREŻENZA: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL MICHAEL CINI


1.       L-Ewwel Preżenza hu l-iktar rumanz reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieled? Huwa il-prequel tar-rumanz Preżenza. X’hemm x’jorbot dawn iż-żewġ xogħlijiet u x’hemm ġdid fil-pubblikazzjoni l-ġdida?

Fis-sena 2010, fuq bosta ideat li konna ddiskutejna flimkien jien u ibni Nicolai, kont ktibt ir-rumanz Preżenza li ġie ppubblikat minn Horizons fl-2014, imbagħad fl-2017 bħala Best-seller. Ngħid il-verità kont ħallejt ftit bibien mftuħin għaliex tant kont ħadt pjaċir niktbu li xtaqt li xi darba nkomplih. Però, nistqarr li qatt ma kien għaddieli l-iċken ħajta ħsieb li tmien snin wara, kont se nikteb rumanz ieħor li jiġi qablu!

Hekk hu, għaliex L-Ewwel Preżenza huwa il-prequel ta’ Preżenza. Kienet sfida mhux tas-soltu. Fil-fatt dawn iż-żewġ rumanzi jingħaqdu permezz tal-ġrajjiet u l-karattri li minn żmien l-invażjoni tal-Franċiżi f’Malta, iwasslu lill-qarrej saż-żmien tal-lum.

Il-protagonist prinċipali tar-rakkont huwa Gabriele – żagħżugħ li ġie Malta bħala suldat mal-flotta Franċiża ta’ Napuljun u li ma jdumx wisq ma jixħet għajnejh fuq tfajla Maltija jisima Rożina – tfajla umli, sempliċi u bint ir-raba’. Imma bi ġmiel li jsaħħrek. Iżda minħabba l-isfreġju u s-sagrileġġi li kienu qegħdin iwettqu l-Franċiżi, speċjalment fil-knejjes għeżież tal-Maltin, in-nies tar-raħal fejn kienet toqgħod Rożina ma kellhomx pjaċir b’Gabriele. Għalhekk meta ġiethom ix-xoqqa f’moxtha, baqgħu baqgħu sakemm tajrulu rasu, ħbew ġismu u ħelsu minnu. Jew aħjar, hekk kienu ħasbu! Għax minħabba li ħajtu kienet intemmet ħabta u sabta b’delitt, mingħajr ma kien għadu laħaq gawda lill-maħbuba sbejħa tiegħu... ruħu ma setgħetx tistrieħ fil-paċi! Tant li l-ispirtu tiegħu baqa’ dejjem magħha biex, jipprovdilha, ifissidha, imma fuq kollox biex iħarisha!

Hawnhekk ta’ min jgħid li hemm bosta fatturi li jorbtu dawn iż-żewġ rumanzi flimkien, fosthom id-diversi protagonisti kkuluriti li ltqajna magħhom fi Preżenza fl-2014, u li issa se nsegwuhom jitwieldu, jitrabbew bħala tfal u żgħażagħ, jinnamraw, jiżżewġu u jiffurmaw il-familja tal-bużnanna Salvina u anki tan-nanna Marija. Barra minn hekk, se nimxu wkoll pass pass mal-ġrajjiet li sawru l-misteru marbut maċ-ċkejken Grabiel, dak it-tfajjel ta’ seba’ snin b’xagħru dehbi u nnukklat qisu proprju Bambin tax-xema’ li f’jum xitwi ta’ kesħa u maltemp, kien għeb ħesrem mid-dar t’ommu. Tant li bil-għali tiegħu, ruħha baqgħet qatt ma setgħet issib il-mistrieħ ta’ dejjem...


2.       Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek.

L-iskop prinċipali tiegħi meta bdejt nikteb ir-rumanzi kien proprju biex inħajjar aktar nies jaqraw bil-Malti. Għalhekk kull darba li niġi biex nikteb, dejjem nipprova nfittex temi differenti biex appuntu nolqot il-gosti ta’ qarrejja ġodda sabiex inħajjarhom jaqbdu ktieb bil-Malti.

Kien għalhekk li ktibt dwar il-ħares. Imbagħad fit-tieni rumanz tiegħi Ix-Xafra tad-Destin ktibt dwar l-Assedju l-Kbir. It-tielet rumanz Skjava fil-Ktajjen tal-Imħabba jirrakkonta storja ta’ mara li tinqabad fi żwieġ diffiċli, iżda li tibqa’ ssofri l-abbużi fis-silenzju biex bintha ma tbatix il-konsegwenzi. Filwaqt li r-raba’, Konvoj, huwa marbut mal-ġrajja tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Dawn huma kollha suġġetti differenti li jiena ċert li jinteressaw lil bosta qarrejja Maltin.

Madanakollu, nistqarr li l-aktar żewġ temi li nħobb nikteb dwarhom huma l-istorja ta’ Malta u l-paranormal. Naturalment, ma jistax jonqos li kull rumanz infittex li nżewqu bi storja ta’ mħabba għaliex nemmen li mingħajr l-imħabba, l-aqwa rumanz ukoll ma jkunx komplut! S’issa, il-paranormal żvolġejtu fit-tema tal-ħares fl-ewwel u l-ħames rumanz tiegħi. Mill-banda l-oħra l-aspett storiku żvolġejtu l-ewwel fir-rumanz Ix-Xafra tad-Destin: L-Imdina 1565 li jħares lejn l-Assedju l-Kbir mil-lenti tal-Imdina – perspettiva differenti ferm minn dik li jagħtu rumanzi oħrajn li dejjem jiffokaw fuq l-inħawi tal-Port il-Kbir. It-tieni rumanz storiku li ktibt, Konvoj: Il-Ġrajja li Naf Jiena Biss! jirrakkonta l-istorja ta’ tfajla Maltija li tirkeb bil-moħbi fuq it-tanker leġġendarju Ohio mal-maħbub tagħha bit-tama li jiġu Malta – jekk jirnexxilhom jaslu!

Hawnhekk ħadt l-opportunità biex flimkien mal-istorja ta’ mħabba ta’ bejn dawn iż-żewġ żgħażagħ, tajt rakkont vividu ta’ x’seħħ tassew matul il-vjaġġ qalbieni tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Fil-fatt ftit jafu li dan il-konvoj telaq mill-Iskozja; li kien jikkonsisti f’erbatax-il vapur merkantili u li minkejja li kien hemm mas-sittin bastiment tal-gwerra qegħdin jipproteġuh, irnexxielhom jaslu Malta biss ħamsa. Dan minħabba l-attakki ħorox li ltaqgħu magħhom mill-ajruplani, mis-sottomarini u E-boats tal-għadu f’rotta miżgħuda bil-mini taħt wiċċ il-baħar. Mhux ta’ b’xejn li l-Maltin baqgħu dejjem iqisu l-wasla ta’ dawn il-ħames vapuri merkantili bħala miraklu mill-Madonna.


Imbagħad f’L-Ewwel Preżenza nqdejt bl-isfond storiku tal-invażjoni ta’ Malta mill-Franċiżi.

3.       Min huma l-qarrejja tar-rumanzi tiegħek? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?
         
Il-qarrejja tiegħi huma nies ta’ kull età, appuntu għaliex s’issa ppruvajt nolqot lil ħafna nies. Preżenza nista’ ngħidlek li laqat lill-etajiet kważi kollha bis-sens ta’ umoriżmu li fih, flimkien mas-suġġett tal-ħares li jattira l-kurżità ta’ ħafna. U ninsab ċert li issa, anki L-Ewwel Preżenza se jerġa’ jattira firxa wiesgħa ta’ qarrejja.

Ix-Xafra tad-Destin u Konvoj x’aktarx li ma jappellawx għal tfal ta’ inqas minn għaxar snin, għalkemm tfal li tinteressahom l-istorja ta’ Malta x’aktarx li r-rakkont isegwuh ukoll. Mill-banda l-oħra, minħabba t-tema soċjali marbuta mal-problemi li jiffaċċjaw koppji adulti, Skjava fil-Ktajjen tal-Imħabba jappella iżjed għall-adolexxenti u għal qarrejja maturi.

Mill-feedback li nirċievi fuq facebook, ngħidlek biss li dawn il-kummenti jkebbsuli ħafna kuraġġ biex nibda naħseb għal rumanz ġdid. Speċjalment meta l-qarrejja jgħiduli li jkunu qegħdin jistennew bil-ħerqa rumanz ieħor mingħandi. Dan lili jtini sodisfazzjon kbir u napprezzah immens!

4.       Kif ivarjaw Preżenza u L-Ewwel Preżenza minn rumanzi oħra tiegħek bħal Ix-Xafra tad-Destin u Konvoj?

Nistħajlek qed tistennieni ngħidlek li d-differenza bejn dawn ir-rumanzi hija t-tema storika. Fil-fatt mhuwiex hekk.

Ix-Xafra tad-Destin kont ktibtu f’għeluq l-450 sena mill-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Konvoj ktibtu f’għeluq il-75 anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Filwaqt li issa, L-Ewwel Preżenza ktibtu biex infakkar il-220 sena mill-invażjoni tal-Franċiżi f’Malta. Dan għaliex l-ewwel terz tal-ġrajja tiżvolġi waqt l-iżbark, l-invażjoni proprja u minn xiex għaddiet Malta f’dawk il-ftit ġimgħat minn Ġunju sa Settembru tal-1798 sakemm il-Maltin irvellaw u qamu kontra l-qawwiet Franċiżi. Aktar ’il quddiem, ir-rakkont jiżvolġi wkoll f’dak li għaddiet minnu Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Kif inħobb nagħmel is-soltu fir-rumanzi storiċi erġajt tajt rakkont sħiħ, imżewwaq bi storja ta’ mħabba, ta’ x’kien qiegħed iseħħ f’dak il-perjodu meta l-Franċiżi marru kontra l-wegħdiet li kienu għamlu, u x’kienu qegħdin iħossu l-Maltin. Però anki, minn xiex kienu qegħdin jibżgħu s-suldati ta’ Napuljun. Tant li l-protagonist prinċipali ta’ L-Ewwel Preżenza ikun wieħed minn dawn is-suldati li ħabta u sabta... jinbidel fil-ħares tal-ġrajja tar-rumanz.


5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-messaġġ prinċipali tiegħi huwa bla dubju ta’ xejn biex jibżgħu għal-lingwa tagħna. L-ilsien Malti huwa uniku u distint fost ilsna oħrajn minħabba l-mod ta’ kif issawwar u dejjem kompla jiżviluppa minn ilsna oħrajn biex jaddatta ruħu u jaqdina tajjeb matul iż-żmien.

Inħeġġiġhom biex jitkellmuh sewwa u fejn għandna kliem bil-Malti ma jiddejqux jużaw lilu. Ma jinqdewx b’lingwi oħrajn biex jiktbu dak li jkollhom bżonn, għax il-kitba bil-Malti kapaċi taqdina daqs kwalunkwe lingwa oħra u tinftiehem aħjar minna lkoll. Nisħaq ukoll dwar l-importanza li ż-żgħażagħ jaqraw iżjed bil-Malti ħalli jitgħallmu jużawh tajjeb f’kull qasam li jkollhom bżonn. Ktieb huwa bir ta’ tagħlim u mezz ta’ rilassament.

Hawnhekk nixtieq nagħmel appell biex dawk li jitħajru jiktbu xogħol letterarju bil-Malti bħal novelli, poeżiji, rumanzi, eċċ, ma joqogħdux lura. Qegħdin nisimgħu b’ħafna kittieba ġodda u għalhekk, inħeġġiġhom biex dak li jiktbu ma jħalluhx fid-dlam tal-kexxun jew mitluf fil-labirint tal-kompjuter. Il-ħiliet u l-ideat tagħhom tajjeb li jesponuhom għaliex hawn ħafna talent li għadu moħbi. U l-letteratura Maltija għandha bżonnhom!
                                             
                                                       

Rumanzi u Novelli: Patrick Sammut jintervista lil Lina Brockdorff


1.      Ladarba Dar ir-Riħ u Meta Traxxax ix-Xita huma l-aktar żewġ rumanzi reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldu?

Mistoqsija ftit iebsa din li jifhmuni l-aktar il-kittieba tar-rumanzi. Għax mhux għalkemm tiskopri minn fejn u kif jitnissel rumanz. Drabi setgħet kienet silta mużika klassika li kaxkritni magħha għal ċerta burdata li drajt   ninterpreta bħala xenqa għall-kitba. Drajt ukoll li din l-imbuttatura  mhix ser neħles minnha qabel ma nibda nikteb xi ħaġa ġdida. Setgħet kienet ukoll xena li ħabbatt wiċċi magħha waqt il-ħajja ta’ kuljum; għax il-kittieb isir sensittiv ġmielu u jidra u jitgħallem jaħtaf u jisraq materjal għal kitba tiegħu. Niftakar, però, li fil-każ ta’ Ladarba Dar ir-Riħ inzertajt għaddejja kmieni filgħodu minn quddiem il-knisja San Gejtanu tal-Ħamrun u irrealizzajt li dik il-knisja qatt  ma daħlet bħala sfond għal xi rumanz tiegħi. U moħħi beda jredden.  Ir-rumanz Meta Traxxax ix-Xita  aktarx ġie mbuttat mis-subkonxju ta’ tfuliti fl-iskola tas-sorijiet ta’ St. Joseph, Tas-Sliema.

2.      Semmi żewġ jew tliet temi għal qalbek fin-narrattivi tiegħek?

Mingħajr dubju kemm ir-rumanzi u n-novelli li ktibt huma bbażati fuq it-tema tal-imħabba. Xejn fid-dinja ma jieħu l-post tal-imħabba sinċiera. Wara hemm it-tema tal-maħfra u din ftit iebsa biex tittrattaha b’mod raġunevoli f’rumanz  għax biex taħfer jeħtieġ li tagħlaq għajnejk għar-raġuni u b’rieda soda taħfer. Tema oħra li  ssib fil-kitba tiegħi hija s-sapport tal-ħbieb u l-familja.

3.      Min huma l-qarrejja tar-rumanzi ta’ Lina Brockdorff?       X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Aktarx li l-biċċa l-kbira huma nisa: dawn iċempluli jew jiktbuli, għakemm dan ma jfissirx li l-irġiel ma jaqrawhomx. Fl-istess ħin naf li l-irġiel iħobbu jisimgħu r-rumanzi tiegħi fuq xi radju u wara jmorru jixtru r-rumanz biex iżommuh. Dan nafu għax il-biċċa l-kbira mill-irġiel ikunu jixtiequ li niffirmalhom il-ktieb.  Kelli sorpriża ftit ilu meta mort inkellem tfajliet ta’ skola sekondarja li qed jistudjaw il-ktieb tan-novelli Il-Bieb Numru 11, għax dawn stqarrew li ġa qraw xi rumanzi tiegħi wkoll.
 
4.      Ktieb ieħor reċenti tiegħek hu ġabra ta’ stejjer Minn Żmien l-Għerien. Għaliex titlu bħal dan?

B’dan it-titlu kelli f’rasi li nolqot żewġ għasafar. Ibda biex aktarx li l-bniedem beda jirrakkonta ġrajjietu u stejjer sa minn żmien il-qedem. Niftakru li fl-għerien ma tantx kellhom tindif u xogħol ieħor li jeħdilna l-ħin tagħna llum. Mela nimmaġina li bdew l-istejjer l-irġiel kaċċaturi li min jaf kemm kienu jirrakkuntaw u jesaġeraw wara li jiġu lura mill-kaċċa. U żgur li ħadd minna ma jista’ jeskludi li f’dak iż-żmien bikri missirijietna wkoll kienu vittmi tal-emozzjonijiet ta’ mħabba, mibegħda u għira li llum mifnijin bihom  aħna.

5. Ir-rumanz fuq naħa u r-rakkont qasir fuq l-oħra. Xi tgħid dwar dawn iż-żewġ imħabbiet tiegħek?

Imħabbiet li aktarx twieldu u trabbew miegħi għax missieri minn dejjem niftakru jirrakkonta l-istejjer. Saħansitra fix-xelters fil-gwerra, waqt l-attakki (jekk jinzerta jkun magħna), erħilu jiġbor lin-nies ta’ hemm isfel u wara talba qasira jibda jivvinta u jirrakkonta. Naturalment, kien jagħmel dan biex forsi, b’xi mod  itaffilna ftit mid-dwejjaq tal-gwaj li minnu konna għaddejjin.  Din l-imħabba għadha miegħi sal-lum.

6. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjonijiet żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

B’xorti ħażina illum hawn bosta għedewwa tal-qari billi ż-żgħażagħ għandhom għażla kbira ta’ kif iqattgħu l-ftit ħin liberu. Huma jirraġunaw li jekk fi ftit minuti jistgħu jaraw film sħiħ, allura jkun telf ta’ ħin li jaqraw ir-rumanz tiegħu. Il-fatt huwa minnu, imma jekk ma jaqrawx qed jitilfu miniera ta’ ġid fil-qasam tal-kitba u tal-filosofija tal-ħajja. Film qatt ma jista’ jittratta dawn l-irqaqat. Bi ktieb f’idejk int tista’ terġa’ taqra passaġġ li għoġbok, forsi  timmarkah ukoll u hemm il-fatt favur il-qari li ktieb tista’ tieħdu miegħek kullimkien u taqrah biss meta jkollok ħin u aptit. Mingħajr dubju, il-ktieb huwa wieħed mill-aqwa teżori tal-ħajja.


GĦERA – PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL GIOELE GALEA


1.       Għera hi l-iktar ġabra ta’ poeżiji reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv/spiritwali tiegħek fuq din id-dinja jew hemm ukoll elementi ġodda?

Twieldet mill-esperjenza, mill-mixja tiegħi bħala bniedem lejn il-qigħan. Jien inħossni dejjem nieżel bħalkieku fi spirall lejn iċ-ċentru tal-eżistenza tiegħi. Għalija kull tarġa li ninżel hi qagħda ġdida, hi kisba ta’ għarfien ġdid. Aktar ma ninżel ’l isfel, aktar insib Il-għaqda bejn dak li jien f’ġismi u dak li jien f’ruħi. Dan qed jagħtini li nsib metafori ġodda. Ta’ min jgħid li Għera hu ktieb ta’ poeżija għarwiena. Għalija hi għera tremenda, fis-sens li hi kemm ġmiel u kemm tbatija. Anki l-mużika interna għall-poeżija tiegħi nħossha mġedda issa. Hi mużika li titlob aktar skiet mis-semmiegħ.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek?

Tema ċentral fil-kitba kollha tiegħi hi l-imħabba; it-tiftix tagħha fl-istadji kollha tal-ħajja. Bi mħabba ma nifhimx sentimentaliżmu (dan ma jsibx wisa’ fi vrusi), imma nifhem dik li hi dispożizzjoni ta’ ftuħ u lqugħ tal-misteru tal-ieħor, sewwa jekk dan l-ieħor hu bniedem u sewwa jekk hu l-Assolut. Temi oħra marbutin mill-qrib ma’ din huma: il-ġmiel fil-qalba tal-esperjenza umana, is-sens (jekk hemm) u l-post tat-tbatija, u l-bniedem bħala misteru fih innifsu f’misteru akbar minnu.

3.      Min huma l-qarrejja ta’ Fra Gioele? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Il-qarrejja tal-poeżija tiegħi huma kollha qarrejja li jħobbu l-poeżija. Ġieli kelli qarrejja li jgħiduli li s-soltu ma jaqrawx poeżija. Imma dawn huma ftit.

Il-qarrejja tal-proża tiegħi mbagħad, ġejjin minn kull triq fil-ħajja. Letteralment minn kull triq, u minn kull livell ta’ edukazzjoni. Naf li nqrajt minn żgħażagħ ta’ 15-il sena, u minn anzjani ta’ 88 sena. U qrawni ħafna u ħafna oħrajn bejn dawn iż-żewġ etajiet. Naf dan mill-feedback li rċevejt; feedback pożittiv għall-aħħar li – nistqarr – issorprendieni ħafna, għax ġie minn nies li qatt ma kont iltqajt magħhom qabel.


4.      Ktieb ieħor reċenti tiegħek hu Tħabbat Xtaqtek, din id-darba miktub bi stil narrattiv u f’għamla ta’ djarju. X’hemm li jorbot il-poeżija u n-narrattiva tiegħek flimkien? X’hemm li jiddistingwihom, anki fil-fażi meta tkun qed tiktibhom?

Jekk il-poeżija tiegħi hija merżuq li jinfed b’intensità lil ruħi u jħallini muġugħ (fis-sensi kollha tal-kelma), in-narrattiva hija d-dawl li jinfirex fija ħanin u bil-kalma. Il-poeżija hi konċentrazzjoni; hi distillazzjoni; hi kważi kważi għasir ta’ qtar ta’ essenza. Fin-narrattiva, il-kordi jinħallu ftit; l-essenza tiflaħ titħallat ma’ ftit ilma; dak li jkolli xi ngħid, ngħidu fuq sfond usa’.

X’jiddistingwi fija dawn iż-żewġ modi ta’ kitba? Ma nafx ngħid sewwa, għax fiż-żewġ modi ninħakem minn intensità qawwija. Jien ma niktibx meta niddeċiedi li nikteb, imma meta l-kitba taħkimni hi. U dan anki fil-proża. M’iniex wieħed li niġri wara l-kitba. Hi l-kitba li donnha tiġri warajja. Meta ma tiġrix warajja, jien ma nfittixhiex.

5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Aqra. Aqra dak li li joffrilek orizzonti ġodda, dak li jieħdok fi spazji li qatt ma kont fihom qabel. Kun kritiku ta’ dak li taqra. Tgħarbel inti stess mill-qari li tkun qed tagħmel. Fittex l-umanità fil-kitba, u mill-kitba pprova inżel fil-fond fil-misteru tal-bniedem. Għożż it-traċċi tal-ġmiel li ssib ... u ssokta aqra!



Mewt ġo Venezja: Patrick Sammut jintervista lil Alfred Palma


1.    Mewt ġo Venezja hi l-iktar tradizzjoni reċenti tiegħek. Kif u għaliex issa l-għażla tiegħek waqgħet fuq Thomas Mann?

Bħal Oscar Wilde u D.H. Lawrence, Thomas Mann kien kittieb kbir u kontroversjali li, minħabba l-omosesswalità tiegħu, bħal bosta awturi oħra, fittex li jeħodha kontra s-soċjetà dejqa u faċċjola ta’ żmienu, l-era Vittorjana u dik  immedjatament warajha, li ħakmet u fixklet lil kemm-il-kittieb bix-xkiel ta’ ċensura mill-aktar stretta u oppressiva. Ironikament, dan qanqal aktar lil dawn il-kittieba biex jirribellaw u, eventwalment, ‘iriegħxu dejjem aktar’ lill-istess soċjetà bix-xogħlijiet ‘jaħarqu’ tagħhom li dejjem, b’xi mod, irnexxielhom joħorġu u jippubblikaw xorta waħda! U għażilt lil Thomas Mann, u n-novella kbira tiegħu Mewt ġo Venezja (Der Tod in Venedig, 1912), għax  fiha, għad li forsi b’mod sottili, l-awtur inissel mistoqsija enigmatika u intertestwali dwar jekk il-kontentut tan-novella kienx dwar l-omosesswalità per se inkella sempliċiment dwar sbuħija fiżika, fin-novella personifikata fiż-żagħżugħ Pollakk Tadeusz, li bi ġmielu jġennen warajh lill-kittieb  ta’ mezza età Gustav von Aschenbach waqt li dan ikun fuq btala ta’ mistrieħ ġo Venezja... b’konsegwenzi traġiċi!

2.    Semmi tnejn jew tliet temi ewlenin fix-xogħlijiet ta’ dan il-kittieb.

Mann kien influwenzat ħafna b’dak li kien jiġri madwaru, fl-ambitu ta’ familtu u tas-soċjetà ta’ żmienu, l-aktar fis-snin tletin tas-seklu l-ieħor, u kien partikolarment imxabba’ bil-linja politika awtokratika perikoluża li kien adotta Hitler li, eventwalment, wasslet għat-tieni Gwerra Dinjija. Dawn it-temi jinħassu intensi u qawwijin għall-aħħar, partikolarment fir-rumanzi Doktor Faustus (1947) Lotte in Weimar (1939) u Joseph and his Brothers (1943). Hawn ta’ min jgħid li Mann ingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura fl-1939.

3.    Min taħseb se jkunu l-qarrejja ta’ Mewt ġo Venezja? X’tip ta’ feedback kellu xogħol bħal dan barra minn xtutna?

Nemmen li l-qarrejja ta’ Mewt ġo Venezja se jkunu dawk li apprezzaw (ukoll) it-traduzzjonijiet tiegħi ta’ Dante, Shaksepeare, Wilde, Voltaire u Lawrence. Dawn huma kittieba kbar u xogħlijiethom jibqgħu għajn eterna ta’ isipirazzjoni dwar dak kollu li jagħmel lill-bniedem denn tal-umanità tiegħu u ta’ xortih. Illum id-dinja teknoloġika saret aljenanti, materjalista,  u tbiegħdet qatigħ mill-ispiritwalità, u għalhekk wieħed jagħmel tajjeb li jerġa’ jfittex (u jsib)  lilu nnifsu u għerqu f’dawn ix-xogħlijiet letterarji ġganteski u immortali. Mewt ġo Venezja kien minn dejjem rumanz magħruf u popolari mad-dinja kollha. Iżda wara li fl-1971 ħareġ il-film Death in Venice, ta’ Luchino Visconti,  b’Dirk Bogarde bħala von Aschenach u Bjorn Andresen bħala Tadeusz, il-fama tan-novella splodiet, ħajr għas-suċċess enormi li kellu l-film u,  naturalment, wisq aktar nies saru jafu biha.

4.    Kif ivarja Thomas Mann minn Dante, Shakespeare, Wilde, Lawrence, Voltaire u kittieba oħrajn li inti għoġbok taqleb għall-Malti matul il-karriera twila tiegħek, l-aktar meta tiġi biex taqleb mill-ilsien barrani għall-ilsien Malti?

Bħal kull bniedem, kull awtur huwa differenti minn ieħor. Il-fattur komuni li jgħaqqadhom huwa l-umaniżu u l-ġenju tagħhom fil-gradi kollha tiegħu. Kollha jirriflettu żmienhom, ġibdiethom, is-sesswalità, il-ferħ u s-sofferenzi tagħhom. Jien bdejt bl-iebes mill-ewwel: Dante medjevali, imbagħad Shakespeare, Wilde, Voltaire u Lawrence: awturi kbar fi żminijiet differenti. U, biex setgħet tkun omoġenja u kredibbli,  kull traduzzjoni bil-Malti li jien għamilt kellha bilfors tikkumplimenta kemm lill-awtur kif ukoll iż-żmien li għex fih, u saħansitra l-lingwaġġ li uża. B’danakollu kull xogħol li għamilt, l-ewwel għarbiltu bl-akbar reqqa minn kull angolu,  u mbagħad bdejt ix-xogħol fuqu,  meta kont assolutament konvint mill-ħakma tiegħi fuq ix-xogħol in kwestjoni.

5.    Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Lill-ġenerazzjoni żagħżugħa nagħtiha parir twarrab aktar il-mobile minn idha u taqra aktar u aktar. Illum adottajna l-kultura filistina li dak li hu qadim armih! Hu x’inhu! F’kull fergħa ta’ arti! Żball traġiku! Siġra mingħajr għeruqha tmut, u hekk tmut il-kultura meta wieħed iwarrab dak li eternament ipaxxi lir-ruħ. Kollu minnu li l-aljenazzjoni (l-aktar għaż-żgħażagħ) illum hija kbira, u t-tentazzjoni li wieħed jitkaxkar mal-kurrent hija kiefra daqskemm hi reali, u akbar. Iżda r-ritorn lura lejn il-qari, lejn il-ktieb u l-letteratura għadhom jistgħu jsalvahom mill-artifiċjalità li ddawwarhom, jiftħilhom toroq ġodda fil-milja ta’ ħajjithom, u joffrilhom is-serenità u ferħ li toffri biss l-Arti vera!



Saturday, October 20, 2018

ANTON GRASSO. 40 SENA TA’ WAĦX … U AKTAR: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LILL-AWTUR



1.      Anton Grasso. 40 sena ta’ Waħx... u Aktar hu omaġġ għal kittieb li llum għandu wara spallejh karriera ta’ iktar minn 40 sena. Hu wieħed mill-ftit każi fejn awtur prolifiku qed jingħata ġieħ waqt ħajtu stess u mhux wara. Kif tirreaġixxi għal dan?

Ma nifhimx ir-raġuni għaliex bniedem li jagħti kontribut siewi f’ħajtu għandu jingħata gieħ wara mewtu.  Huma diversi l-artisti li ngħataw ġieħ f’ħajjithom.  Trofej, midalji, diplomi… saħansitra “Ġieħ ir-Repubblika”.  Fl-Ingilterra ir-Reġina tagħti t-titlu ta’ Sir lil min tħoss li ta sehem li jixraqlu.  U fil- fehma tiegħi hekk għandu jkun. 

Kemm ili midħla tal-kotba, saħansitra qabel l-ewwel pubblikazzjoni tiegħi, meta kont insib tieqa miftuħa, l-aktar fil-paġni letterarji li f’żgħożiti kellhom numru konsiderevoli ta’ qarrejja, kien hemm xi kritiċi u kittieba li ttimbrawni li xi darba nkun awtur.  Iż-żmien tahom raġun, aktar u aktar meta bdejt nippubblika l-kotba, li jwaħħduni bis-sħiħ mal-ġeneru tal-makabru.

B’xorti ħażina, f’Malta, fil-fehma tiegħi, gieħ mhux dejjem jingħata lil min veru jistħoqqlu.  Ċerti nies li huma midħla ta’ ċerti ċrieki għandhom setgħa  jimirħu u jilħqu mergħat li għal ħaddieħor huma magħluqa.  Teżisti wkoll il- ‘kultura’ ta’ ħokkli dahri u nħokk tiegħek.  Nies li jidhru kontinwament fil-midja mhux dejjem ikun ħaqqhom.  Tul il-karriera tiegħi ħdimt bis-sħiħ u minn qalbi fil-qasam tal-letteratura tal-biża’, għax barra li hu l-qasam favorit tiegħi, nemmen li bħal friegħi oħra għandha tingħata il-post denju tagħha.  Saħansitra, qabel ma sibt pubblikaturi interessati f’xogħli, ippubblikajt l-ewwel għaxar kotba minn buti.  Iżda qatt ma ngħatajt ebda gieħ, la minn Gvern anqas minn ieħor.  Il-ħajr tal-qarrejja tiegħi u l-fehma tal-kritiċi huma l-uniku sodisfazzjon tiegħi.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek?

Fil-kotba tiegħi, li jimxu wkoll lilhinn mill-konfini tal-biża’, meta nittratta l-qasam psikoloġiku, jinteressani l-aktar il-bniedem sensittiv u beżżiegħi, forsi għax bla ma rrid inkun qed nitkellem u nikteb dwari nnifsi. Nammetti li f’xi wħud mill-karattri tiegħi hemm jien f’aktar minn wieħed.  Il-karattru xipli li qatt ma jrid ikun eroj.  In-narċisista li jeqred lilu nnifsu.  Il-barrani f’soċjeta` li ma tridx taċċettah.  Forsi minħabba t-trobbija reliġjuża x’aktarx stretta żżejjed li kelli fi tfuliti. F’paġni sħaħ tan-narrattiva tiegħi hemm qalbi u ruħi miftuħin beraħ għall-ġudizzju tal-qarrej li jintebaħ.

Jinteressani wkoll il-bniedem emarġinat, dak li s-soċjeta` mhux dejjem jew ma tiħux gost taċċettah b’wieħed minnha.  Il-bniedem li għax ma jaqbilx mal-kotra, għax dellu tqil, għax hu tant dgħajjef li lanqas hu kapaċi jfendi għal rasu u jaqbeż għalih nnifsu, li jintebah li l-kejl li hu mkejjel bih mhuwiex sinċier għalkemm ‘validu’ - iżda għax hu nanu ħdejn ‘il-ġgant’ ma jista’ jagħmel xejn ħlief jaċċetta s-sitwazzjoni.  Forsi f’xi intervisti jien stess nista’ nagħti l-impressjoni li jien ’il fuq mill-kotra meta fil-fatt inħossni taħt il-livell tagħha. Forsi dan il-karattru bla ma naf jirrifletti wkoll lili nnifsi.

3.      Il-qarrejja tiegħek matul dawn l-aħħar 40 sena u iktar. Min huma? X’kuntatt u x’feedback għandek min-naħa tagħhom?

 Naħseb il-qarrejja tiegħi huma dawk li verament jemmnu u jgħożżu t-twemmin tiegħi.  Fil-qarrejja tiegħi ma naħsibx li hemm it-triq tan-nofs.  Ma naħsibx li hemm medjatur li jista’ jqarreb lejn il-kitba tiegħi lil min mhux interessat fil-kitba tiegħi.  In-numru ta’ qarrejja tiegħi ma naħsibx li hu żgħir, iżda xorta jibqa’ limitat.  Għax waqt li kittieba oħra jiktbu dwar dak kollu li jaqa’ taħt għajnejhom, jien nagħżilhom is-suġġetti tiegħi.  Naħseb li hawn nies li jistennew b’ħerqa l-kotba tiegħi u jixtru kull ktieb li noħroġ, oħrajn li nikteb x’nikteb, sempliċiment għax tiegħi, ma jinteressahom xejn.  Naf għalliem li jgħallem mat-tifla tiegħi li għandu xi 150 ktieb tiegħi, kollha ffirmati, meta jien ippubblikajt 52.  Minn xi wħud għandu tlieta, erbgħa, ħames kopji jew aktar. Il-raġuni: Ma nistax nara ktieb tiegħek x’imkien għax irridu għandi.  Ipatti għal dawk li lanqas jekk tħallashom ma jaqraw ktieb wieħed tiegħi.

4.      Dan il-ktieb jinkludi fih għażla ta’ 22 novella u 40 poeżija tiegħek. Huma kollha xogħlijiet li diġà dehru f’pubblikazzjonijiet tiegħek tal-imgħoddi? X’wassal għall-għażla tagħhom u mhux kitbiet oħra minn tiegħek?

Dan l-aħħar stqarrejt f’iktar minn intervista waħda r-raġuni li m’iniex nippubblika xogħol ġdid, mhux għax m’għandnix mnejn nagħżel.  Għandi mijiet ta’ stejjer barra xogħlijiet oħra li qatt ma ġew ippubblikati.  Bla dubju li kieku kelli nagħżel nirranġahom żgur, stejjer li ktibt snin ilu, li mhux dejjem kont nikteb għal qalbi, ġieli bi sforz, li nittama li meta jasal iż-żmien tan-nixfa (li ħafna awturi jgħaddu minnu) indur għalihom.  Iżda l-ħerqa għall-kitba bgħattietli u ili żmien ma nikteb xi ħaġa ġdida.  Għalkemm il-ktieb xorta jibqa’ l-isbaħ xogħol artistiku, il-passjoni ta’ darba ntfiet.  Barraminhekk sirt iebes wisq miegħi innifsi u ma niddejjaqx nirrevedi u nkisser xogħlijiet tiegħi, kif fil-fatt għamilt.  Naħseb l-aħjar xogħol tiegħi ippubblikajtu.

5.      In-novella hija l-forte tiegħek, imma tikteb ukoll il-poeżija. Xi tgħid dwar dan? X’toffri l-poeżija li l-kitba tan-novella/rakkont ma toffrix?

Jien ktibt aktar minn elf novella, qasam favorit għax il-kitba qasira, tibdieha u ttemmha bla ma teħodlok ħafna ħin.  Ħafna min-novelli tiegħi ktibthom fi ftit sigħat jew f’nofstanhar.  Għalkemm għandi numru ta’ poeżiji, u xi wħud verament għal qalbi, qatt ma qist lili nnifsi poeta.  L-aktar poeżija li togħġobni hi dik tal-vers tal-ħdax.  Naħseb li l-poeżija hi l-aktar ħaġa intima li tista’ taqsam mal-qarrejja - it-twemmin, aktar minn kollox, fik innifsek u fil-fidi tiegħek.  Forsi l-aħjar versi joħorġu fin-niket. In-novella qatt ma tista’ tilħaq il-fond, il-profondita`, l-intensita` tal-poeżija, li b’ħasra hi l-anqas ġeneru mfittex.

6.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Ħobb il-ktieb.  Emmen fil-ktieb. Aqra l-ktieb. Għożż il-ktieb.  Hu l-akbar ħabib li jista’ jkollok. Issibu dejjem, skont il-burdata li jkollok.  Il-ktieb hu element qadim li dejjem jibqa’ ġdid, ma jmut qatt u dejjem jibqa’ jiġġedded. Ħadd, xejn ma jista’ jeqirdu. U tgħallem għażel l-awturi tiegħek.  Il-letteratura hi l-għajn ta’ kull għarfien.  Għixha.



THE RELUCTANT HEALER – PATRICK SAMMUT INTERVIEWS AUTHOR LOU DROFENIK



1.       The Reluctant Healer is your most recent novel. When and from where did it come from?

The novel came from a conversation during one of the interviews I held in 1989 in Malta. A long time ago now. We spoke about domestic violence and the disrespect women face especially if they are uneducated. When I transcribed the interview a sentence struck me and stayed with me. ‘My dear over there they have an uspeakable wound.’ It took many years and a few novels later that this sentence crystallised and became a novel.

2.       Mention two or three favourite themes in your narrative.

I did not write this novel with a particular theme in mind. I want to leave it to the reader to work out the themes. Once I heard Laura’s voice, I knew what her character was like. I enjoyed writing about her, about her search for her origins, discovering she had the same gift her grandmother Mariannina had. As I was writing I travelled with her to Gozo and watched her falling in love not only with the island of her birth but also with the young man she had known in her childhood.

3.       Who are the readers of your novels? What type of feedback do you have?

I actually had very good feedback so far. Readers have told me they became very emotionally involved in the narrative and couldn’t put it down.

4.       How is The Reluctant Healer different from your previous novels? Are there any common elements?

This is very different to the other novels as it doesn’t have any historical facts in it. It is purely a narrative dealing with a young woman’s search to find who her parents were. Unknowingly she had been living within a web of lies, and had she not gone to Gozo she would never have discovered her true identity.

5.       A short message the younger generations regarding books, reading and literature?

Reading opens the world for us. A good book takes us on a journey where no plane or train or bus can go, it makes our hearts soar to unimaginable heights. I love reading.



Monday, July 30, 2018

Beautiful microcosm

Directly from Romania, upriver, near the mountain range.

Thanks to Nadia and Dragos.




Lunar eclipse as seen from Mellieħa Bay, Malta, July 2018








Thursday, June 21, 2018

IL-WAQGĦA TAS-SIĠAR


F’din l-era tad-deheb
fejn il-kotra paxxuta
baqa’ ftit minna li għandhom
għajnejn biex jaraw u qalb li tħabbat...

Inħarsu barra t-tieqa
u nilmħu l-baħħ għaddej rasu baxxuta
jġorr it-toqol ta’ lwien il-luttu.
Mad-dawra jispuntaw
torrijiet bil-mijiet ta’ qisien differenti
ħallelin tal-mergħat ħodor u l-wesgħat koħol,
u ħdejhom, kompliċi, fergħat mekkaniċi
ta’ ġganti indifferenti
- allat u lsiera fl-istess waqt –
li qatt ma jixbgħu
jgħabbu briksa fuq briksa
u jqiegħdu planka ħdejn l-oħra
sakemm jintlaħqu s-smewwiet
u l-aħħar qatra demm jibdluha f’konkrit.

Iċapċpu bil-mijiet u bl-eluf għal dan is-seħer
li bidel il-ħamrija f’deheb misħut!
U intant
is-siġar baqgħu biss l-iħirsa tagħhom
u għal min għadu jisma’
l-eku ta’ leħinhom jgħajjat l-aħħar għajta ta’ wġigħ
qabel qatgħulhom rashom
f’olokawst ta’ progress u abbundanza.

Illum, allajbierek, xejn ma jonqosna!
Nifisna arrikkit mit-trabijiet u d-dħaħen
li kisbu ċ-ċittadinanza fuq dawn il-gżejjer tikka,
żaqqna paxxuta bl-ikel iffriżat u l-ilma bbottiljat
għajnejna, widnejna u moħħna aljenati
nsoffu d-diskorsi zokkor-ivvalenati tal-kbarat!

F’din l-era tad-deheb il-kotra paxxuta...
Għaliex ngħabbu ’l moħħna b’dak li ġej?
Illum illum u għada f’idejn uliedna...
Ħallihom igawdu l-iħirsa tal-wesgħat ħodor u koħol
fi spazji virtwali...
Ħallihom igawdu l-għoli u l-kobor tat-torrijiet!
Għalina l-ftit boloh li mhux kuntenti
ħallina nissawtu mill-iħirsa tal-imgħoddi
ħallina nibku tan-natura l-barkiet!