Friday, December 21, 2018

Monday, December 17, 2018



Image may contain: ocean, sky, cloud, twilight, outdoor, nature and water

PER ME LA POESIA...

La poesia è quella presenza
gentile, eterea che incontro nei sogni
una volta ogni tanto...

È la brezza che mi accarezza
quando guardo l’orizzonte
dalle scogliere in solitudine...

È il tocco delle labbra
dell’amata sulle mie...
La tenerezza negli occhi
dei miei figli,
angeli custodi dell’anima.

Per me la poesia
è un sorriso leggero
una presenza costante
mai distante...
è sempre lì nascosta...
basta rallentare, respirare,
e tutto diventa magia, poesia!

Patrick Sammut

Saturday, December 01, 2018

Online quarterly literary magazine - IL-PONT Diċembru 2018

Ippubblikata l-ħarġa ta' Diċembru 2018 tar-rivista letterarja virtwali IL-PONT.

Ħajr lil dawk kollha li kkontribwixxew bil-materjal varjat u anki lil dawk li jgħinu biex IL-PONT iwessa' n-numru tal-qarrejja tiegħu.

Minn hawn nibgħat l-awgurju tiegħi lil ALFRED MASSA, President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, f'jum għeluq sninu.

December 2018 issue of online literary magazine IL-PONT is out.

Thanks for all those who contributed and help in increasing IL-PONT readership.

A Happy Birthday to Alfred Massa, Honorary President of Maltese Poets Association.

https://issuu.com/patrickj.sammut/docs/il-pont_dicembru_2018?fbclid=IwAR1cR2igrOIysfaXsITtSIuWrU2H6BGlQNhHjzs2fVM3eMjWDSVG1WyyxR0

Monday, November 05, 2018

AĦMED. L-ILSIR LI JSIR EROJ: Patrick Sammut jintervista lil George A. Said-Zammit


1.      Aħmed. L-Ilsir li Jsir Eroj huwa l-iktar rumanz reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieled?
L-Istorja ta’ pajjiżna hi wisq għal qalbi! Wara l-pubblikazzjoni ta’ żewġ rumanzi oħra (Is-Saltna li Jmiss u Emilia), ħassejt li l-perjodu tal-Kavallieri wkoll għandu x’joffri bħala bażi għan-nisġa ta’ rumanzi storiċi. Din id-darba għażilt storja bbażata fuq episodju li forsi ftit li xejn hu magħruf magħna l-Maltin: il-Konfoffa tal-Ilsiera, ġrajja li seħħet fi żmien il-Gran Mastru Pinto fl-1749. Kont ili ngħarbel kif ġrajja ftit li xejn magħrufa tista’ sservi bħala sfond b’saħħtu għal ġrajja fittizja iżda interessanti. Wara li komplejt nirriċerka dan il-perjodu partikolari, u b’mod espliċitu dan l-episodju, ħassejt li għandi l-ingredjenti kollha meħtieġa biex ninseġ il-ġrajja tar-rumanz. U b’hekk nista’ ngħid li twieled ir-rumanz Aħmed – L-Ilsir li Jsir Eroj. Ġaladarba r-riċerka inkun għamiltha kif suppost, dan jgħinni biex il-ġrajja rakkuntata tinkiteb mingħajr skossi żejda. Dan ir-rumanz bdejt niktbu fl-2017 u temmejt niktbu din is-sena stess (2018).
 2.      Semmi tnejn jew tliet temi li tittratta f’dan ix-xogħol narrattiv ġdid tiegħek.
Ir-rumanz fih diversi temi kuntrastanti. Pereżempju, insibu li Aħmed minn kmandant ta’ xini Ottoman – x’aktarx wieħed mill-iktar imriekeb importanti tal-Imperu Ottoman fis-seklu tmintax – kien spiċċa lsir taħt idejn il-Kavallieri. Naraw hawnhekk is-sens ta’ rabja, ta’ frustrazzjoni u ta’ vendetta li fl-ewwel parti tar-rumanz Aħmed kellu kontra l-Kavallieri. U lil dan, miskin, ma nagħtuhx tort! Kellu karriera navali twila warajh, kellu bosta titli u unuri li ngħata mis-Sultan Ottoman innifsu u kellu wkoll futur quddiemu għax kien għadu żagħżugħ. Imma naraw tul ir-rumanz kif ir-rabja tinbidel għal sens ta’ paċi fil-qalb u l-frustrazzjoni bil-mod tinbidel f’opportunitajiet ġodda fil-ħajja ta’ Aħmed. Minħabba f’hekk il-vendetta ma tibqax tirrenja f’moħħ u qalb dan l-ilsir. Anzi, bil-kuntrarju, naraw kif bil-mod il-mod Aħmed jispiċċa biex isir eroj ta’ Malta u ħabib tal-Kavallieri. B’mod ironiku, min kien qabdu bħala lsir u biddilu ħajtu ta’ taħt fuq, spiċċa sar l-ikbar alleat tiegħu.
 Tema oħra li tispikka fir-rumanz hija dik tal-imħabba, mibnija fuq il-fiduċja, ir-rieda tajba u l-onestà. Aħmed mhux biss isir iħobb tfajla u jiżżewwiġha, imma l-istess sid l-ilsir, is-Sur Cesare, kien sar iħobb lil Aħmed daqslikieku kien ibnu stess. Il-fiduċja li Cesare ta lil Ahmed kienet x’aktarx ingredjent kruċjali għaliex dan warrab minn qalbu s-sens ta’ vendetta u ddeċieda li jagħmel l-aħjar li jista’ minn ħajtu fiċ-ċirkustanzi l-ġodda li sab ruħu fihom meta spiċċa lsir hawn Malta.
 Temi oħra li nsibu fir-rumanz huma dawk tal-ġustizzja soċjali, il-klassi soċjali, l-importanza tar-reliġjon fis-soċjetà Maltija tas-seklu tmintax, kif ukoll id-determinazzjoni u l-qlubija.
 3.      Dan mhux l-ewwel xogħol narrattiv ippubblikat tiegħek. Kif ivarja Aħmed. L-Ilsir li Jsir Eroj minn kotba oħra li diġà ppubblikajt?
Personalment inħoss li dan ir-rumanz mhux biss huwa itwal minn Emilia u Is-Saltna li Jmiss, iżda huwa wkoll aktar matur. Dan huwa t-tielet r-rumanz li qed nippubblika. Nemmen li hemm aktar maturità fil-ħsieb, fil-lingwaġġ u l-espressjoni, kif ukoll fil-mod kif tiżvolġi n-narattiva.
 Ivarja wkoll għaliex bħala sfond jintuża perjodu differenti. Filwaqt li l-ġrajja ta’ Is-Saltna li Jmiss isseħħ fl-aħħar parti tal-perjodu Aragoniż u fl-ewwel perjodu tal-Kavallieri f’Malta, u l-istorja ta’ Emilia sseħħ fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, il-ġrajja ta’ Aħmed isseħħ f’perjodu u kuntest storiku differenti, kif semmejt aktar ’il fuq.
 Irrid ngħid ukoll li l-ġrajja ta’ Aħmed hija differenti minn tat-tnejn l-oħra għaliex għalkemm għandek ġrajja ta’ mħabba, l-eżitu ta’ kull ġrajja hija differenti kompletament.
 4.      Għal min huma mmirati r-rumanzi/xogħlijiet tiegħek? X’tip ta’ feedback ikollok mill-qarrejja?
Ir-rumanzi tiegħi huma mmirati għal kull min iħobb jaqra bil-Malti, l-ilsien sabiħ tagħna. Inħoss li l-Malti li nuża la huwa sempliċi żżejjed u lanqas hu akkademiku. Għaldaqstant, nemmen li r-rumanzi tiegħi jistgħu jinqraw mit-tfal, miż-żgħażagħ, kif ukoll mill-adulti, minkejja l-livell ta’ edukazzjoni tagħhom. Il-feedback li jkolli huwa ġeneralment wieħed pożittiv, tant illi ż-żewġ rumanzi li ppubblikajt qabel intagħżlu biex jinqraw anke fuq ir-radju, xi ħaġa li jiena tant apprezzajt. Ħaġa oħra li jgħiduli hija kemm ikunu riċerkati r-rumanzi tiegħi. Irrid nagħmilha ċara, iżda, li r-rumanzi tiegħi mhumiex kotba tal-Istorja. Għalkemm dejjem nuża sfond storiku, il-ġrajja li nirrakkonta hija msejsa fuq ġrajjiet u personaġġi storiċi mħallta ma’ oħrajn fittizji.  Kieku kelli nuża biss ġrajjiet u personaġġi storiċi nkun qed nillimita ruħi ħafna fin-nisġa ta’ narattiva interessanti u dinamika.
 5.      Kif jintrabtu flimkien l-istudji tiegħek fl-Arkeoloġija u fl-Istorja, ix-xogħol tiegħek u l-kitba fittizzja?
Naħseb li din hija taħlita ta’ diversi elementi. Irrid ngħid li l-istudji tiegħi f’universitajiet differenti kienu dejjem fl-Arkeoloġija u l-Istorja. Iżda rrid ngħid ukoll li meta dħalt l-Università ta’ Malta fl-1987 jien kont bdejt nistudja l-Malti, lingwa li tant inħobb. Ir-rumanz, b’mod partikolari, huwa ġeneru ta’ letteratura li huwa għal qalbi wisq. Dejjem emmint li l-istudji fl-Arkeoloġija u l-Istorja setgħu jservu bħala bażi tajba biex permezz tagħhom inkun nista’ nesperimenta bil-lingwa Maltija, u b’mod partikolari fil-letteratura Maltija. Tant hu minnu li fit-tliet rumanzi li ppubblikajt diġà nagħmel diversi referenzi indiretti għar-riċerka dottorali tiegħi, pereżempju meta niddeskrivi d-djar, is-soċjetà Maltija f’epoki differenti, il-klassi soċjali, l-ekonomija, eċċ. Irrid intenni wkoll li, għalkemm aktar tard (fl-1988) jien kont ħallejt l-istudji tiegħi fil-Malti biex minflok nispeċjalizza fl-Arkeoloġija u l-Klassiċi, bqajt dejjem ngħożż il-Malti u l-letteratura Maltija.
 6.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?
Il-messaġġ tiegħi liż-żgħażagħ – anke bħala edukatur għal kważi 30 sena, huwa wieħed: komplu għożżu l-qari, minkejja l-lingwa, minkejja t-tul u minkejja s-suġġett. Il-qari huwa importanti għaliex mhux biss huwa passatemp u jgħinek tistrieħ u tirrilassa, imma huwa wkoll għodda importanti li permezz tagħha titgħallem ħafna affarijiet ġodda. Jgħinek ukoll tikteb u tesprimi ruħek aħjar. Il-qari jservi wkoll ta’ arrikkiment fil-lessiku li nużaw fil-kitba, barra li jgħin fil-grammatika ta’ lingwa partikolari. Hija skuża li wieħed jgħid li m’għandux ħin jaqra. Fil-verità kieku kellna nikkontrollaw ftit aktar l-użu tal-midja soċjali, żgur nsibu iktar ħin biex naqraw. 
Inħeġġeġ ukoll liż-żgħażagħ biex mhux biss ikomplu jaqraw, imma wkoll biex jiktbu u jesperimentaw ruħhom bil-kitbiet innovattivi tagħhom.

Friday, November 02, 2018

KULĦADD BARRA FAJŻA: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL JOHN P. PORTELLI


    Kulħadd barra Fajża hu l-ewwel rumanz tiegħek wara li inti ppubblikajt numru ta’ ġabriet ta’ poeżija. Meta u minn fejn twieled dan ix-xogħol narrattiv?

Veru li dan hu l-ewwel rumanz tieghi. Imma mhux l-ewwel attentat tal-proża għax f’Marzu li għadda ħriġt ġabra ta’ 55 novelli qosra, Inkontri ta’ Kuljum. Imma li tikteb rumanz huwa differenti ħafna milli tikteb stejjer qosra. It-tnejn għandhom il-valur tagħhom, imma rumanz jitlob konċentrazzjoni fit-tul. Dan ir-rumanz twieled mix-xogħol akkademiku riċenti tiegħi. Jiena bħala professur fl-Università ta’ Toronto ngħallem unit ta’ 36 siegħa dwar in-narrattiva tal-emigrazzjoni u l-eżilju. U f’dan il-unit niffoka fuq ir-rumanzi ta’ Tahar Ben Jelloun u Laila Lalami, żewġ kittieba Maghrebini, stupendi u rebbieħa ta’ diversi unuri. Twieled ukoll mill-konvinzjoni li wasalt għaliha meta għalaqt is-60 sena 4 snin ilu, jiġifieri l-konvinzjoni li l-letteratura toffri aktar spazju miftuħ għal diskussjoni intellettwali u wiesgħa mill-kitba akkademika li fil-ġeneru tagħha ippublikajt 11-il ktieb! Jekk qed nikkritika, qed nikkritika lili nniffsi.

        Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek f’dan l-ewwel rumanz tiegħek. Kif jintrabtu dawn ma’ jew ivarjaw minn dak li diġà ktibt fil-versi tiegħek?

Tema ewlenija hija l-esperjenza varjata tal-emigrant għax l-istorja tiffoka fuq il-ħajja ta’ żewġ familji emigranti Maltin fil-Kanada. Sintendi, familji maħluqa minni. It-tema tal-emigrazzjoni tidher qawwija ħafna fil-kitba tal-poeżiji. Tema oħra hija li qatt ma nistgħu nkunu certi mija fil-mija x’jiġri fil-ħajja tal-bnedmin.  Ta’ barra mhux dejjem jirrefletti kollox. U aħna dejjem noħolqu r-realtaijiet ta’ dak li naħsbu li ġara. U din hi tema qawwija ħafna fl-istejjer qosra. It-tielet tema hija l-element eżistenzjali li nsibu wkoll fil-kitba kollha tiegħi.

       Għal min hu mmirat l-aktar xogħol bħal dan? X’tip ta’ lingwa/stil użajt u liema huma l-ispazji li fihom ambjentajt l-azzjoni tal-istorja tiegħek?

Ir-rumanz hu miktub b’Malti mexxej. Jiena nemmen li l-letteratura għandha tkun miftuħa għal kulħadd. Il-biċċa l-kbira tar-rumanz huwa ambjentat f’Toronto, imma hemm avvenimenti li jiġru Malta wkoll. Hemm ukoll diversi riflessjonijiet mill-karattri dwar ġrajjiet storiċi riċenti f’Malta.

        Issa li dħalt ukoll fil-kitba tal-proża, x’differenza tħoss bejn meta wieħed jiġi biex jikteb rumanz jew novelli, u meta jikteb il-poeżija? F’liema kamp iħossok l-iktar komdu? Għaliex?

Qed nibda nħossni komdu fiż-żewġ ġeneri. Imma l-poeżija ma nsejthiex. Fil-fatt qed naħdem fuq ġabra oħra ppjanata għall-2019. Kif għidt qabel, ir-rumanzi jitolbu konċentrazzjoni differenti minn dik tal-poeżiji.  Imma t-tnejn li huma jitolbu ħafna u ħafna paċenzja u tirqim u tqaċċit, u diskussjoni miegħek inniffsek u ma’ oħrajn.

        Kemm tħoss li r-rumanzier/poeta għandu jinvolvi ruħu fil-qasam politiku-soċjali permezz tax-xogħlijiet letterarji tiegħu?

Nemmen bis-sħih li r-rumanzier u l-poeta għandu jinvolvi element politiku-soċjali għax wara kollox dan hu aspett integrali fil-ħajja ta’ kuljum. U xinhi l-letteratura mingħajr il-ħajja? Mhux qed ngħid li l-kittieba għandhom ikunu xi profeti. Imma l-analiżi, il-ħsieb u l-emozzjonijiet tagħhom għandhom ikunu parti integrali mid-diskussjoni demokratika.  Nemmen ukoll li ħadd mhu newtrali u lanqas qatt nistgħu nkunu newtrali. Nippruvaw inkunu ġusti iva; newtrali le. U din hi raġuni oħra favur it-tlaqqigħ tal-letteratura mal-element politiku-soċjali.

        Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura?

Taqtghu qalbkom qatt. Illum għandkom ħafna letteratura varjata minn fejn tagħżlu. Ibdew b’dik li tolqotkom u togħġobkom, imma bil-paċenzja varjaw ukoll. Huwa kruċjali li l-qari li ndaħħlu fl-iskejjel ikun qari li jgħaqqad mal-ħajja tal-istudenti u jkunu varjati, inkella se nibqgħu ngerrxuhom mil-letteratura kif ilna nagħmlu għal ħafna snin!

Monday, October 22, 2018

IR-RAĠEL STRAMB: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL SALV SAMMUT


1.           Ir-Raġel Stramb huwa l-iktar rumanz reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieled?

Iva! Dan huwa l-aħħar rumanz mitbugħ. B’danakollu ma jfissirx li huwa l-aħħar wieħed miktub. Fil-fatt hemm tliet rumanzi oħra jistennew għand il-pubblikatur. Inbeda jinkiteb fit-30 ta’ Jannar u ntemmet il-kitba tiegħu fit-2 ta’ April tas-sena 2015 u pubblikat minn Horizons fis-sena 2016. Ġie moqri  minn Manwel Cassar fuq Radju RTK.

Ġejt imnebbaħ niktbu wara li qrajt novella dwar raġel li kien iġib ruħu ħażin ħafna ma’ tliet nisa. Ovvjament, il-ġrajja tar-rumanz tiegħi hija totalment differenti u kompliet tissaħħaħ aktar ma l-karattri mmaturaw fil-ġrajja.

2.           Rumanz bħal dan għandu ċerta importanza fuq livell politiko-soċjali. Xi tgħid dwar dan?

Bħar-rumanzi ta’ qablu, it-tema ewlenija dejjem tkun dik soċjali.  Il-qofol ikun it-tiswira tal-karattri fid-diversità fil-psikoloġija tagħhom. Dan ir-rumanz jgħid it-trawma li għadda minnha l-karattru prinċipali għax kien altruwista u kif baqa’ mxiegħef meta ġie milgħub. Dan il-fatt wasslu biex jistkerrah lin-nisa kollha u jibża’ jkollu kuntatt magħhom speċjalment żgħażagħ u ħelwin. Minkejja dan, l-iffittar ta’ tfajla oħra jerġa’ jgħin biex fl-aħħar jinkiseb l-għan aħħari tagħha bl-aktar mod stramb imma fl-istess ħin altruwistiku.  Minkejja dan, l-element tar-relazzjoni tibqa’ dejjem waħda ta’ distanza. Fih ukoll hemm l-element tat-twemmin ideoloġiku kemm dak reliġjuż u kemm dak politiku u kif dawn jistgħu jgħixu flimkien jekk tabilħaqq jitwarrbu d-differenzi fl-egoiżmu tal-bniedem. Il-ħajja soċjali bit-taqlib tas-sistema totalitarja ma’ dik liberali f’pajjiżi ’l bogħod minn xulxin.

3.           Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fin-narrattiva tiegħek.

 Il-laqta romantika li tibqa’ dejjem valida għax tgħaqqad il-ħlejjaq flimkien u tnissel fihom mhux biss imħabba imma wkoll rabta dejjiema ’l bogħod mit-tfixkil tal-ħajja. Il-psikoloġija li l-bniedem huwa msawwar biha u li turi d-diversità fil-psike tiegħu. Inħobb ħafna l-ħolqien fis-sempliċità tiegħu u nħossni nieħu r-ruħ meta l-karattri tiegħi nitfagħhom f’dak l-ambjent mhux mittiefes mill-id qerrieda tal-bniedem. Imbagħad hemm l-awtentiċità. Jiġifieri li għalkemm il-ġrajja hija fittizzja mhijiex waħda li ma tistax isseħħ. Minbarra dan, hemm ir-riċerka jekk se nidħol f’xi aspett storiku. Fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas, l-ambjent soċjali li l-ġrajja tinbena fuqha għax kif nemmen jien - il-kittieb huwa l-ġurnalista ta’ żmienu.

4.           Min huma l-qarrejja tar-rumanzi ta’ Salv Sammut? X’tip ta’ feedback ikollok   mingħandhom?

Il-qarrejja tiegħi huma n-nies normali ta’ ebda pretensjoni flimkien ma’ dawk kollha li jagħrfu jevalwaw l-istil u l-mod tal-binja ta’ kif tiżvolġi l-istorja. Huma nies ta’ kull età u klassi fl-istrata soċjali kif ukoll oħrajn aktar intellettwali li mhumiex maħkuma mill-element tal-lagħqiżmu li nsibu madwarna fiċ-ċrieki letterarji. Huma qarrejja li jixtarru u jistħajlu lilhom infushom qed jgħixu l-ġrajja huma u jibqgħu jaħsbu fuqha. Ħlejjaq li kapaċi jifirħu meta l-karattri jkunu ferħana u jitnikktu meta l-karattri jinħakmu min-niket.

Ir-rumanzi, speċjalment l-aħħar tlieta qabel dan, intlaqgħu tajjeb ħafna mill-qarrejja. Jien inkun naf kemm min-nies li jkellmuni, mill-kummenti li nirċievi fuq il-midja soċjali u kemm mir-riċensjonijiet. Iżda l-ikbar sodisfazzjon ikun meta l-kitba tiegħi nippreżentaha lill-pubblikatur u dan, jilqagħha mill-ewwel u wara l-pubblikazzjoni jgħidli li kellu domanda għalihom u li spiċċaw il-kopji miċ-ċirkolazzjoni.

5.           Ir-rumanz fuq naħa u l-poeżija fuq l-oħra. Xi tgħid dwar dawn iż-żewġ imħabbiet tiegħek?

Fir-rumanz għandi fejn nimraħ aktar u niżvolġi kemm il-ġrajja u kemm il-karattri. Fil-bidu nħossni f’limbu, iżda, imbagħad nibda ngħix mal-karattri u narahom jiżviluppaw quddiemi u esperjenzi kemm personali li seħħewli u kemm oħrajn li nkun naf bihom jissawru fir-rumanz. Bħal trabi li tarahom jitwieldu, jikbru u jimmaturaw fi ħlejjaq adulti. Fir-rumanz, inħossni li nista’ nwassal messaġġ soċjali u l-fatt li jien żort bosta pajjiżi u rajt ambjenti differenti għamluni iżjed konxju tar-realtajiet tal-ħajja.

Fil-poeżija nħossni aktar ristrett iżda nistqarr li hija element wisq ogħla f’dik li hi arti, kultura, intellettwaliżmu u ta’ ispirazzjoni emozzjonali. Fil-poeżija nista’ fi struttura aktarx qasira nesprimi ruħi b’aktar intellett u livell aritistiku fejn il-ħsieb irid jintagħġen b’mod elevat minn dik tal-proża. Il-poeżija hija l-għanja moħbija tar-ruħ li toħroġ tiġri bħan-nixxiegħa tgelgel fil-widien. Fiha s-sbuħija tal-kelma mirquma u dixxiplinata imma fl-istess ħin espressiva tar-ruħ. Il-proża hija l-libsa sabiħa li tidher minn barra imma l-poeżija hija d-diwi tal-emozzjonijiet tal-ġewwieni.

6.           Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-qari huwa l-muftieħ li bih tiftaħ bieb ġdid ta’ għarfien mhux maħsub. Il-ktieb huwa l-ħabib sieket u leali li dejjem jista’ jibqa’ ħdejk jekk int tridu maġenbek. Miegħu tqatta’ l-ħin u għal ftit waqtiet tinsa t-tfixkil tad-dinja ta’ madwarek. Il-letteratura hija t-tiżjin tal-kultura miktuba u moqrija li ssebbaħ mhux biss il-karattru ta’ min jaqraha iżda wkoll lis-soċjetà fejn jgħix il-bniedem ċivilizzat. Soċjetà mingħajr letteratura hija soċjetà bla ruħ tiġġerra bla identità.

Il-messaġġ tiegħi liż-żgħazagħ huwa biex iħobbu l-qari, jibżgħu għall-ktieb u jgħożżu l-letteratura. Mingħajr dawn it-tlieta, il-bniedem huwa dak l-istess bniedem li ħareġ mill-għerien għarwien kemm fiżikament u kemm fl-għarfien individwali u intellettwali tiegħu.


PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL ANDREW SCIBERRAS

1. El Duende hi l-iktar ġabra ta’ poeżiji reċenti tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv/spiritwali tiegħek jew hemm ukoll elementi ġodda?
Staqsejtni dwar l-isem tal-ktieb El Duende, hux hekk? L-esej ta’ Federico García Lorca intitolat Play and Theory of the Duende (1933) hu xogħol artistiku tal-ogħla livell. Jien qed nislet ħsieb dwar dan it-terminu mill-ambjent Malti li twelidt fih, imbagħad se nberrħu għall-poeżija tiegħi. Meta kelli bejn wieħed u ieħor għaxar snin, ommi kienet tgħidli biex ma mmurx nilgħab waħdi fil-ġnien ta’ ħdejna, għax fih hemm mistoħbi għafrit ikrah u jiblagħni. Illum naf li dan kienet tagħmlu biex nibqa’ ġewwa u ngħinha fix-xogħol tad-dar.
 
Fir-realtà l-għefieret jeżistu tassew f’kull wieħed u 
waħda minna, u ta’ kuljum irridu nissieltu magħhom 
biex ma jagħmlux ħajjitna u ħajjet l-oħrajn 
miżerabbli. Fil-Buddiżmu dawn jissejħu 
emozzjonijiet afflittivi (afflictive emotions) li 
jikkawżaw xi forma ta’ tbatija. Dawn huma r-regħba 
(lobha), il-mibegħda (dosa), id-delużjoni (moha), il-vanità (māna), il-fehmiet żbaljati (micchāditthi), 
id-dubju (vicikicchā), l-apatija (thīnaṃ), in-nuqqas ta’ sabar (uddhaccaṃ), in-nuqqas ta’ mistħija 
(ahirikaṃ), u n-nuqqas ta’ ħsieb korrett (anottappaṃ).
 
Fil-poeżiji tiegħi (b’mod konxju u aktar inkonxju) jirnexxili noħloq kwadri li t-tema prinċipali 
tagħhom hija t-tbatija, l-aktar dik eżistenzjali. B’xi mod jew ieħor dawn l-għaxar emozzjonijiet 
afflittivi li semmejt hawn fuq isibhom inċiżi f’xogħlijieti, b’dak kollu li tirrikjedi l-poeżija. Il-kitba 
tiegħi żgur li ma tridx twassal xi kmandament ġdid jew toħloq xi strutturi  kif wieħed għandu 
jġib ruħu moralment. Dan qed jagħmluh ferm u ferm tajjeb l-istituzzjonijiet organizzati ta’ kull 
tip għal skapitu ta’ poter. Imma jekk wieħed ifittex sew fil-qiegħ nett tal-poeżija tiegħi għandu 
jsib il-kunċett tal-‘ispiritwalità kożmika’ li tappartjeni lill-umanità kollha. U din l-ispiritwalità 
ilha li ġiet mifhuma fl-Orjent ferm qabel il-filosfi tal-Oċċident. Illum anki n-nozzjoni ta’ 
‘Konoxxenza Unifikatriċi’ qed issib bosta appoġġ mix-xjenzati. Skont il-matematiku Ingliż, 
Sir Roger Penrose, iż-żerriegħa tal-Konoxxenza tinsab propju fil-qalba tal-univers. U din 
l-asserzjoni ġejja mill-fatt li t-teorija tal-quantum iġġagħalna bilfors inħarsu lejn il-kożmu mhux 
bħala kollezzjoni ta’ oġġetti fiżiċi, imma bħala xibka kumplessa ta’ relazzjonijiet bejn kull partiċella 
subatomika li teżisti fih. Min studja ftit newroxjenza jaf li dan il-kunċett jgħodd ukoll għall-moħħ 
il-bniedem. Dan kollu li għedt hawn jirrelata flimkien. Il-vjaġġ poetiku tiegħi jsegwi din in-nixxiegħa 
ta’ kuxjent, u se jkompli jagħmel dan għax fil-frejm mentali tiegħi nemmen li ma jistax ikun mod
ieħor.

2. Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fil-versi tiegħek?

Dak kollu li jaqa’ taħt is-sensi tagħna, kif ukoll dak kollu li ma nistgħux nipperċepixxuh bihom.

 3. Min huma l-qarrejja ta’ Andrew Sciberras? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Staqsejtni min huma l-qarrejja tiegħi bħala poeta, hux hekk? Imma l-ewwel se nibda billi ngħid li l-mantell ta’ poeta jbeżżagħni qatigħ u żgur li mhux faċli li nxiddu. Fih toqol immens li ħafna drabi anki meta nikteb ikolli ma nilbsux. Nistqarr li kienu ftit il-mumenti li rnexxieli nilbsu u kienu ta’ turment tremend. Il-qarrejja tiegħi huma dawk li għandhom paċenzja ta’ Job biex jaqraw ħsus ruħi, għax dawn ma nwassalhomx b’mod dirett imma b’metafori, b’simboli, bi xbihat u b’għadd ta’ referenzi varji. Nemmen li għad jasal iż-żmien li ħadd aktar ma jinteressa ruħu fil-poeżija tiegħi, u għalija din ma tkunx sorpriża. Iżda sakemm l-inkwetudnijiet jew il-ħsejjes li għandi f’moħħi jibqgħu jippersegwitawni – u nħoss il-kilba li niktibhom – ma jkollix triq oħra għajr li nwettaq dan. Tal-anqas ikolli waqtiet qosra ta’ rilass mill-ansjetajiet eżistenzjali li jkidduni qatigħ.
4. Kotba oħrajn reċenti tiegħek huma Amor Fati u Titwila mit-Tieqa ta’ Ruħhom (bis-sehem ta’ Tarċisju Zarb), fejn naraw lilek anki bħala kritiku u kummentatur tal-letteratura. X’hemm li jorbot il-poeżija u l-ħsieb kritiku tiegħek flimkien? X’hemm li jiddistingwihom, anki fil-fażi meta tkun qed tiktibhom?


Nemmen li l-ktieb Amor Fati (l-imħabba tad-destin) hu xogħol uniku fil-letteratura Maltija, u dan mhux jien għedtu imma bosta kittieba u l-aħjar kritiċi li għandu dan il-pajjiż. Kull min qara dan il-ktieb jaf li l-ewwel parti tiegħu hija introduzzjoni kemxejn twila bl-Ingliż biex wieħed jifhem ħajjet u xogħol il-filosfu Friedrich Nietzsche. Fit-tieni parti tal-ktieb wieħed isib poeżiji tiegħi bil-Malti li sawwarthom fuq xi wħud mill-ħsibijiet ta’ dan il-filosfu kbir, biex inkompli nuri kemm kien dinamiku u artistiku f’xogħlijietu. Dan hu forsi l-aktar ktieb li ngħożż għal bosta raġunijiet varji.
Fil-ktieb Mit-Titwila ta' Ruħhom naqbel kompletament mar-riċerka li ġabar Tarċisju Zarb dwar id-differenza bejn il-poeti u l-kritiċi. U hawn taħt se nislet silta minn studju xjentifiku li jikkonferma dan. Nissuġġerixxi lil dawk kollha li għandhom kopja ta’ dan il-ktieb biex jaqraw din il-kitba dettaljata li tibda minn paġna 71 u tispiċċa f’paġna 76. Dan l-istudju ta’ hawn taħt isostni li moħħ il-bniedem għandu l-fakultà li joltera minn sistema għal oħra meta wieħed ikun qed jikteb poeżija jew xi xogħol kritiku. (Dan jgħodd ukoll fejn jidħlu kunċetti oħra). Nemmen li dan ikun qed iseħħ f’moħħi meta nwettaq dawn iż-żewġ proċessi.
“Ta’ min jgħid, għall-inqas hekk isostni Jerry McGuire, li hemm iċ-ċans li filwaqt li dawk li aħna nsejħulhom kritiċi huma kkonċernati l-aktar f’aspetti bħalma huma r-ripetizzjonijiet u l-kuntrasti tat-temi u t-tifsiriet, il-poeti hemm ċans li jkunu aktar interessati f’dawk li huma ripetizzjonijiet u kuntrasti tal-vokali u l-konsonanti, il-fasliet ritmiċi, u kull tip ieħor ta’ ħoss tal-poeżija. Jew, biex inkunu aktar ċari, dawn iż-żewġ naħiet jidħlu f’xulxin, imma ċ-ċans hu li poeti u kritiċi jaqraw il-poeżija b’modi differenti.
Hemm ċans, hawnhekk, mingħajr ma nidħlu f’ħafna dettall, li l-kritiku u l-poeta jużaw sistemi differenti tal-moħħ. Kenneth Heilman, newropsikologu mill-Università ta’ Florida, jitkellem dwar tmien blokok interkonnettjati ma’ xulxin, li xi wħud minnhom jirreferu għal reġjunijiet tal-moħħ li huma magħrufa sew u definiti b’mod ċar, filwaqt li hemm oħrajn li l-ġeografija tagħhom mhijiex daqshekk ċara. Huwa jitkellem, fost ħwejjeġ oħra, dwar dak li jissejjaħ il-kortiċju awditorju (il-giru Heschl/Heschl’s gyrus) li b’xi mod – li ħadd ma jaf – jaqsam il-ħsejjes li jkunu deħlin fil-moħħ f’fonemi. Imbagħad ikun hemm il-lessiku tal-input – tidħil fonoloġiku (phonological input lexicon) li jikkorrispondi għall-erja Wernicke, li tiftakar il-ħsejjes tal-kliem varju. L-erja Broca għandha funzjoni motorja, li l-għan tagħha huwa li tagħmel il-ħsejjes tal-ħdit/taħdit (speech) u l-programmi tal-movimenti tal-ħdit-fonetiku (phonetic-speech movement programs). Fiha nsibu l-programmi biex niffurmaw kliem ġdid u ħsejjes oħra. Dawn iż-żewġ sistemi jiddependu fuq il-phonological output lexicon – li xogħlu hu li jiftakar il-kliem u ħsejjes oħra – u dak li jkun jistenna li jinterpretahom kif suppost għandhom jinstemgħu.
F’livell ogħla ta’ pproċessar tas-sistemi intenzjonali tal-moħħ (iċ-ċingulat anterjuri u l-lobi frontali) joħolqu dak li Steven Pinker isejjaħlu l-mentalese u jistimulaw is-sistemi tal-produzzjoni tal-ħdit (speech) biex ibiddlu dawk il-ħsibijiet mentali jew proto-utterances fi kliem fiżiku u sentenzi.
Fuq is-sit tal-input, hemm unitajiet ta’ għarfien ta’ oġġett (object recognition units) li jissejħu ventral temporal occipital lobe, li jassoċjaw kliem mal-perċezzjonijiet tal-oġġetti. Għaldaqstant, fl-ogħla livell tas-sistema verbali, hemm għalqa konċettwalment-semantika li għandha x’taqsam mat-tifsiriet (probabbilment imferrxa sew fil-lobi parjetali u temporali).
Quddiem dan it-tagħrif, wieħed jasal biex jgħid, f’termini sempliċi, li l-poeti jaqraw il-poeżiji primarjament f’termini tal-erjas Broca u Wernicke, filwaqt li l-kritiċi jaqraw primarjament f’termini ta’ għelieqi kunċettwali semantiċi fil-livell ta’ fuqu. Il-poeti huma aktar ikkonċentrati fuq l-output tal-ħwejjeġ, u dak li huwa speċjali fuq il-poeżija huwa l-ħoss.”

5. Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Il-messaġġ tiegħi huwa għall-poeti t’għada. Fl-ewwel lezzjoni li tani l-Prof. Oliver Friggieri – li għadha stampata ġo moħħi sal-lum – kien qalli dawn il-preċiżi kelmiet: “Aqra kemm tiflaħ minn sferi ta’ għerf differenti, ara x’inkiteb qablek, u biex tikteb poeżija moderna tajba trid titkisser fuq il-metrika tradizzjonali.” Fl-aħħar nozzjoni Oliver Friggieri ried ifisser li kull tip ta’ kitba – f’dan il-każ il-poeżija – hija kontinwazzjoni ta’ dak li nkiteb qabilha. Fi kliem ieħor il-kitba hija bħal katina, li jekk tinqata’ ħolqa jew tnejn minnha ma tibqax sħiħa imma ssir bċejjeċ li jitferrxu ’l hemm u ’l hawn.

FITTIXNI FL-ILMA ĠIERI: PATRICK SAMMUT JINTERVISTA LIL ĠORĠ BORG


1.      Fittixni fl-Ilma Ġieri hi l-iktar ġabra riċenti ta’ poeżiji tiegħek. Meta u minn fejn twieldet? Il-poeżiji li nsibu hawn huma kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv tiegħek fuq din id-dinja jew hemm ukoll elementi ġodda?

Naħseb li l-poeżiji tal-istess poeta b’xi mod huma dejjem kontinwazzjoni tal-vjaġġ riflessiv tiegħu waqt li għaddej fil-ħajja għax il-poeta huwa minnu nnifsu bniedem li jirrifletti b’mod profond fuq dak li qed jiġri lilu jew madwaru. Iżda naħseb li staqsejtni hekk għax f’din l-aħħar ġabra, filwaqt li ma tonqosx il-poeżija lirika, li jien magħruf għaliha, hemm iżjed elementi filosofiċi mill-ġabriet ta’ qabel. Din il-ġabra ġdida, li hi s-seba’ ġabra poetika li pubblikajt s’issa, tibqa’ għaddejja bl-ispontanjetà tal-emozzjoni u fl-istess ħin tqanqal, tfittex u tipprova twieġeb ħsibijiet eżistenzjali li jiġu lil kull individwu matur. Hawn, billi jien Nisrani konvint, inħares lejn il-ħajja mill-punto di vista ta’ bniedem li jemmen. Mill-banda l-oħra dan mhuwiex xi ktieb mgħobbi bi ħsibijiet reliġjużi għax jien nimraħ ħafna minn suġġett għal ieħor u nħossni ħieles li nikkummenta, kultant b’linja filosofika fina, fuq il-ħajja li ngħixu lkoll kemm aħna.

2.      Semmi tnejn jew tliet temi għal qalbek fil-poeżija tiegħek.

Billi l-poeżija hi miktuba biex tikkomunika nħoss li l-komunikazzjoni u l-imħabba bil-komponenti varji tagħhom, huma fost l-ewwel temi li jiġuni f’rasi. Is-solitudni hija n-naħa l-oħra tal-komunikazzjoni u nikteb fuqha wkoll, l-aktar biex infakkar tifkiriet-ħelwa mnikkta tiegħi u riverenza lejn l-ambjent u n-natura. Ma’ dawn inżid ix-xewqa għat-tiftix tal-ħwejjeġ li ma jgħaddux, u allura tal-infinit. Meta nikteb fuq dawn il-ħwejjeġ normalment inlibbes il-ħsieb b’xi metafori jekk mhux ukoll poeżija sħiħa tieħu forma ta’ metafora waħda u hemmhekk ikolli metafora estiża (mifruxa) u l-qarrej jeħtieġ li jintebaħ għal xiex inkun qiegħed nirreferi f’kull każ.

3.      Min huma l-qarrejja ta’ Ġorġ Borg? X’tip ta’ feedback ikollok mingħandhom?

Minn dak li nisma’ u minn kif jgħiduli bil-fomm u bil-miktub xi qarrejja nfushom naħseb li l-qarrejja/semmiegħa tiegħi jħobbu t-tip ta’ poeżiji qosra u ta’ xejra lirika fejn wieħed jesprimi xi jkun iħoss u li, għad li jidhru sempliċi fil-wiċċ, fihom ċerta profondità li jħallu l-bniedem jaħseb. Il-qarrejja/semmiegħa li jħobbu dan it-tip ta’ poeżiji aktarx li jassoċjaw xi emozzjonijiet li jiltaqgħu magħhom f’dawn il-poeżiji. Għalhekk iħossu qrubija u affezzjoni mal-versi li jaqraw jew jisimgħu. F’dan is-sens il-poeżija ma tibqax tiegħi iżda ssir tagħhom ukoll.

4.      Il-konċiżjoni u l-mużikalità fil-versi tiegħek huma elementi ewlenin u fuq livell tematiku tidher ċara l-metafora tal-ilma. Xi tgħid dwar dan?

Diġà aċċennajt għall-konċiżjoni. Din mhijiex għażla tiegħi biex inħaffef, iżda pjuttost iżjed diffiċli għax fi ftit versi trid tiġbor verità poetika qawwija. Din, fil-fatt, semmejtha u elaborajt xi ftit fuqha fil-“Kelmtejn Qabel” li għamilt għall-ktieb. Dwar il-mużikalità fil-versi ngħid biss li din saret parti integrali mill-istil tiegħi. Il-versi donnhom joħorġu weħidhom idoqqu sabiħ fil-widna u kollha naturalezza. Għaliex joħorġu hekk ma nafx u ma nistax nispjega għaliex.

Il-metafora tal-ilma li semmejtli tidher saħansitra fit-titlu tal-ktieb stess, Fittixni fl-Ilma Ġieri, u fuq il-qoxra ta’ wara tajt tifsira (mhux esklussiva) għal dak li rrid infisser bit-titlu. Hawn l-istess ilma hu metafora għall-poeżija bnina li taqta’ l-għatx għal min irid ifittixha u jsir iħobbha. Ħafna mit-titli tal-ġabriet preċedenti tiegħi jsemmu direttament jew jagħtu ħjiel tal-ilma kif imfisser hawn.

Hemm tifsiriet iżjed sottili tal-metafora tal-għatx għall-ilma u dawn wieħed jista’ jsibhom ukoll f’dan il-ktieb meta jaqra poeżiji bħal “X’Fadallek?” u “Ilma”.

Ta’ min isemmi li ċerti metafori li nuża jista’ jkun fihom iżjed minn tifsira waħda, xi drabi iżjed minn tnejn ukoll.

5.      Messaġġ qasir tiegħek lill-ġenerazzjoni żagħżugħa rigward il-qari, il-ktieb u l-letteratura.

Minkejja li llum hawn ħafna biex wieħed jedha (bħal smartphones, facebook, internet, li huma utli tassew) il-qari ta’ kotba tajbin għandu jkollu post importanti f’dik li hi edukazzjoni tal-moħħ u tal-qalb. Letteratura valida tista’ tiftaħlek orizzonti kbar u tagħti pjaċir estetiku mill-isbaħ. Kun ħabib tal-ktieb Malti għax aħna Maltin u m’għandniex inwarrbu dak li hu tagħna u li jagħtina identità bħala nazzjon, bħalma huma l-lingwa u l-letteratura Maltija.