Iwieġeb Charles Flores:
1. Id-dinja bħalissa għaddejja minn waqtiet diffiċli ferm. Insemmi l-għargħar li laqtu lil partijiet tal-Awstralja, il-katakliżma fil-Ġappun u l-gwerra ċivili fil-Libja. Kemm jolqtu avvenimenti bħal dawn lill-poeta/kittieb Malti? Inti ktibt xi versi f’rabta ma’ dan kollu?
T: Dak li jiġri fid-dinja, wisq u wisq aktar illum li ma baqax aktar distanzi, jolqot direttament lill-bniedem kreattiv. Fis-Snin 60 ma ħassejtnix maqtugħ jew prużuntuż nikteb kontra l-gwerra tal-Vjetnam u l-inġustizzja soċjali f’Malta u barra. L-uġiegħ ta’ ġenerazzjoni m’għandux fruntieri.
2. Taħseb li l-poeta/kittieb għandu jesprimi ħsibijietu dwar avvenimenti bħal dawn issa qabel għada? Xi rwol għandu l-poeta/kittieb fi kwistjonijiet bħal dawn? Hu rwol iktar jew inqas important minn dak tal-politiċi tal-mument?
T: Il-poeta-kittieb ma jistax jinqata’ minn mal-politiku (mhux fis-sens partiġġjan, ovvjament) ghax ir-ruħ soċjali trid tkun għand it-tnejn. Ta’ wieħed ġenwina, tal-ieħor sikwit opportunista. Flimkien, iżda, u f’antagoniżmu kważi ritwali, jistgħu jċaqalqu l-muntanji. Żmien il-kruċjati spiċċa, iżda l-mezzi tal-komunikazzjoni taw lil kull poeta-kittieb il-globu f’idejh. Issa l-waqt li jiġġieled aktar kontra l-ipokresija tat-tip li qed naraw f’pajjiżna dwar il-jedd ċivili tad-divorzju.
3. Il-ħtieġa tal-paċi u r-rispett lejn l-ambjent naturali huma żewġ aspetti li l-poeta/kittieb ilu żmien twil itambar fuqhom. Issa l-popli bħal qed jindunaw kemm kellu raġun. Tħoss li l-kittieba u l-poeti qed jagħmlu biżżejjed biex il-messaġ tagħhom jasal fejn għandu jasal? X’jista’ jsir aktar?
T: Żgur li ma sarx u m’għamlux biżżejjed. Għad baqa’ wisq poeti u kittieba, speċjalment f’pajjiżna, li għadhom medhijin fis-sħarijiet u d-dħaħen fl-imħuħ, meta l-bniedem modern għandu tant problemi quddiemu. Il-bniedem kreattiv qatt ma beża’ jikteb, u m’għandux jibża’ llum li l-arma tal-pinna tiegħu nbidlet fi strument globali. Irridu niktbu u niktbu u niktbu aktar. Ma niddejqux mill-qerq tal-politiċi u l-qassisin, iżda fl-istess ħin nifhmu li fosthom hemm ukoll bosta twajbin li jħaddnu l-istess prinċipji tagħna...tal-libertà u tat-tolleranza.
4. Hemm bżonn li l-Gvernijiet u l-awtoritajiet jindunaw bl-importanza ta’ suġġetti bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura, il-Filosofija u oħrajn. Id-dinja u l-ħajja tal-bniedem ma tissejjisx biss fuq ix-xjenza, il-finanzi, l-ekonomija u l-kummerċ. Xi tgħid dwar dan kollu?
T: Għandek mitt raġun, izda ħares ftit lejn l-Ewropa bħalissa, u xi ssib? Gvernijiet tal-Lemin mitlufin fuq id-dħul tal-flus, il-qerda tal-kulturi diversi, intolleranza kbira, inġustizzja tal-biża’ u faqar dejjem jikber, anki jekk jinħeba taħt statistiċi u kampanji kummerċjali qarrieqa. Hawn Malta saħansitra qed naraw ċensura tat-tip li konna naraw seklu ilu, awturi meħudin il-Qorti, Ministri jaħtru fundamentalisti bħala għassiesa taċ-ċittadin u sistema demokratika abbużata b’mod li jdardrek. Id-dittaturi mhux bilfors irid ikollhom fuqhom libsa ta’ kurunell.......
No comments:
Post a Comment