Iwieġeb Salv Sammut:
1. Id-dinja bħalissa għaddejja minn waqtiet diffiċli ferm. Insemmi l-għargħar li laqtu lil partijiet tal-Awstralja, il-katakliżma fil-Ġappun u l-gwerra ċivili fil-Libja. Kemm jolqtu avvenimenti bħal dawn lill-poeta/kittieb Malti? Inti ktibt xi versi f’rabta ma’ dan kollu?
L-ewwel nett nibda biex ngħid li kull kittieb u poeta validu u ta’ kredibblità huwa universali għax ma jiktibx fuq dak ta’ madwaru biss imma jimraħ lil hinn minn xtut u periferiji ġejografiċi li jdawruh. Dan jiġri għax il-kittieb/poeta huwa bniedem sensittiv ħafna u jħoss malajr kemm il-ferħ u kemm in-niket. Kemm il-pożittiv u kemm in-negattiv.
Għaldaqstant, il-kittieb/poeta Malti daqs il-kittieba/poeti l-oħra tad-dinja kollha jara b’għajnejh u jħoss ġewwa qalbu dak li jseħħ kemm ’il bogħod u kemm fil-qrib u dawn jinfluwenzaw il-bixra u l-burdati tiegħu. Bil-mezzi tal-midja, il-kittieb/poeta Malti m’għadux magħluq fl-ispazju parrokkjali tiegħu imma sar jara x’qed jiġri barra mix-xefaq tiegħu.
L-Awstralja, għalkemm pajjiż ’il bogħod ħafna minn artna, xorta waħda għandha konnessjoni diretta magħna. Wisq probabbli jekk wieħed jgħodd il-Maltin puri li għadhom ħajjin mad-dixxendenti tagħhom, jagħmlu aktar mill-popolazzjoni tagħna kollha. Għalhekk ma setax jonqos li meta ġara dak il-katastrofu kollu, aħna f’Malta l-ewwel ħsieb li ġie f’moħħna kien jekk hemmx Maltin milquta.
Il-Libja huwa pajjiż mhux daqstant imbiegħed daqs l-Awstralja iżda li lilna jolqotna ħafna aktar dirett mill-Awstralja kemm kummerċjalment u kemm politikament. Bosta Maltin sabu l-għajxien jew il-mezz tal-għajxien tagħhom f’dak il-pajjiż. Il-Libja hi l-pajjiż li mhux biss laqgħet ħaddiema u investimenti Maltin fi ħdanha imma hi stess investiet fil-ħaddiem Malti f’Malta stess. Il-Libja kienet dak il-pajjiż li meta kellna bżonn is-solidarjetà finanzjarja fil-bidu tas-snin sebgħin, sibnieha. Iżda kienet ukoll il-pajjż li malajr bagħtilna l-gunboats meta ħaseb li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu mittiefsa. F’dawn l-aħħar snin bagħtitilna wkoll għadd mhux ħażin ta’ immigranti li riedu għal raġuni jew oħra jaħirbu mill-pajjiż rispettiv tagħhom. Għalhekk, illum li qed iseħħ dak kollu fil-Libja, lili jkiddni għax l-għajta tal-poplu Libjan, speċjalment dik tal-ħaddiem Libjan mhix waħda kapriċċuża imma waħda li trid il-ħelsien politiku u industrijali bħal kull pajjiż demokratiku ieħor tal-Punent.
Min-naħa l-oħra, il-Ġappun, għalina l-Maltin hi dinja oħra. Iżjed b’atar misterjuż u bil-laqta orjentali tiegħu. Minkejja dan kollu, tnikkitt meta rajt u għadni nara f’liema kundizzjoni ġie dan il-poplu kwiet, paċenzjuż u dixxiplinat. Id-dinja kollha għal ftit tal-ħin insiet x’kien qed jiġri fuq ix-xaqliba Għarbija u rat x’taf tagħmel in-natura meta tixba’ bl-abbuż ambjentali tal-bniedem u tgħid issa jien nikkmanda. Minkejja kull teknoloġija moderna, ħadd u xejn ma seta’ jbassar jew iwaqqaf il-katastrofi li seħħew kemm fl-Awstralja u kemm fil-Ġappun. Il-Libja, sakemm qed nikteb dawn il-ħsibijiet, għadha f’qagħda inċerta u naf biss li issa d-dinja stenbħet u bdiet tagħmel xi ħaġa għalkemm damet naqra taħsibha. Ma xtaqtx inħalli dawn l-avvenimenti kollha jgħaddu mingħajr ma nikteb xi versi dwarhom. Mhuma xejn straordinarju imma dak kollu li ħassejt jien u nara dan kollu jseħħ quddiemi u jien ma nista’ nagħmel xejn għajr nitnikket u nikteb.
2. Taħseb li l-poeta/kittieb għandu jesprimi ħsibijietu dwar avvenimenti bħal dawn issa qabel għada? Xi rwol għandu l-poeta/kittieb fi kwistjonijiet bħal dawn? Hu rwol iktar jew inqas important minn dak tal-politiċi tal-mument?
Nemmen li huwa fid-dmir ta’ kull kittieb/poeta li jqum u jitkellem dwar dak li jkun iseħħ f’pajjiżu u lil hinn minnu. Nafu li l-pinna hi aqwa mix-xabla. Il-kitba taf tħeġġeġ, tixpruna ħsibijiet u tqajjem kuxjenza. Kull dittatur jipprova joħnoq il-libertà tal-kelma miktuba u għalhekk hu importanti li l-kittieb/poeta jiftaħ ħalqu u jikteb u jgħid dak li jħoss u li qed jara. Kieku ma kienx għal kittieb Franċiż Émile Zola li kiteb J’Accuse kieku Alfred Dreyfus kien jibqa’ maqful fil-ħabs. Federico Garcia Lorca nqatel għax bil-poeżiji tiegħu kien iħeġġeġ kontra t-tirannija mmexxija mill-Ġeneral Francisco Franco. Pablo Neruda kellu jaħrab miċ-Ċili għax il-poeżiji tiegħu ma kinux jappellaw u Boris Pasternak ma tħalliex jieħu l-premju Nobel minħabba l-kitbiet tiegħu kontra l-Istat Sovjetiku. Nemmen li fejn ikun hemm bżonn għandu jieħu sehem attiv fiżikament f’kull manifestazzjoni li ssir b’risq il-Ħaqq u s-Sewwa għalkemm is-soluzzjoni dejjem trid tkun waħda politika.
3. Il-ħtieġa tal-paċi u r-rispett lejn l-ambjent naturali huma żewġ aspetti li l-poeta/kittieb ilu żmien twil itambar fuqhom. Issa l-popli bħal qed jindunaw kemm kellu raġun. Tħoss li l-kittieba u l-poeti qed jagħmlu biżżejjed biex il-messaġ tagħhom jasal fejn għandu jasal? X’jista’ jsir aktar?
Mingħajr ma nkun prużuntuż wisq, naħseb li l-kittieb/poeta tal-lum inqata’ minn dawk ta’ qablu li kienu jiktbu ta’ sikwit dwar l-ambjent. Illum ittri u artikli biss, jinkitbu dwar l-ambjent ta’ madwarna imma dawn mhumiex kitbiet letterarji għalkemm validi ħafna. Donnu li mal-mewt tal-poeta tan-natura, Anton Buttigieg, mietet ukoll il-ħeġġa li l-kittieb/poeta jfisser ruħu dwar x’qed isir dwar l-ambjent. Illum, il-kittieb/poeta donnu jimraħ aktar lejn problemi soċjali u individwali. Dan kollu li qed nikteb nista’ nkun kollu żbaljat fih imma dan hu dak li qed nara jien.
4. Hemm bżonn li l-Gvernijiet u l-awtoritajiet jindunaw bl-importanza ta’ suġġetti bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura, il-Filosofija u oħrajn. Id-dinja u l-ħajja tal-bniedem ma tissejjisx biss fuq ix-xjenza, il-finanzi, l-ekonomija u l-kummerċ. Xi tgħid dwar dan kollu?
Jekk l-ekonomija, il-kummerċ u l-finanzi huma l-pulmun tas-soċjetà, il-Letteratura u l-Istorja huma r-ruħ u l-identità tagħha. Pajjiż mingħajr l-Letteratura u l-Istorja huwa pajjiż li baqa’ jgħix fl-għerien u għadu sottożviluppat. Għalhekk, hija ħasra li f’pajjiżna darba waħda biss kien hawn poeta li uffiċjalment ġie imsejjaħ Nazzjonali. Miet hu u ħadd ma ndenja jerġa’ jagħti dan il-ġieħ lil ħaddieħor. Għallinqas, issa qed issir xi ħaġa biex il-kittieb/poeta jingħata l-ġieħ li jixraqlu meta darba f’sena jingħata l-premju tal-Ktieb Nazzjonali tas-Sena.
Għalkemm inkitbu kotba dwar l-Istorja tagħna, ftit jew wisq dawn meta tidħol fil-fond tagħhom, issib li kellhom nitfa tiżjin lejn naħa jew oħra, l-aktar fejn tidħol l-Istorja politika riċenti. Irridu ninsew l-għamad politiku u niktbu l-Istorja kif tassew seħħet jekk irridu nkunu kredibbli ma’ dawk ta’ warajna.
Żewġ poeżiji ta’ Salv Sammut:
U JIĦMAR QIEGĦED ID-DEŻERT
(Libja)
Ir-ramel tad-deżert tqalleb fi trab
Ta’ iġmla jarmu nirien
Joħonq u l-għajta mħeġġa
Tal-imsejkna imjassrin.
Imma qamet il-kotra għalenija
Quddiem l-iġmla jonfħu in-nar
U ma beżgħetx mill-isqra tas-smewwiet
Bħal mirage neżlin għatxana
Jisparaw vleġeġ ta’ qerda
F’Oasi ta’ demm Mislem
Biex idgħajfu ’l kotra mgħaddba
Titlob il-jedd għal kelma u l-ħelsien.
Mill-palazzi allat foloz ħarbu
U sabu wens f’art oħra barranija.
Oħrajn baqgħu maħkuma mas-setgħa
U bagħtu lil mixtrija joqtlu ’l ħuthom.
Id-deżert tħammar bid-dmija
Ta’ nisel l-istess ġens
Waqt li fuq ix-xaqliba l-oħra
l-allat taċ-ċiviltà qadima w t’issa
lil ġenshom neħħew mit-tiġrib
u madwar mejda qagħdu jiddiskutu
u riżoluzzjonijiet jiddibattu
waqt l-Oasi bid-demm baqgħet timtela’
bl-isqra jħufu fis-smewwiet
u wild l-Islam jinqatel bħal gremxul
taħt qillet ix-xemx tad-deżert.
ma’ kull jum u ma’ kull ħin.
Marzu 17, 2011
META JQUMU L-ELEMENTI
Ġappun:
Hekk f’daqqa tregħdet l-art
U difnet taħtha iġsma ta’ bnedmin
Maħsuda jew mitlufa f’dik il-qerda
Li ħasdet ħajjiet bla avviż
W għolew it-tsunami
Biex kaxkru kulma sabu
Fi triqithom bla ħniena jew mogħdrija.
Awstralja:
Infetħu bwieb is-sema f’ħalel kbar
T’ilmijiet u faru x-xmajjar,
Ġarrew bhejjem u nies imwerwrin.
Bliet u rħula sfaw imgħarrqa
U binjiet sħaħ inġarru mill-kurrenti.
Intemmet f’tebqa t’għajn il-kumdità
U kollox safa miksi b’metri tajn.
Il-bniedem baqa’ sieket
Iħares imbikki, mifxul
Quddiem il-qawwa ta’ dal-katastrofu,
W għaraf kemm kien dgħajjef
Ħdejn is-saħħa tan-natura
fejn xejn mhuwa previst minkejja l-mixja
Tal-progress fit-tbassir tal-elementi.
Marzu 16, 2011
No comments:
Post a Comment