Monday, April 04, 2011

Ir-rwol tal-kittieb/poeta quddiem l-avvenimenti katakliżma li qed iseħħu bħalissa. (2)

Iwieġeb Mario Azzopardi:

1. Id-dinja bħalissa għaddejja minn waqtiet diffiċli ferm. Insemmi l-għargħar li laqtu lil partijiet tal-Awstralja, il-katakliżma fil-Ġappun u l-gwerra ċivili fil-Libja. Kemm jolqtu avvenimenti bħal dawn lill-poeta/kittieb Malti? Inti ktibt xi versi f’rabta ma’ dan kollu?

Ma naħsibx li avvenimenti bħal dawn ma jolqtux lill-awtur Malti, imma jekk iċaqilquhx biex jikteb dwarhom, imqar f'sens ta' "kummentarju" inċiżiv, dik ħaġa oħra.

U t-trasformazzjoni ta' dawn l-avvenimenti f'termini estetiċi hi xi ħaġa aktar rari. Lili jolqtuni sewwa, forsi minħabba li qatt m'abbandunajt l-istint "ġurnalistiku" fix-xogħlijiet tiegħi. Ktibt poeżiji dwar it-tsunami, dwar il-klandestini, dwar it-traġedja tal-Palestina u sewwasew f'dawn il-jiem, dwar il-qawmien popolari fil-Maghreb.

2. Taħseb li l-poeta/kittieb għandu jesprimi ħsibijietu dwar avvenimenti bħal dawn issa qabel għada? Xi rwol għandu l-poeta/kittieb fi kwistjonijiet bħal dawn? Hu rwol iktar jew inqas important minn dak tal-politiċi tal-mument?

Ma tistax tesiġi x'jikteb l-awtur, jew meta u f'liema ċirkustanza. Ir-rwol tiegħu quddiem dawn l-avvenimenti ta' kronaka sewda jista' jiddeterminah hu biss.

Iżda tinħass xi ħaġa stramba li f'Malta ftit li xejn hawn ilħna awtorili li jmissu temi bħal dawn. M'għandix dubju li l-kittieba huma erwieħ sensittivi imma l-artikolazzjoni tal-kuxjenza pubblika tal-kittieb bħala barometru relevanti, tidher li hi kompletament mirduma taħt l-impatt tal-politiċi u tal-media, bl-agenda partikolari tagħha. L-awtur lokali donnu ma jemminx li jista' jkollu xi effett "politiku" jew kulturali fuq is-soċjetà. Donnu li aċċetta funzjoni periferali għal kollox u jinsab irrassenjat.

3. Il-ħtieġa tal-paċi u r-rispett lejn l-ambjent naturali huma żewġ aspetti li l-poeta/kittieb ilu żmien twil itambar fuqhom. Issa l-popli bħal qed jindunaw kemm kellu raġun. Tħoss li l-kittieba u l-poeti qed jagħmlu biżżejjed biex il-messaġ tagħhom jasal fejn għandu jasal? X’jista’ jsir aktar?

Ma naħsibx. Huma bil-wisq aktar relevanti u voċiferi l-għaqdiet non-governattivi/volontarji. Fuq kollox, dawn jidhru li għandhom mhux biss kuxjenza ttemprata

imma anki l-ħila li jimmobilizzaw ruħhom konkretament, anki fit-triqat u f'siti fejn l-ambjent hu kompromess minħabba l-mandat abbużiv tal-ispekulazzjoni selvaġġa.

Anki hawn, l-awturi tilfu leħenhom u b'hekk daħlu bħala kompliċi mal-poter. Jew siktu jew qed jikkonslaw li qed jiktbu ftit versi "simboliċi" biex iberrdu l-kuxjenza. Dwar x'iridu jagħmlu, ħalli nikkwota minn Dostojevski: "Il-mogħdija tiegħi hi waħda li ma tistenniex premijijiet." Fi kliem ieħor, ħafna letteratura qed tinkiteb bħala platitudni, bħala attività li tistenna rikonoxximent "uffiċjali", imma li rari hi lesta li tisfida.

4.Hemm bżonn li l-Gvernijiet u l-awtoritajiet jindunaw bl-importanza ta’ suġġetti bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura, il-Filosofija u oħrajn. Id-dinja u l-ħajja tal-bniedem ma tissejjisx biss fuq ix-xjenza, il-finanzi, l-ekonomija u l-kummerċ. Xi tgħid dwar dan kollu?

Iridu jkunu n-nies kreattivi li jċaqilqu l-istatus quo. Tkun illużjoni li nistennew li l-gvernijiet jindunaw bl-"importanza" tal-letteratura, il-filosofija, u l-bqija. Il-gvernijiet ma jarawx l-iskop "spiritwali" fil-kultura, iżda jqisuha (meta jqisuha) bħala possibbiltà oħra għall-iżilupp tal-ekonomija. Li jimpurtahom huma l-istatistiċi mhux il-kuxjenza tal-artisti. F'kull kriżi ekonomika, l-ewwel daqqa teħodha l-arti, u dan kullimkien. Hawn ukoll, il-media taf tkun kompliċi, għax l-uniċi drabi fejn tagħmel intervent hu meta tħoss

li hemm lok għal xi skandlu stupidu, sensazzjonalista, ġeneralment marbut mas-sess jew ma' xi skontru reliġjuż. Dan hu komdu ħafna għall-gvernijiet, minħabba l-komponent aljenatorju tiegħu.

RIVOLUZZJONI

Fil-Misrah it-twerziq tar-rabja msadda

Jipprova jwelled poezija strapazzata.

Jizdied il-gass u s-swat bl-arresti.

Jimxi jqaxxar l-asfalt id-demm taht il-bankini

B’hamiem novizz kurjuz ihares lejn l-irqajja’.

Il-mewt tghaddi ‘ngarzata mal-istorja

Tghaddi minn fuq it-twiebet.

U mill-palazzi taghhom id-dittaturi jittawlu bis-serqa

Bin-nervi ta’ saqajhom fildiferru.

Mario Azzopardi

No comments: