Iwieġeb Alfred Palma:
1. Id-dinja bħalissa għaddejja minn waqtiet diffiċli ferm. Insemmi l-għargħar li laqtu lil partijiet tal-Awstralja, il-katakliżma fil-Ġappun u l-gwerra ċivili fil-Libja. Kemm jolqtu avvenimenti bħal dawn lill-poeta/kittieb Malti? Inti ktibt xi versi f’rabta ma’ dan kollu?
Hekk hu; il-bniedem issa ilu żmien jiżra’ r-riħ u qed jaħsad it-tempesta!
Alla l-Imbierek tana meravilji sħaħ biex nitpaxxew bihom, ħalliena ħielsa nagħżlu jekk ingawduhomx jew neqirduhomx. U aħna għażilna li neqriduhom! U dan qed jiġi rifless globalment. Illum id-dinja kollha tinsab maqbuda u medhija f’ġirja sfrenata ta’ regħba, regħba miġnuna għall-flus u għall-poter, u kulħadd, minkejja l-ħafna paroli qed jiġi jaqa’ u jqum. L-eġoiżmu qed isaltan suprem. U r-riżultat ta’ dan il-ġenn qed narawh aktar spiss u aktar qalil fl-atteġġjament li qed tieħu n-Natura kontra din is-sefqa kollha, għax issa xebgħet tabilħaqq. U naħseb li waslet biex tgħid: Daqshekk! M’hemmx għalfejn ngħidu, avvenimenti katastrofiċi bħal dawn, li fhom jinqerdu ħafna nies innoċenti, itertqu l-qalb sensittiva tal-kittieb/poeta, u jien ktibt kemm-il darba vrus, xi drabi b’rabja kbira, kontra l-qerda tal-ambjent li tant tweġġgħani. Dwar diżastri ta’ dan il-kobor s’issa kkontemplajthom biss, b’diqa kbira f’qalbi, iżda spiss ifluwenzawli indirettament il-burdati poetiċi tiegħi.
2. Taħseb li l-poeta/kittieb għandu jesprimi ħsibijietu dwar avvenimenti bħal dawn issa qabel għada? Xi rwol għandu l-poeta/kittieb fi kwistjonijiet bħal dawn? Hu rwol iktar jew inqas important minn dak tal-politiċi tal-mument?
Jiena nemmen li l-poeta ilu jesprimi l-weġgħat u t-tħassib tiegħu għal dak li qed jiġri b’mod hekk irresponsabbli fuq dan il-globu, li jum wara jum qiegħed dejjem aktar jimrad. B’danakollu, min qatt ta, qed jagħti jew se jagħti kasu? Il-poeta huwa meqjus ħalliem, profeta jibki fuq ir-realtà kiefra li l-oħrajn ma jagħtux kasha. Lill-poeta ħadd ma jisimgħu u r-rwol u s-siwi tiegħu huma meqjusin trivjali ħdejn dawk tal-politiċi setgħana. Iżda din hi sewwasew it-traġedja ta’ żmienna. Il-poeta ntesa għax postu hu li jgħanni lil dak li qed jinqered, u min qed jeqirdu jew qed jiġi jaqa’ u jqum, inkella qed jitniehed u jokrob li ma jista’ jsir xejn. U nemmen li tabilħaqq ma jista’ jsir xejn u, jekk jgħanni, il-poeta se jibqa’ jgħanni għalxejn!
3. Il-ħtieġa tal-paċi u r-rispett lejn l-ambjent naturali huma żewġ aspetti li l-poeta/kittieb ilu żmien twil itambar fuqhom. Issa l-popli bħal qed jindunaw kemm kellu raġun. Tħoss li l-kittieba u l-poeti qed jagħmlu biżżejjed biex il-messaġ tagħhom jasal fejn għandu jasal? X’jista’ jsir aktar?
Hawn naqbel miegħek sa ċertu punt. Il-ħtieġa tal-paċi (illum kelma li saret anatema!) u r-rispett lejn l-ambjent naturali u bejn il-popli nfushom, qed iġagħlu lil bosta jifhmu kemm il-qagħda dinjija hi serja. U issa kulħadd jaf li l-poeta kellu raġun jgħanni u jokrob. Iżda ara ma taħsibx li dan se jnaqqas b’xi mod il-mewġa assoluta ta’ materjaliżmu sfrenat li ħakmet lill-bniedem. Issa għandna kmandament wieħed biss: Għix int u eqred lil ħaddieħor! Kollox hu kumplimentari għar-regħba, flus, poter, u dan li qed ikompli jkattar il-kankru fatali li qed jherri u jeqred id-dinja mhux daqstant bil-mod il-mod! Kif qed naraw b’għajnejna. Inħoss li l-poeti u l-kittieba qegħdin (bħal dejjem) jagħmlu li jistgħu u kemm jistgħu biex inisslu kuxjenza tat-traġedja li qiegħda torqod u tqum magħna; iżda nerġa’ ngħidlek, ta’ ċiniku li jien: il-messaġġ tal-poeta m’huwiex jasal fejn għandu jasal u ma jista’ jsir xejn aktar! Il-bnedmin tilfu lil Alla u qed jaħsbu li saru huma l-alla li jmexxi d-dinja; u din l-illużjoni traġika ma ddumx ma tissarraf f’katastrofi mondjali!
4. Hemm bżonn li l-Gvernijiet u l-awtoritajiet jindunaw bl-importanza ta’ suġġetti bħalma huma l-Istorja, il-Letteratura, il-Filosofija u oħrajn. Id-dinja u l-ħajja tal-bniedem ma tissejjisx biss fuq ix-xjenza, il-finanzi, l-ekonomija u l-kummerċ. Xi tgħid dwar dan kollu?
Kieku ma kontx naf li kont qed tistaqsini bis-serjetà kont naħseb li qed tiċċajta! Il-gvernijiet u l-awtoritajiet? Jindunaw?! Bl-importanza tal-istorja, tal-letteratura, tal-filosofija?!!! Jien ngħidlek li lanqas biss jafu dawn xi jkunu! Dawn jimpurtahom biss mill-poter (bosta drabi assolut), minn ħwejjeġ materjali, trivjali, bla sugu; u meta jidhru qegħdin jieħdu interess fl-arti u l-kultura, dan ikunu qegħdin jagħmluh biss għall-għajn, bħala parti minn xogħolhom, biex idawru lira! Altrimenti: viva x-xjenza, it-teknoloġija, l-ekononija u l-kummerċ. Minnu, dawn huma l-fwies li fuqhom iddur id-dinja tal-lum. Iżda minħabba fihom twarrab u ntilef (kważi għal kollox) il-ġmiel tal-Arti, tal-Arti vera, ta’ dak kollu li hu sabiħ u spiritwali. Li jaħji lir-ruħ u li jeżalta lill-bniedem fuq kull ħlejqa oħra. Nieħdu lill-għażiża Malta tagħna: iftaħ stazzjon tar-radju jew televiżjoni u ara ssibx xi ftit mużika serja, klassika, opersitika… xi programm edifikanti dwar kultura għolja, tkun xi tkun… Ma tarax: dawk affarijiet passés. Il-kultura prevalenti tagħna fuq il-mezzi tax-xandir illum hi biss potpourri ta’ reklami ad nauseam, diski, programmi banali u paroli vojta. U dan it-tip ta’ kultura jirrifletti kemm il-bniedem tal-lum inqata’ minn dak kollu li hu verament sabiħ, spiritwali u li jpaxxi lir-ruħ. Viva l-materjaliżmu! U l-poeta jkompli jgħanni u jokrob waqt lid-dinja tkompli tinħaraq!
No comments:
Post a Comment