Il-Milied Taż-Żagarelli
Għaliex bejn fehmtna hemm firda żonqri ħajt
u jċarċru dmija li bħalhom qatt ma rajt?
Għaliex inqalbet dinjietna ta’taħt fuq
u t-tiċħid ħonqilna it-tindin tas-serduq?
Bħal meta stallett jinfed minn wara d-dahar
ħa jxoqq il-laħam tari tal-ħbieb w il-ġar.
Bħal meta l-pinna timtela b'rieq is-semm
u ssir xabla niffieda xxerred id-demm.
Bħal meta t-tfal jitilfu wiċċ il-ħlewwa
u jagħżlu jlejlu ‘l hinn mil-kenn ta' ġewwa.
Bħal meta ż-żgħożija tasal fi tmiemha
b'tingiża ta' labra, ġo sqaq bla ndiema.
Bħal meta ġuf jibda jinseġ tarbija
u sikkina tfellel l-għeruq moħbija.
Bħal meta r-razzizmu jagħsar qaswalla
ħalli joħroġ lewnu fuq tila tqalla.
Bħal meta jittertaq ġisem għall-ħelsien
ġewwa l-Palestina fuq għatba x’imkien.
Bħal meta jżernaq jum sabiħ mingħajr ċpar
u f'ħakka t'għajn ittir kamr'oħra tan-nar.
Għax il-Milied geżwruh biż-żagarelli
u ‘l Ġesù nsewh fl-infieq u fil-burdelli!
U l-vjaġġ qasir tagħna sboxxla mid-destin
u fuq ċattra sirna nixbhu klandestin!
Raymond Grech
Tas-Sliema
No comments:
Post a Comment