Sunday, December 20, 2009

Il-ktieb bhala rigal ghal dan il-Milied





Il-ktieb huwa kumpanija għal min kiber miegħu. Għal min il-ktieb ma kienx parti minn ħajtu sa minn meta kien ċkejken, dan huwa diffiċli ferm biex jifhmu. Il-ktieb huwa ħabib, u jingħata bħala rigal mingħand min huwa verament ħabib tiegħek. Għal min qed jistenna fi kju li ma jispiċċa qatt hemm il-ktieb biex jgħaddilu siegħa sagħtejn żmien li mingħajru jkun żmien moħli u li ta’ min tinsieh. Għal min jinsab mitfugħ f’sodda għal jiem twal ta’ konvalexxenza, il-ktieb huwa kumpanija leali u li tgħinu jinsa ftit mill-piż tal-waqt. Għal min qed jivvjaġġa fuq tal-linja filgħodu kmieni, jew qed jaqsam il-fliegu lejn ix-xogħol jew lura lejn id-dar hemm il-ktieb bħala kumpanija. Il-ktieb jgħin lil dak li jkun jinqata’ mll-ħajja ta’ kuljum anki għal ftit waqtiet qosra u jidħol f’dinja oħra, b’personaġġi u b’avventuri oħrajn.
Ktieb verament tajjeb jgħinek tinqata’ mill-istorbju ta’ madwarek u ssib l-ekwilibriju ġewwa fik, minn dak li mhuwiex influwenzat mill-ebda ħaġa esterna. Il-ktieb huwa ħabib li min verament japprezzah jirritorna għalih kull waqt ħieles li jkollu, anki biex isib ftit waqtiet ta’ serħan, ta’ riflessjoni, ta’ sliem.
Ta’ min niftakru li għal dan il-Milied nistgħu nagħtu rigal differenti, rigal li jibqa’, rigal li jista’ jintuża minnek u anki minn dawk ta’ madwarek, u ta’ warajk: mela agħti ktieb bħala rigal. Mill-ġdid prosit tassew lill-KNK għal din l-inizzjattiva sabiħa tiegħu.

No comments: