1. Naf li inti għandek żewġ ġabriet ta’ poeżija bil-Malti
diġà ppubblikati. Hawn interessat fil-poeżiji li tikteb bl-Ingliż u bit-Taljan.
Meta bdejt tikteb b’dawn l-ilsna u f’liema okkażjoni ħassejt il-bżonn li
titbiegħed minn ilsien art twelidna?
Sewwa għedt, jien għandi żewġ Ġabriet ta’ poeżiji
bil-Malti: Fjur tal-Ġebel (1994) u Diwi
fil-Maqdes (2000). Imma rrid ngħid
li qabel dawn kont ko-awtur f’Ġabra poetika oħra mat-tliet poeti: John
Sciberras, Alfred Palma u Maurice Vella Borg.
Qed nirreferi għal Qawsalla ’72
(1972). Għandi wkoll Ġabra oħra lesta
għall-pubblikazzjoni Fl-Għabex,
barra għadd ġmielu ta’ poeżiji oħra.
Minnu wkoll li
għandi xi versi bl-Ingliż u bit-Taljan.
Fil-fatt, kif stqarrejt f’intervista oħra, jien l-ewwel ma bdejt nikteb
poeżiji bl-Ingliż. Wara, fuq parir
tal-Kap tal-iskola fejn kont ngħallem, il-mibki
Reggie Vella Tomlin (iben E.B. Vella) bdejt nikteb bil-Malti. Tinsiex, li l-ewwel pubblikazzjoni
tal-Għ.P.M. kienet Ġabra poetika bl-Ingliż: A Poetic Galaxy (1983); dak iż-żmien jien kont Viċi President u
ħadt sehem fiha b’ħames poeżiji. Minn
hemm tħajjart biex kultant issuktajt nikteb xi versi b’Ilsien Shakespeare.
Kienet l-Għ.P.M. ukoll li ħajritni nikteb
bit-Taljan. Fis-snin tmenin l-Għaqda
bdiet torganizza l-Premio Città di Valletta li laqqagħna ma’ diversi poeti
Taljani. Lejn nofs it-tmeninijiet numru
ta’ poeti membri tal-Għaqda morna darbtejn Catanzaro u qsamna l-ideat ma’ numru
sabiħ ta’ poeti mis-Sud tal-Italja. Barra minn dan, jien kont immur kważi kull
sajf f’raħal (Ispica) fi Sqallija u hemm iltqajt ma’ poeti Sqallin u attendejt
għal xi manifestazzjonijiet tagħhom.
Tajjeb inżid li dak iż-żmien f’Malta kien hawn interess kbir f’konkorsi
poetiċi organizzati minn Għaqdiet Kulturali Taljani; dan kollu kien ħajjarni
biex nibda ninseġ versi b’Ilsien Dante wkoll.
Sadattant, irrealizzajt kemm kien (u għadu) meħtieġ li
nesportaw il-poeżija lokali barra minn xtutna; ħaġa li għadni nemmen fiha
sallum. Hawn irrid insellem lil diversi
mexxejja tal-Għ.P.M., speċjalment lill-Mons. Dr Amante Buontempo li ħadem ħafna
biex dan kollu sar possibbli permezz tal-kuntatti li kellu barra minn pajjiżna.
2. Kif intlaqgħu dawn il-poeżiji b’ilsna barranin kemm
mill-Maltin kif ukoll minn qarrejja mhux Maltin? X’kien għadek qatt ma
ppubblikajt dawn il-poeżiji f’ġabra għalihom?
Jidher li kemm
il-poeżija bl-Ingliż kif ukoll dik bit-Taljan kellhom ġa bażi soda
f’pajjiżna. Naħseb li l-poeżiji
personali tiegħi biż-żewġ ilsna barranin
intlaqgħu aħjar barra minn xtutna milli f’pajjiżna. Jista’ jkun għax fostna ftit li xejn saru
konkorsi miftuħin għall-poeżiji bl-Ingliż u bit-Taljan. Kienet l-Għ.P.M. li fetħet il-bieb għal dawn
it-tipi ta’ konkorsi fil-Konkors Nazzjonali annwali tagħha. B’danakollu, ma nistax ngħid eżattament
x’kien l-apprezzament tal-versi tiegħi lokalment b’dawn iż-żewġ lingwi.
Min-naħa l-oħra, iżda modestament nistqarr li l-poeżiji
bit-Taljan rebħu diversi premjijiet fl-Italja.
Inħossni sodisfatt li fl-2001 ingħatajt l-għarfien ta’ Pioniere della Cultura Europea mill-Għaqda
Unione Pionieri della Cultura Europea bħala rikonoxximent għas-sehem tiegħi
fil-qasam poetiku; dan huwa sinjal ċar li l-poeżija tiegħi bit-Taljan
intlaqgħet tajjeb. L-istess nista’ ngħid
li l-fatt li ġejt maħtur Membru fl-International Writers and Artists
Association tal-Istati Uniti għas-sehem tiegħi fil-poeżija juri wkoll li
l-versi tiegħi bl-Ingliż intlaqgħu favorevolment ukoll.
Ir-raġuni li bqajt ma ppubblikajtx fi ktieb ta’ dawn
il-poeżiji hija ovvja. Anki kotba
tal-poeżija bil-Malti rari ssib min jippubblikahomlok f’pajjiżna, aħseb u ara
kemm se ssib Djar tal-Pubblikazzjoni li jippubblikawlek Ġabriet ta’ versi
b’ilsna barranin.
3. Żgur li l-kitba ta’ poeżiji b’ilsna oħra tatek
l-opportunità li tiltaqa’ ma’ bosta kittieba anki lil hinn minn xtutna. Xi
tgħid dwar dan?
Iva. Kelli diversi okkażjonijiet niltaqa’ ma poeti
barranin. L-aktar meta sifirt
l-Italja. Imma wkoll permezz
tal-korrespondenza. F’żgħożiti niftakar
iltqajt ma’ Cecil Day-Lewis u anki ma’ xi poeti Franċiżi li kienu Malta għal
btala u kont intervistajthom għall-paġna letterarja tal-ġurnal Il-Ħajja li kelli f’idejja. Dawk kienu opportunitajiet sbieħ. Għalhekk, inħeġġeġ it-tmexxija tal-Għ.P.M.
biex tibqa’ f’kuntatt ma’ poeti barranin u forsi, kif għamlet fl-imgħoddi,
tħajjar uħud minnhom jiġu jżuruna. Għax
minn kuntatti diretti bħal dawn wieħed jista’ jitgħallem ħafna.
4. Illum, li m’għadekx il-President tal-Għaqda Poeti Maltin,
x’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-poeżija?
Sakemm kont membru
fil-Kumitat tal-Għ.P.M. dejjem kont fuq ta’ quddiem fl-attivitajiet li kienet
torganizza. Tinsiex, jien kelli sehem
kbir fit-twaqqif ta’ din l-Għaqda. Meta
mbagħad kont President komplejt fejn ħalla l-predeċessur tiegħi u pprovajt
(bl-għajnuna ta’ sħabi fil-Kumitat) nesplora attivitajiet ġodda; fosthom li
l-Għ.P.M. tiġri wara l-poplu u mhux tistenna l-poplu jiġi għandha. Saru diversi attivitajiet mill-Għaqda, kif
taf int, li ssuktaw jgħollu isem l-Għ.P.M.
Ħallejt l-Għaqda ħajja għall-aħħar u hekk għadha u nittama li hekk
tibqa’ fil-ġejjieni.
Illum
ir-relazzjoni tiegħi tal-poeżija għadha ħajja, imma fuq linja personali. L-aktar minħabba raġunijiet li inti tafhom
tajjeb. Illum nieħu gost naqra u kultant
ninseġ xi versi wkoll. Fejn nista’
għadni nagħti sehem żgħir lill-Għ.P.M.
5. Proġett għall-ġejjieni f’dan ir-rigward?
Ix-xewqa tiegħi hi
li għad nara l-poeżiji li għandi fil-kexxun mitbugħin. Ktibt ukoll Oratorjo Ħal Tarxien, Iben Marija li ġie mmużikat minn Mro Hermann Farrugia
Frantz. Nittama li jittella’ s-sena d-dieħla.
Tinsiex,
il-bniedem ħafna drabi huwa lsir tas-sitwazzjoni/jiet li jsib ruħu
fiha/fihom. Persważ, li inti tifhimni
aktar minn ħaddieħor. Jien m’għandix
(qatt ma ħlomt li jkolli) ix-xewqa ta’ Shakespeare, li nikteb biex insir
immortali; nikteb għall-gost personali u biex inwassal messaġġ pożittiv
lill-qarrejja.
Fl-aħħarnett, int
kompli l-proġett sabiħ li bdejt. Il-Pont
jista’ jgħin ħafna fit-tixrid tal-poeżija Maltija.