Nhar l-Erbgħa 27 ta' Novembru 2013 fis-6.30pm, se ssir taħdita pubblika dwar “Dun Karm: Tamietu bejn Nazzjon u Fidi” mill-istudjuż Charlò-Carmel Camilleri O.Carm. Din se ssir fl-Università, tal-Qroqq, fiċ-Ċentru għall-Konferenzi Mikiel Anton Vassalli (Gateway, Sala A). Kulħadd huwa mistieden u d-dħul huwa b’xejn.
Din it-taħdita qed issir bl-inizjattiva tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università u l-Fondazzjoni Karmen Mikallef Buħaġar. Din il-Konferenza Karmen Mikallef Buħaġar issir kull sentejn bil-għan li ġġedded l-istudji dwar il-kitbiet u l-personalità letterarja tal-poeta nazzjonali.
It-taħdita ta’ Patri Charlò-Carmel Camilleri se ssir f’għeluq il-mitt sena mill-34 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta fl-1913 u l-kxif tal-mafkar tal-Kungress, xogħol Antonio Sciortino. L-għan tagħha hu li tgħarrex il-bixriet inqas magħrufin tal-ħajja u l-kitba ta’ Dun Karm, li bħala kittieb Malti b’sejħa ta’ qassis u b’qalb ta’ poeta kellu tamiet nazzjonali li jistħoqqilhom ħarsa mill-qrib.
Il-viżjoni ta’ Dun Karm tal- “Omm ħelwa li tatna isimha” hija wkoll frott is-sinteżi fih ta’ sentiment uman, nazzjonalità Maltija, u vokazzjoni reliġjuża. Meta din is-sinteżi tingħaqad mal-ħila tiegħu bħala oratur u kittieb, ifeġġ il-profil sħiħ ta’ Dun Karm li se jiġi ttrattat f’dan id-diskors b’avviċinament ġdid.
Hemm aktar tagħrif dwar din it-taħdita pubblika, ikkoordinata minn Dr George Farrugia, fuq il-paġna tal-Facebook tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università.
No comments:
Post a Comment