Saturday, September 01, 2012

Tislima lil Ray Bradbury (1920-2012)


Nhar it-Tlieta, 5 ta’ Ġunju 2012, miet wieħed mill-ikbar kittieba tal-fantaxjenza u tal-orrur, Ray Bradbury. Kellu 91 sena u kien jgħix f’Los Angeles. Huwa twieled fl-1920 - eżattament fit-22 ta’ Awwissu -f’Waukegan, Illinois, fl-Istati Uniti. Jibqa’ magħruf għal xogħlijiet bħal Fahrenheit 451 (1953) u The Martian Chronicles (1950). Ħafna mill-istejjer tiegħu ġew adattati kemm għat-televiżjoni kif ukoll għaċ-ċinema.  Is-sena 2012 tfakkar ukoll is-sittin anniversarju tal-pubblikazzjoni ta’ wieħed mill-kotba tiegħu, The Illustrated Man li ħareġ fl-1952. Għalkemm hu rumanz tal-ġeneru tal-fantaxjenza, iġagħlek tirrifletti spiss dwar l-imgħoddi, il-ġejjieni u fuq kollox dwar il-kundizzjoni umana fil-preżent.

Għall-ewwel il-ġeneru tal-letteratura fantaxjentifika kien meqjus bħala wieħed sekondarju u li jgħodd biss għat-tfal. Imma ż-żmien wera mod ieħor. Illum hemm korsijiet sħaħ barra minn Malta, l-aktar fl-Istati Uniti, li jistudjaw dan il-ġeneru letterarju, l-aktar ir-relazzjoni tiegħu mal-futur. Proprju dan l-aħħar qed jintwerew programmi fuq id-Discovery Channel dwar dawn il-kittieba tal-fantaxjenza li raw il-futur diġà minn għexieren ta’ snin qabel.

The Illustrated Man għandu bħal daħla li fiha n-narratur jirrakkonta dwar il-laqgħa tiegħu x’imkien fuq l-għoljiet ma’ dan ir-raġel skonoxxut li kien qed ifittex xogħol. In-narratur joffrilu ftit mill-ikel li kellu u bejniethom tibda konversazzjoni. L-iskonoxxut jgħid lin-narratur li ma jistax isib xogħol u jżommu għat-tul minħabba problema li għandu. Fil-fatt ftit wara huwa jinża’ l-flokk goff li jkollu fuqu, minkejja s-sħana tal-istaġun, biex jikxef il-fatt li l-parti ta’ fuq ta’ ġismu kienet miksija kollha minn tatwaġġi speċjali u mill-isbaħ. Insiru nafu li dawn ma kinux tatwaġġi normali. Kellu 16 b’kollox u matul il-lejl kull wieħed minnhom kien jieħu l-ħajja u jirrakkonta storja partikolari li tixħet dawl fuq il-ġejjieni. Diġà idea bħal din għandha l-oriġinalità tagħha. Imma s-sabiħ jibda meta matul l-ewwel lejl in-narratur u r-raġel tat-tatwaġġi jorqdu ħdejn xulxin għall-arja aperta u n-narratur jgħaddi ż-żmien iħares lejn it-tatwaġġi u quddiemu bħal jieħdu ħajja sittax-il rakkont differenti.

It-temi li jittratta Bradbury f’The Illustrated Man huma varji u anki serji. Hekk fl-ewwel rakkont, The Veld, Bradbury joħodna ġewwa dar futuristika fejn min jgħix fiha ma jkollu jagħmel xejn: fiha hemm kull tip ta’ magna, bħal dik li tagħmillek il-lazz taż-żarbun, taħsillek snienek, taħslek, tippreparalek l-ikel; saħansitra s-sodda hija waħda li titbandal biex tħeddlek u torqod aħjar. Imma l-iktar li tispikka hija kamra speċjali, magħmula għat-tfal biex jgħaddu ż-żmien u jeħilsu mill-istress żejjed. Din hija kamra li bil-ħsieb biss tikkrea dak li wieħed ikun jixtieq. F’dan il-każ però Bradbury jurina li kull teknoloġija għandha l-perikli tagħha, bħalma perikoluż huwa anki l-fsied żejjed lit-tfal min-naħa tal-ġenituri. Bil-fsied kollu tagħhom l-ulied f’dan il-każ jispiċċaw biex jirribellaw kontra l-ġenituri tagħhom – li jiddeċiedu li jinqatgħu mid-dipendenza fuq it-teknoloġija - tant li jwassluhom għal mewta kerha u primittiva tassew. Ta’ min jgħid li “veld” hija kelma li tfisser “spazju miftuħ u mhux kultivat fin-nofsinhar tal-Afrika” fejn jgħixu l-annimali fid-salvaġġ.

It-tieni rakkont jismu Kaleidoscope. Bradbury jqiegħed lill-persunaġġi tiegħu f’sitwazzjoni antipatka u terminali tassew. Hekk naraw lil għadd ta’ astronawti li wara li jitkissrilhom il-vapur spazjali tagħhom jispiċċaw mormijin fl-ispazju, kollha sejrin f’direzzjonijiet differenti u b’ħeffa kbira. Hija tiġrija lejn il-mewt. Hemm min nieżel b’veloċità kbira lejn il-qamar, min lejn id-dinja, u min lejn l-ispazju miftuħ. F’din it-tellieqa lejn il-waqt aħħari l-uġigħ fiżiku bħal jitlef mill-importanza tiegħu. Għal waqt l-astronawti jitkellmu bejniethom, anki jekk jinsabu eluf ta’ mili ’l bogħod minn xulxin, imma meta jindunaw jew jifhmu li għalihom m’hemmx salvazzjoni jibdew jirreaġixxu b’modi differenti: min jipprova jweġġa’ lil sieħbu verbalment jew psikoloġkament, min jitlef kull kontroll tant li jibda jgħajjat qisu miġnun, imma mbagħad hemm min jiddispjaċih u jitlob skuża biex fl-aħħar kulħadd jispiċċa biex isellem lil xulxin u jixtieq ir-risq lill-oħrajn. Bradbury ifakkar li kull wieħed u waħda minna rridu naffaċċjaw il-mewt waħedna. Hemm minn quddiemha jħossu kuntent ladarba ħajtu tkun mimlija b’imħabba u  bi ħwejjeġ pożittivi. Hemm min jaffaċċjaha b’biża’ jew b’dispjaċir ladarba jinduna li matul ħajtu ma jkun għamel xejn ta’ ġid. Proprju fl-aħħar waqtiet ta’ ħajtu dan tal-aħħar jipprova jemmen li b’mewtu għallinqas se jservi għal xi ħaġa pożittiva. U hekk kif jidħol fl-atmosfera u ġismu mdawwar bit-tuta tal-astronawti jinħaraq jarah tifel mill-bogħod u jaħsbu meteorita u ommu tgħidlu biex jesprimi xewqa.

The Other Foot hu l-isem tat-tielet rakkont. Bradbury joħodna fuq il-pjaneta Mars tal-ġejjieni fejn ikun hemm komunità ta’ bnedmin ta’ ġilda sewda. Dawn ikunu ġew eżiljati hawn mid-dinja imma issa jkunu qed jgħixu ħajja kuntenta. Uliedhom qatt ma jkunu raw bniedem b’ġilda bajda. Taħkem l-istennija ladarba fil-bogħod jidher rokit u jixtered għajdut li wara għoxrin sena se jkunu ġejjin fuq Mars bnedmin ta’ ġilda bajda. Bradbury jittratta temi bħalma huma l-Apartheid u r-razziżmu, il-gwerra nukleari u l-mibegħda, u fl-aħħarnett il-paċi. Ta’ min niftakru li The Illustrated Man inkiteb fi żmien meta t-tensjoni tal-Gwerra Bierda bdiet tinħass (minkejja li l-Ħajt ta’ Berlin inbena fl-1961), imma anki fi żmien meta fl-Istati Uniti l-ġlieda bejn bojod u suwed kienet fl-aqwa tagħha.

Rakkont ieħor huwa The Man. Hawn Bradbury jittratta l-kuntrast bejn ix-xjenza u l-fidi, bejn il-bniedem prattiku, rasu iebsa, u l-bniedem ta’ fidi. Rakkont bħal dan ifakkar fl-istennija u fil-miġja ta’ Kristu: jissemma raġel li fejjaq lil bosta fuq din il-pjaneta mbiegħda, raġel li nissel sens kbir ta’ sliem f’miljuni ta’ nies. Hemm min però ma jemminx dan u jipprova jsib mitt skuża biex jipprova l-kontra. Hemm l-idea ta’ San Tumas, dak li jrid jara biex jemmen. Bradbury bħal ifakkar li s-sens ta’ sliem l-ewwel nett irridu nsibuh ġewwa fina, mhux barra minna. Hemm min għalhekk isib il-paċi, u hemm min ma jistrieħ qatt għax ma jafx eżattament x’qiegħed ifittex. Terġa’ l-idea li fejn hemm il-bniedem mhemmx sliem; għalhekk il-bniedem jaħrab mid-dinja biex isib f’dinja oħra dak li ma sabx fid-dinja tiegħu. Hemm ukoll l-idea li l-bniedem bla fidi hu ħlejqa mitlufa.

The Long Rain jiġi ambjentat fuq Venus, fejn ix-xita ma tieqaf qatt tant li tispiċċa ġġennen lil dak li jkun. Hawn tinħass l-idea li l-bniedem, bil-beżgħat tiegħu, hu l-akbar għadu tiegħu nnifsu. Anki hawn it-tema tat-tfittxija tal-utopija, tal-ambjent perfett, komdu. Hemm min jaqta’ qalbu u jieqaf jew jiġġennen, u hemm min minkejja kollox ikompli u jasal fid-destinazzjoni. Jinħass ukoll ċertu kurrent politiku meta Bradbury iktar minn darba jironizza bid-deċiżjonijiet li jieħu l-Kungress Amerikan.

Ir-rakkont Usher II jintrabat ma’ rakkont ta’ Edgar Allan Poe, imma dan ta’ Bradbury jinsab x’imkien bejn il-fantaxjenza u l-orrur u hu ambjentat fis-sena 2005. Il-protagonist iġib l-isem ta’ Stendhal (anki dan isem li jintrabat sewwa mal-letteratura Ewropea). Ir-rakkont għandu  saff politiku-soċjali ladarba ifakkar f’dawk is-snin fl-Istati Uniti meta lil min is-sistema riedet teħles minnu kienet twaħħallu t-tikketta ta’ komunist. Usher II jintrabat ukoll mar-rumanz ta’ Bradbury Fahreneit 451 fejn jimmaġina soċjetà li fiha jinħarqu l-kotba kollha. F’Usher II jinħaraq kull oġġett marbut mal-immaġinazzjoni, fosthom kotba u films. Ironikament Bradbury jsejjaħ lil dawk tas-sistema “Clean-Minded people”. L-awtur jironizza wkoll b’soċjetà li tippretendi li hi l-protettriċi kontra l-Fantasija, soċjetà li minkejja l-pożi xorta tilbes maskri u kostumi. Bradbury jerġa’ jagħti l-ħajja lill-personaġġi ta’ bosta ħrejjef popolari, imma din id-darba jagħtihom laqta differenti, dik tal-orrur. Il-protagonist, Stendhal, ipattiha qares lill-għedewwa tal-immaġinazzjoni. Frażi li tispikka hija “Ignorance is fatal”.
The Last Night of the World hu rakkont li ritmikament iservi ta’ pawża. Jieħu l-għamla ta’ djalogu bejn mara u raġel miżżewġin li jitkellmu dwar il-possibiltà li dan hu l-aħħar lejl tad-dinja, u dan jagħmluh b’mod kalm u distakkat għall-aħħar. Hu rakkont-riflessjoni dwar is-sabiħ u l-ġabra tal-familja imma anki dwar it-theddida tal-gwerra nukleari. Quddiem destin bħal dan ħadd ma jista’ jagħmel xejn ħlief ikompli jgħix ħajtu u japprezza l-pożittiv tagħha.

Il-familja nerġgħu narawha ttrattata f’The Rocket, flimkien mal-limitazzjonijiet li jġib miegħu l-faqar, il-fantasija u l-bibien li tiftaħ fuq spazji illimitati, il-ħolm kontra r-realtà kiefra, il-klassijiet soċjali. Hawn niltaqgħħu ma’ missier li ma jaqtax qalbu u li jagħti lil uliedu, b’sagrifiċċju kbir, ħolma li ssir realtà li jibqgħu jiftakruha għal għomorhom. Hemm it-tema tal-illużjoni: dan hu rakkont miktub ħafna qabel is-sena 1969, meta l-bniedem niżel fuq il-qamar. Imma żgur li l-qarrej intiż jiftakar f’dak li għadhom isostnu sal-lum ċerti wħud, jiġifieri li l-Amerikani qatt ma niżlu verament fuq il-qamar.

Id-djalogu jerġa’ jitħaddem f’No Particular Night or Morning. Iseħħ bejn tnejn li jinsabu x’imkien f’nofs univers, ’il bogħod qatigħ mid-dinja. Wieħed jibqa’ marbut mat-tifkiriet tad-dinja biex ikollu bħal ankra ma’ xiex jaqbad f’nofs il-baħħ tal-ispazju. L-ieħor hu iktar xettiku u jemmen li dak li ma jarax u ma jmissx hu mejjet, inklużi t-tifkiriet, u li għalhekk dawn ma jagħmlu xejn ħlief iweġġgħu lil dak li jkun. Huwa rakkont b’ċertu piż filosofiku fejn fost il-mistoqsijiet li jiġu mistoqsija nsibu, “X’inhu dak li naraw quddiemna jekk kif jitbiegħed minna ma jidhirx iktar? Jibqa’ hemm? Hemm prova li baqa’ hemm? X’inhu x-xejn? Għandna prova mentali, mhux fiżika, ta’ dak kollu li naraw u ngħaddu minnu, ġaladarba jgħaddi u ma jibqa’ jeżisti xejn?” Il-protagonist filosofu-miġnun din id-darba jismu Hitchcock. Dan fl-aħħar jagħżel li jinqata’  kompletament minn kollox biex joħroġ għax-xejn tal-ispazju etern u  llimitat.

Iż-żmien li jittratta Bradbury f’The Fox and the Forest jiċċaqlaq bejn is-sena 2155 u s-sena 1938 . Fid-dinja tal-ġejjieni hemm il-gwerra nukleari, il-ħasil tal-moħħ, iċ-ċensura u l-qirda tal-kotba. In-nies għalhekk jaħarbu fil-passat biex jevitaw preżent mimli orrur bħal dan. Bradbury jittratta aspetti bħall-ivvjaġġar fiż-żmien, futur apokalittiku, u n-nuqqas ta’ libertà. Jissemmew ukoll il-knejjes li fl-2155 ikunu ilhom sew li għebu. Min jirnexxilu jaħrab jiġi segwit mill-Fittiexa u dan fid-dimensjonijiet temporali u spazjali sakemm jinqabad u jerġa’ jittieħed fil-futur biex jaqdi dmiru, dak li jaħdem fuq il-ħolqien ta’ bomba ġdida.

The Visitor huwa ambjentat fuq il-pjaneta Mars fil-ġejjieni. Irġiel li jiġu infettati b’marda partikolari jiġu eżiljati hawn fejn bil-mod il-mod l-ewwel joħolmu u jixtiequ d-dinja li ħallew warajhom u wara jitilfu kull saħħa u interess biex isibu kenn biss fl-irqad sakemm imutu. Tissemma d-data 1957 meta Londra ġiet sploduta (dejjem parti mill-istħajjil ta’ Bradbury, però ma ninsewx li dan hu ktieb li ħareġ fl-1952). Jissemmew filosofi kbar bħal Socrates, Platun, Nietzsche u Schopenhauer, u anki Darwin u Bergson. Tidħol it-tema tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-possessività, tal-bniedem li jrid dak li hu tajjeb għalih biss u li minħabba f’hekk lest li jirrikorri għall-vjolenza. Bradbury jittratta wkoll il-libertà, is-solitudni, il-ġenn, it-tellieqa għall-poter, u l-falliment tad-demokrazija. Bradbury jagħti lill-Viżitatur il-kapaċità tat-telepatija u tat-trasferenza tal-ħsieb. Dan hu rakkont metafora tal-kundizzjoni umana fid-dinja fejn minħabba l-ħażin kollu hemm it-tbatija, il-biki, il-biża’, il-firda u l-qtil.

F’Marionettes, Inc. nerġgħu naqraw dwar iż-żwieġ, dwar ir-raġel, imma anki l-mara, li kull tant żmien iridu jaħarbu mir-rabta morsa biex wara jerġgħu lura għaliha. Bradbury joħodna fi żmien meta kumpanija partikulari tipproduċi androjdi li jkunu kopja eżatta tal-bniedem tant li ta’ madwarhom ma jindunawx. Bradbury jara dak il-ġejjieni meta dawn l-androjdi għad jieħdu post il-bniedem, meta l-kreatura tieħu post il-kreatur.

F’The City Bradbury joħodna fuq pjaneta li tinsab biljuni ta’ kilometri ’l bogħod mid-dinja. Fuqha hemm belt speċjali li ilha tistenna mal-għoxrin seklu biex iseħħ avveniment partikulari. Bil-mod il-mod niskopru li l-belt hija ħajja anki jekk mhemmx abitanti fuqha: għandha s-sensi tagħha li minnhom takkwista t-tagħrif li teħtieġ. Hija belt li nbniet minn ċiviltà li sfat maqtula mir-razza tal-bniedem ħafna sekli ilu minħabba l-mard li ġab miegħu. L-uniku skop tal-belt ħajja kien li xi darba jaslu l-bnedmin mid-dinja u tivvendika ruħha minnhom billi tibdilhom f’androjdi u tibgħathom lura lejn id-dinja bl-istess marda (f’għamla ta’ bombi) li kienu ġabu magħhom ħafna sekli qabel. Hu veru li Bradbury jikteb dwar spazju u żmien imbegħdin, imma hu daqstant veru li seta’ kien qed jittratta kwistjonijiet iktar qrib tagħna bħat-theddida mill-gwerra bijoloġika jew nukleari bejn popli differenti f’din l-istess dinja tagħna.

Fir-rakkont Zero Hour Bradbury jimmaġina preparazzjonijiet għal invażjoni mill-Marzjani, din id-darba bis-saħħa tat-tfal ta’ ċerta età, ladarba l-adulti qatt ma jagħtu verament kas ta’ dak li jkunu qed jgħidu u jagħmlu. Dik li għall-ewwel tidher logħba tat-tfal li għaddejja fl-istess ħin fi bliet distanti u differenti tinbidel f’avveniment ta’ biża’, invażjoni mill-aljeni. Bradbury jibni ċerta tensjoni li tfaqqa’ lejn l-aħħar tar-rakkont. Il-final tiegħu ma jingħadx, għalkemm il-qarrej jiġi mogħti sinjali minn qabel ta’ x’se jseħħ. Tissemma s-sena 1948 fil-passat meta t-tfal kellhom il-logħob stramb tagħhom ukoll bejn Ġappuniżi u Nażisti. Bradbury jittratta r-relazzjoni ġenituri/adulti u tfal, imma anki t-tema tal-gwerra u l-invażjoni.

L-aħħar rakkont ta’ The Illustrated Man jismu The Playground. Huwa rakkont b’saħħtu ferm dwar it-tfulija u s-snin mgħoddija fl-iskola, ippreżentati bħala żmien diffiċli immens, żmien ta’ prova u ta’ sopravvivenza għal kull tifel u tifla. Naqraw deskrizzjonijiet effettivi li jappellaw għal kull sens (il-viżjoni, is-smigħ, it-togħma, il-mess u x-xamm) biex Bradbury jwassal l-esperjenza fil-bitħa tal-iskola bħala waħda vjolenti u barbarika. L-awtur saħansitra jidħol f’moħħ il-missier protagonist (naraw il-biżgħat u l-frustrazzjonijiet tiegħu li ġejjin minn żmien tfulitu) li bl-ebda mod ma jrid jibgħat lil ibnu ta’ tliet snin f’dan il-post tal-orrur. Il-fantaxjentifiku jidħol meta fl-aħħar il-missier jiġi offrut l-opportunità li jieħu post ibnu, jissagrifika ruħu għalih, u jerġa’ jsir tifel hu biex jerġa’ jaffaċċja tnax-il sena oħra ta’ skola. L-uffiċċju tal-manaġer tal-iskola hu dejjem vojt, bħal biex ifisser li fejn tidħol is-sistema tal-iskola mhemm l-ebda tmexxija; hemm biss anarkija, jew il-ġlieda bejn id-dgħajjef u l-b’saħħtu. It-tfulija fl-iskola hawn tiġi ppreżentata bħala esperjenza trawmatika tassew.

Ir-rumanz jagħlaq b’Epilogu qasir fejn nerġgħu lura għall-bidu tar-rumanz. Il-protagonist-narratur matul il-lejl ikun ra t-tatwaġġi-tpinġijiet kollha fuq ġisem ir-raġel impinġi. Imma jkun fadal spazju vojt fuq ġismu li juri l-ġejjieni tal-protagonist. Dan tal-aħħar jagħżel li ma jħallix lil din l-aħħar tpinġija titlesta jew tifforma ruħha, u b’hekk jaħrab ’il bogħod mir-raġel impinġi. Il-biża’ mill-ġejjieni fl-bniedem tibqa’ fih sal-aħħar. Forsi Bradbury ried ifakkarna wkoll li l-ikbar għadu tal-bniedem huwa hu stess?

Patrick Sammut

No comments: